Restawrata l-Pittura titulari tal-Knisja l-Antika ta’ Santa Venera - Sejba importanti għall-istorja tal-Arti -

Il-pittura titulari li żżejjen il-Knisja l-Antika ta’ Santa Venera għadha kif ġiet restawrata għas-sbuħija oriġinali tagħha. Dan sar mid-ditta tar-restawr ReCoop. Il-pittura turina l-figura sħiħa tal-qaddisa patruna Santa Venera. Barra x-xogħol ta’ restawr, id-ditta ReCoop għamlet studju storiku artistiku tal-pittura titulari.
Sejba importanti dwar Stefano Erardi
Ix-xogħol ta’ konservazzjoni ta dawl ġdid importanti fuq min seta’ pitter dan ix-xogħol maħsub li sar lejn nofs is-seklu 17. L-istoriku tal-arti Dr Keith Sciberras huwa tal-fehma li din il-pittura tista’ tkun attribwita lill-artist Malti Filippo Dingli u li dan pitter din l-opra bl-għajnuna ta’ Stefano Erardi (1630-1716). Din hi sejba importanti għax timbotta ’l quddiem l-ipotesi li Stefano Erardi beda t-taħriġ tiegħu fil-bottega ta’ Dingli.
Il-proċess ta’ konservazzjoni
Il-proċess tal-konservazzjoni tmexxa minn Roderick Abela B.Cons. (Hons.) li reġa’ ta s-sbuħija oriġinali lil din l-opra tal-arti. Bosta dettalji reġgħu nkixfu wara li dawn tgħattew minħabba saffi sħaħ ta’ verniċ u trab. L-intervent kien jikkonsisti minn trattament estensiv ta’ konservazzjoni b’tiftix għas-soluzzjoni tal-problemi tal-fenomini tad-deterjorament. Bħala parti mit-trattament, il-pittura għaddiet minn eżami bir-reqqa u proċess ta’ dokumentazzjoni, fost l-oħrajn eżami bl-infra Red.
Il-pittura wriet nuqqas kbir ta’ deformazzjoni kemm fis-sapport kif ukoll fis-saff taż-żebgħa. F’bosta bnadi kienet tidher b’mod ċar żebgħa żejda miżjuda, kif ukoll toqob madwar l-imħuħ tal-figuri ewlenin. Dawn ġew imtaqqbin minn kuruni miżjudin bħala ornament.
Instabet ukoll kitba fuq il-qafas ta’ wara tal-pittura, li wkoll ġiet dokumentata. Din turi s-sena 1955 meta sar l-aħħar trattament ta’ restawr fuqha.
Aspetti Strutturali u Estetiċi
Il-proċess ta’ konservazzjoni kien jinkludi wkoll aspetti strutturali u estetiċi. Min-naħa strutturali din kienet tikkonsisti fit-tisħiħ tas-sapport u tas-saff taż-żebgħa. Min-naħa tal-proċess estetiku dan kien jikkonsisti fit-tindif tas-saff taż-żebgħa fejn dan kixef il-kuluri vivaċi oriġinali u l-integrazzjoni finali tal-kulur. Tneħħew l-interventi antiki li kienu saru, kif ukoll tneħħiet l-inforra l-antika biex saret waħda ġdida.
Ix-xogħol tar-restawr twettaq b’mod olistiku u xjentifiku biex żgur dan iħares u jippreserva din il-pittura għall-gost tal-parruċċani Vendriżi.