AħbarijietX'ġara dan l-aħħar
FIL-QOSOR . . . . . Dicembru 2006 • Nhar il-Ħadd 31 ta’ Diċembru 2006, Patri Dward Vella għadda għall-ħajja ta’ dejjem fil-kunvent ta’ Tarija fil-Bolivja. L-għada, it-Tnejn 1 ta’ Jannar 2007, sar il-funeral tiegħu fil-knisja ta’ San Roque f’Tarija, li tmexxa mill-Arċisqof Mons. Javier del Río. Wara saret id-difna fiċ-ċimiterju prinċipali ta’ Tarija. (4.1.2007) • Nhar it-30 ta’ Diċembru 2006, fil-knisja ta’ l-Imdina sar kunċert ta’ mużika sagra mill-arpista Caroline Calleja u l-mezzo sopran Claire Massa. Għal dan il-kunċert, li sar fin-12.30 p.m., attendew bosta turisti. (11.1.2007) • Nhar l-20 ta’ Diċembru 2006, fil-knisja tal-Karmelitani ta’ l-Imdina saret lejla ta’ kant u riflessjoni bis-sehem tal-kor Infaħħru lil Marija tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Fgura. Fiha tkantaw għanjiet tal-Milied u nqraw poeżiji ta’ Patri Beneditt Caruana, Patri Anastasju Cuschieri u Patri Hugh A. Mallia. (26.12.2006) • Nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Diċembru 2006, il-grupp ta’ l-armar tal-festa tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Balluta ħa ħsieb iħejji presepju kbir għall-pubbliku. Il-wirja kienet miftuħa mill-Ministru Francis Zammit Dimech u mbierka mill-Kappillan Patri Maurice Abela. (26.12.2006) • Fl-aħħar laqgħa tal-Provinċjali, is-Superjuri ta’ l-Ordnijiet Reliġjużi f’Malta ftiehmu li bħala turija ta’ ringrazzjament lill-Arċisqof Mercieca, jagħtuh elf lira bejniethom ilkoll biex jgħaddihom lil xi istituzzjoni ta’ karità skond ma jixtieq hu. Barra din l-offerta ta’ flus sar ukoll ftehim biex kull Provinċja toffrilu rigal spiritwali. Għal dan il-għan ir-reliġjużi Karmelitani qablu li fid-19 ta’ Jannar 2007 joffru quddies u talb ieħor għall-bżonnijiet u l-intenzjonijiet ta’ l-Arċisqof Mercieca. (29.12.2006) • L'Edizioni Messaggero għadha kemm ippubblikat is-seba’ volum mis-sensiela ta' kotba fuq il-Lectio Divina bl-isem: Conservo nel cuore la tua Parola. Lectio divina sulle letture festive dei Vangeli di Luca e Giovanni. F'dan il-volum hemm erba’ skemi għal-Lectio Divina imħejjijin minn Patri Charló Camilleri, u li dehru fost l-iskemi fuq l-Evanġelju ta' kull nhar ta' Ħadd li l-Ordni Karmelitan joffri fuq il-website tiegħu. Din l-inizjattiva tal-Lectio Divina On-Line, li issa daħlet fis-sitt sena tagħha, kienet maħsuba u hija mmexxija minn Patri Anthony Cilia. (26.12.2006) ● Fid-9 u fl-10 ta' Diċembru, fiċ-Ċentru Familja Karmelitana, it-Teatru Ċentru Familja Karmelitana ppreżenta kummiedja mużikali fi tliet atti bl-isem ta' Sindybelle. Iż-żewġ rappreżentazzjonijiet intlaqgħu tajjeb ħafna. Sindybelle ġiet miktuba minn Patri Louis Bajada, b'lirika ta' Charles Mifsud u b'direzzjoni ta' Daniela Farrugia. (12.12.2006) • Nhar it-8 ta’ Diċembru 2006, fid-Dar tal-Formazzjoni fil-Balluta, ġiet iċċelebrata s-Solennità ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, Patruna ta’ l-istess Dar. Lejlet il-festa, il-Pirjol, Patri Michael Farrugia, mexxa l-ewwel Għasar, li kien iċċelebrat flimkien mal-komunità tal-Balluta u mal-qraba tal-membri tad-Dar tal-Formazzjoni. Nhar il-festa fil-għodu, il-Provinċjal mexxa l-Quddiesa Solenni, li attendew għaliha l-membri tal-komunità tal-Balluta. (12.12.2006) • Patri Timotju Azzopardi għarrafna li x-xahar ta’ Diċembru 2006 kien impenjattiv ħafna fil-knisja tagħna ta’ Milazzo (Sqallija). Wara n-Novena tal-Kunċizzjoni kien imiss it-Tridu ta’ Santa Luċija u mbagħad in-Novena tal-Milied, li din issir darbtejn, fil-għodu kmieni u fil-għaxija. Fihom ħadu sehem ħafna nies. (26.12.2006) • Nhar is-7 ta’ Diċembru 2006 saret Velja ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni organizzata minn Radju Marija fil-kunvent tad-Dumnikani fir-Rabat. Waqt il-Quddiesa kkonċelebraw ma’ Patri Charles Fenech, OP, Direttur ta’ Radju Marija, Patri Victor Mallia, OCD, Provinċjal tal-Karmelitani Skalzi, Patri Amadeo J. Zammit, O.Carm., Patri Damian Cachia, O.Carm., u Patri Martin D. Schembri, O.Carm., li kien iċ-ċelebrant tal-Velja wara l-Quddiesa. Kien hemm ukoll Fra Vincent Rotin, O.Carm., flimkien ma’ bosta Terzjarji Karmelitani u nies li jattendu fil-knejjes tagħna. (26.12.2006) • Kull nhar ta' Tnejn bejn il-11.00 a.m. u nofsinhar, Patri Damian Cachia qed imexxi l-programm Il-Ħuġġieġa fuq Radju Marija. Dan il-programm jitratta l-lezzjonijiet tar-rivista ta' l-Azzjoni Kattolika u t-tagħlim li joffru l-istess lezzjonijiet. (12.12.2006) • Nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Diċembru 2006, fil-knisja tal-Karmnu fl-Imdina saret lecture fuq il-pitturi tal-Madonna tal-Karmnu u tal-Profeta Elija ta’ Michele Bellanti minn Mark Sagona, li hu lecturer fid-Dipartiment ta’ l-Istorja ta’ l-Arti ta’ l-Università ta’ Malta, għal grupp ta’ studenti universitarji. (12.12.2006) • Bi preparazzjoni għall-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, iċċelebrata fil-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali fir-Rabat, Għawdex, Patri Renald Lofreda kien mistieden jippriedka t-tridu. (12.12.2006) • Nhar il-5 ta’ Diċembru 2006, fil-kappella ta’ l-Università ta’ Malta, Patri Alexander Vella, Provinċjal tal-Karmelitani, mexxa serata ta’ riflessjoni dwar l-Avvent li kienet miftuħa għall-istaff kollu ta’ l-Università u għall-professjonisti. P. A.Vella huwa lecturer fid-dipartiment ta’ l-Iskrittura fil-Fakultà tat-Teoloġija. • Nhar l-4 ta’ Diċembru 2006, Patri Joe Saliba ltaqa’ ma’ Fr. Savio Vella, S.D.B., id-Delegat ta’l-Arċisqof għall-ħidma maż-żgħażagħ. L-iskop tal-laqgħa kien biex jiġi diskuss is-sehem u l-kordinament tal-parroċċi Karmelitani fil-ħidma tagħhom maż-żgħażagħ. Bħala frott ta’ din il-laqgħa, f’Jannar, f’data li se titħabbar aktar ‘il quddiem, ser issir laqgħa għar-reliġjużi Karmelitani li b’mod jew ieħor huma involuti fil-ħidma ma’ l-adolexxenti u ż-żgħażagħ. (12.12.2006) • Fl-okkażjoni tal-ħatra ta’ Patri Pawl Cremona, O.P., bħala l-Arċisqof il-ġdid tal-Knisja f’Malta, il-Provinċjal, f’isem il-Provinċja, bagħatlu ittra ta’ awguri u wkoll bagħat ittra oħra ta’ ringrazzjament lill-Arċisqof Mons. Ġużeppi Mercieca għas-servizz tiegħu matul dawn l-aħħar 30 sena. (5.12.2006) • Nhar is-Sibt 2 ta’ Diċembru 2006, fil-kunvent ta’ Santa Tereża f’Bormla, saret laqgħa bejniż-żewġ Kunsill Provinċjali tal-Karmelitani (O.Carm) u tal-Karmelitani Skalzi (OCD). Fost l-oħrajn f’din il-laqgħa kienu diskussi l-Ġublew Karmelitan 2007 u t-twaqqif ta’ l-Istitut Karmelitan. (5.12.2006)
FIL-QOSOR . . . . . Novembru 2006 • Nhar il-Ħamis, 30 ta’ Novembru 2006, fil-Knisja tal-Karmnu l-Imdina, il-Professur Keith Sciberras ta lecture fuq il-pittura barokka lil grupp imdaqqas ta’ studenti universitarji li qed jagħmlu l-kors għall-B.A. fl-Istorja ta’ l-Arti. Tnejn minn dawn l-istudenti qegħdin jagħmlu t-teżi tagħhom fuq il-knisja u l-kunvent ta’ l-Imdina. (5.12.2006) • Bejn is-27 u d-29 ta’ Novembru 2006, fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera saru tlitt ijiem eżerċizzi bi tħejjija għall-Avvent għat-Terzjarji Karmelitani tal-komunitajiet lokali ta’ Santa Venera, tal-Ħamrun (Tas-Samra) u ta’ Birkirkara (Tal-Ħerba). Fl-14 ta’ Novembru kienet organizzata wkoll ġurnata rtir fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’, Rabat, li fiha ħadu sehem madwar 100 terzjarju u terzjarja. (5.12.2006) • Bejn is-Sibt 25 u l-Ħadd 26 ta’ Novembru 2006, kien iċċelebrat Jum il-Vokazzjonijiet Karmelitani fis-Santwarju Bażilka tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Ħadu sehem fl-organizazzjoni tad-diversi attivitajiet id-Direttur Provinċjali tal-Vokazzjonijiet u l-Istudenti Karmelitani. (28.11.2006) • Bejn l-20 u l-24 ta’ Novembru 2006 sar l-irtir tas-sena għar-reliġjużi Karmelitani u Karmelitani Skalzi fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’, Rabat. Għal dan l-irtir, li kien immexxi minn Dun Charles Cordina, ħadu sehem għaxar reliġjużi (tmienja O.Carm u tnejn OCD). (28.11.2006) • Dan l-aħħar il-konsulturi teoloġiċi tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin tal-Vatikan taw vot affermattiv għall-miraklu ta’ fejqan li seħħ bl-interċessjoni tal-Venerabbli Madre Candelaria ta’ San Ġużepp, fis-seklu Susanna Paz Castillo Ramírez, mill-Venezwela, fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-sorijiet Hermanas Carmelitas de Madre Candelaria. Bil-vot tagħhom il-konsulturi wrew li huma favorevoli għall-beatifikazzjoni ta’ Madre Candelaria kemm-il darba l-Papa Benedittu XVI ma jsib ebda diffikultà. Ta’ min iżid li b’inizjattiva tal-patrijiet Karmelitani Maltin, xi snin ilu, il-Kongregazzjoni tagħha fetħet l-ewwel dar barra l-Venezwela, fil-parroċċa tagħna ta’ La Paz, il-Bolivja. Is-sena l-oħra s-sorijiet ta’ Madre Candelaria ħallew din id-dar u ttrasferew ruħhom fil-parroċċa l-oħra li għandna f’Tarija. (28.11.2006) • Fit-23 ta' Novembru 2006, Patri Joe Saliba għamel konferenza dwar L-Attwalità tal-messaġġ tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità fis-sala tal-konferenzi tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi f’Birkirkara. Din kienet parti minn serje ta' taħdidiet organizzati miċ-Ċentru Spiritwalità Tereżjana. (12.12.2006) ● Nhar it-Tnejn, 20 ta’ Novembru 2006, Patri Charló Camilleri kien mistieden f’Bari biex jitkellem dwar Santa Marija Maddalena de’ Pazzi waqt l-Assemblea Provinċjali tal-Provinċja Karmelitana Naplitana. Wara nofsinhar hu ta konferenza oħra lis-sorijiet Karmelitani tal-klawsura tal-monasteru ta’ Ostuni. (21.11.2006) ● Nhar is-Sibt, 18 ta’ Novembru 2006, Patri Edmond Caruana, Direttur Editorjali tal-Libreria Editrice Vaticana, se jmexxi Delegazzjoni Vatikana għall-Istati Uniti, fejn nhar l-20 ta’ Novembru 2006 se jindirizza lill-Ġnus Magħquda u jippreżenta l-ktieb Benedetto ed Europa. (14.11.2006) ● Nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Novembru 2006, sar kunċert mill-pre-novizz Glen Attard (fuq il-pjanu) flimkien ma’ Jacob Portelli (fuq il-viola). Glen u Jacob tellgħu programm ta’ madwar nofs siegħa ġewwa l-music room tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Il-biċċiet tal-mużika li daqqew, li kienu jinkludu lil Weber, Scarlatti, Schubert, Albeniz u Bruch, niżlu tajjeb ma’ l-udjenza li kienet preżenti. Dan il-kunċert ingħata pubbliċità fuq il-mezzi kollha tal-media lokali. (21.11.2006) ● Dan l-aħħar fil-Parroċċa ta’ Santa Venera saru dawn l-attivitajiet: ● Fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu (tmenin sena) u s-sittin anniversarju mill-Professjoni Reliġjuża ta’ Patri Timotju Azzopardi, nhar it-13 ta’ Ottubru 2006 fil-knisja ta’ Milazzo, Sqallija, saret Quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla, li kompliet b’festin fratern. Għall-okkażjoni s-Sindku u l-Amministrazzjoni tal-Komun ta’ Milazzo ppreżentaw lil Patri Timotju ċertifikat u midalja b’sinjal ta’ apprezzament għall-ħidma b’valur ċivili, morali u reliġjuż li huwa jagħti lin-nies tal-belt. Fl-istess okkażjoni sar il-kxif u t-tberik ta’ pittura ta’ San Ġwann ta’ Matha wara li kienet restawrata. Din il-ġrajja ngħatat prominenza fil-ġurnali ta’ Milazzo La Voce di Milazzo u Gazzetta del Sud. (14.11.2006) ● Nhar it-13 ta’ Novembru 2006, saret għall-ewwel darba t-tifkira tal-Beata Marija Tereża ta’ Ġesù Scrilli. Fil-Belt Valletta, kien mistieden imexxi l-Quddiesa konċelebrata ta’ fil-għaxija Mons. Isqof Paolo Giglio, Terzjarju Karmelitan, fil-waqt li l-omelija saret mill-Pirjol Patri Martin D. Schembri. Għall-okkażjoni tqassmu 200 poster tal-Beata Scrilli. (14.11.2006) ● Nhar is-Sibt, 11 u l-Ħadd, 12 ta' Novembru 2006, fil-Parroċċa tal-Fgura ġie ċċelebrat is-Sagrament tal-Grizma ta' l-Isqof lil 180 tifel u tifla. Is-Sibt mexxa ċ-ċelebrazzjoni Mons. Isqof Adeodato Micallef, OCD, fil-waqt li l-Ħadd iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet minn Mons. Lawrenz Mifsud. (14.11.2006) ● Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Martin ta’ Tours li tiġi ċċelebrata fil-Baħrija, nhar is-Sibt, 11 ta’ Novembru 2006, Patri Martin D. Schembri għamel il-paniġierku. (14.11.2006) ● Bejn il-Ġimgha, 10 u l-Ħadd, 12 ta' Novembru, sar weekend ta' formazzjoni għaż-żgħażagħ u l-membri tal-Kummissjoni Festa Esterna tal-Fgura ġewwa d-Dar tat-Talb tas-Silġ f'Marsaxlokk. Matul dan il-weekend saru laqgħat formattivi mill-KDŻ u minn Dun Charles Cordina. Dan il-live-in intemm biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa l-Ħadd fil-għodu minn Patri Renald Lofreda, O.Carm. (14.11.2006) ● Fid-9 u fl-10 ta' Novembru 2006, fiċ-Ċentru Familja Karmelitana ta’ Fleur-de-Lys, saret l-Assemblea Parrokkjali. Fiha saret evalwazzjoni tas-sentejn li għaddew u ġie ppreżentat il-Pjan Pastorali għas-snin 2007-2008. Kien hemm attendenza numeruża u nkoraġġanti. Fl-ewwel ġurnata attenda Dun Joe Galea Curmi. (12.12.2006)
● Nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Novembru 2006 sar seminar għall-istudenti tal-Form 5 tal-Liceo Dun Ġużepp Zammit Brighella tal-Ħamrun. Is-seminar sar fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’ fir-Rabat, u tmexxa minn Patri Hermann Duncan u minn Patri Franco Grech, OSA, Diretturi Spiritwali ta’ l-iskola. Patri Hermann ħa sehem ukoll fil-programm Skiet li xxandar fuq Radju Marija nhar il-Ħadd, 12 ta’ Novembru 2006. (14.11.2006) ● Fl-okkażjoni ta’ għeluq il-mitt sena mill-mewt tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità: ● Fil-bidu ta’ Novembru beda jitlaqqa’ grupp ta’ adolexxenti ta’ bejn it-12 u t-13-il sena. Bħalissa dan il-grupp jiġbor fih 18, imma jidher li se jiżdied għax qed iqajjem interess. Fil-11 ta’ Diċembru se jibda jitlaqqa’ grupp ta’ żgħażagħ minn 18-il sena ’l fuq. Din l-ewwel laqgħa se tkun mal-grupp ta’ l-istess età li hemm fil-Fgura. (12.12.2006) ● Patri Garvin Grech, Kummissarju Provinċjali tal-Bolivja, ħa sehem f’laqgħa għas-Superjuri Maġġuri ta’ l-Amerika Latina li saret f’Lima, il-Perù. Patri Milton Murillo Ortiz ħa sehem f’Kungress dwar ir-Regula organizzat mill-Ordni tagħna u mill-Karmelitani Skalzi għall-Amerika Latina. (7.11.2006) ● Fi tmiem Ottubru u l-bidu ta’ Novembru fil-knisja tagħna ta’ l-Imdina saru diversi attivitajiet:
FIL-QOSOR . . . . . Ottubru 2006 ● F’għeluq il-125 sena mill-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu, nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Ottubru 2006, il-Lajċi Dumnikani għamlu ċelebrazzjoni fis-Santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta. (31.10.2006) ● Nhar it-Tnejn, 23 ta’ Ottubru 2006, fl-okkażjoni ta’ l-għoti ta’ kopja tax-xbieha tal-Bambin ta’ Praga lill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ l-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta, il-komunità Karmelitana tal-Belt Valletta kienet mistiedna għal din iċ-ċelebrazzjoni, u kienet rappreżentata minn Patri Marcellin Scicluna. Il-Quddiesa, li saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, tmexxiet mill-Kardinal Tomas Spidlik, u kkonċelebraw miegħu, fost l-oħrajn, l-Arċisqof ta’ Malta, in-Nunzju Appostoliku għal Malta, u l-Provinċjal tal-Karmelitani Skalzi. (31.10.2006) ● Nhar it-Tnejn, 23 ta’ Ottubru 2006, sar il-funeral ta’ Patri Serafin Abela, O.Carm. Beda fin-12.30 p.m., meta l-ġisem tiegħu kien trasportat għall-kunvent ta’ l-Imdina u espost għall-pubbliku. Fis-2.00 p.m. saret il-Quddiesa tal-Funeral li tmexxiet mill-Provinċjal, Patri Alexander Vella, fil-waqt li l-omelija saret minn Patri Mawrizju Mizzi. Wara, saret id-difna fl-oqbra tal-Provinċja fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata. (24.10.2006) ● Bejn is-Sibt 21 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru 2006, kien organizzat irtir għall-istudenti ta’ l-ewwel sena ta’ l-iskola sekondarja mill-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani. Għal dan l-irtir, li sar fid-Dar tat-Talb ‘Tas-Silġ’ f’Marsaxlokk, attenda numru sabiħ ta’ 22 student. (24.10.2006) ● Tard fil-għaxija tas-Sibt, 21 ta' Ottubru 2006, Patri Serafin Abela, O.Carm., miet fl-Isptar San Luqa. Il-Quddiesa presente cadavere se jsir nhar it-Tnejn, 23 ta' Ottubru 2006. Il-funeral jitlaq mill-Isptar San Luqa fin-nofs siegħa (12.30pm) lejn il-Knisja tal-Karmnu fl-Imdina, fejn il-ġisem ta' Patri Serafin ikun espost fil-kunvent. Fis-2.00pm issir il-Quddiesa tal-Funeral. Wara ssir id-difna fl-oqbra tal-Provinċja fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta' dejjem. (22.10.2006) ● Nhar il-Ħadd, 15 ta’ Ottubru 2006, fil-Parroċċa ta’ Santa Venera ġiet iċċelebrata l-Festa tal-Madonna tal-Karmnu. Matul il-jiem tan-Novena bi tħejjija għall-festa, saru, fost l-oħrajn, il-Vestizzjoni ta’ l-Abbatini l-ġodda, u l-Vestizzjoni u l-Professjoni fit-Terz Ordni Karmelitan. Il-Ħadd fil-għaxija, wara Quddiesa Solenni mmexxija mill-Provinċjal, saret il-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu fit-toroq tal-parroċċa. (16.10.2006) ● Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù li kienet iċċelebrata fil-15 ta’ Ottubru, fil-knisja tal-Karmelitani Skalzi f’Bormla, Patri Martin D. Schembri ċċelebra tlitt ijiem min-Novena, filwaqt li l-Provinċjal, Patri Alexander Vella mexxa l-konċelebrazzjoni flimkien mal-Provinċjali ta’ Ordnijiet oħra, ma’ l-Arċiprieti tal-Kottonera u mar-Retturi tal-knejjes tal-Belt u tal-Kottonera. Patri Amadeo J. Zammit, bħala Delegat ta’ l-Arċisqof għall-Membri ta’ l-Istituti ta’ Ħajja Konsagrata, mexxa wkoll Quddiesa għand is-Sorijiet Karmelitani Skalzi f’Bormla. (16.10.2006) ● Bejn it-3 u s-7 ta’ Ottubru 2006, Patri Michael Farrugia ħa sehem f’laqgħa internazzjonali ta’ l-Ekonomi ta’ l-Ordni tagħna, li saret f’Sassone, Ruma. Il-Ħadd, 8 ta’ Ottubru, huwa ħa sehem ukoll għall-beatifikazzjoni ta’ Marija Tereża Scrilli, fundatriċi ta’ kongregazzjoni ta’ sorijiet Karmelitani, li saret fi Fiesole, Firenze. (9.10.2006) ● Nhar is-6 ta’ Ottubru 2006 Patri Timotju Azzopardi u Patri Salv Bartolo se jiċċelebrew għeluq is-60 sena mill-Professjoni tagħhom. Patri Timotju qalilna li huma kienu fost l-ewwel grupp li daħlu fl-Ordni mill-iskola li kienet twaqqfet fil-kunvent tagħna tal-Belt Valletta, u kien ukoll wieħed mill-akbar gruppi li daħlu fil-Provinċja. Hija ħaġa interessanti ngħidu li l-grupp kollu ta’ Patri Timotju u ta’ Patri Salv kienu ġew mogħtijin isem skond l-inizjali tal-Provinċjal li laqagħhom fl-Ordni, Patri Pietru Dimech (Petrus M. D.). In-novizzi kienu: Piju Serracino Inglott (+1983), Eliżew Pavia (ħareġ), Timotju Azzopardi, Rużar Caruana (+2000), Urbanu Borg (+2006), Salvatore Bartolo, Mark Gauci (ħareġ), Damian Preca (ħareġ). Ta’ min jgħid ukoll li Urbanu Borg huwa Patri Valentin Borg Gusman, li qabel il-Professjoni Sempliċi talab li jinbidel ismu. (2.10.2006) ● Fil-jiem ta’ tħejjija għall-Festa tal-Madonna tal-Karmnu li ser issir fil-Parroċċa ta’ Santa Venera, ġie ċċelebrat Jum il-Vokazzjonijiet Karmelitani. Nhar il-Ħamis, 5 ta’ Ottubru, fil-knisja parrokkjali, wara l-Quddiesa ta’ fil-għaxija, saret ċelebrazzjoni Ewkaristika għall-vokazzjonijiet Karmelitani, fil-waqt li fil-Quddies tas-Sibt fil-għaxija u tal-Ħadd fiż-żewġ knejjes, sar talb għall-istess intenzjoni. Fil-Quddies fiż-żewġ knejjes ħadu sehem l-Istudenti Karmelitani li qed iħejju ruħhom għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali. (9.10.2006) ● Nhar l-1 ta’ Ottubru 2006, festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, l-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani organizzat attività għall-istudenti li qegħdin fl-ewwel u fit-tieni sena ta’ l-iskola sekondarja. L-attività bdiet b’Quddiesa fil-knisja ta’ l-Imdina, li tmexxiet mid-Direttur tal-Vokazzjonijiet Patri Renald Lofreda, u wara tkompliet b’ħarġa. Ħadu sehem madwar 20 tifel mill-Kulleġġ San Elija. (9.10.2006) ● Patri Hermann Duncan ġie maħtur mill-Kurja ta’ l-Arċisqof bħala Religious Counsellor għall-Junior Lyceum tal-Ħamrun. Dan l-aħħar, huwa ħa sehem fil-programmi Fis-Skiet u Komunità fuq Radju Marija. (2.10.2006)
FIL-QOSOR . . . . . Settembru 2006 ● Fil-laqgħa tal-Provinċjal u l-Kunsill tiegħu, li saret nhar il-Ħamis, 28 ta’ Settembru 2006, fil-kunvent tal-Balluta, twaqqfet il-Kummissjoni Patrimonju Kulturali tal-Provinċja, kif jitolbu l-Istatuti ta’ l-istess Provinċja. Il-membri tal-Kummissjoni huma: Patri Alexander Vella, Provinċjal, President, Patri Jürgen Cucciardi, Segretarju, Dr. Keith Sciberras (Art Historian Consultant) u s-Sur Saviour Borg (Perit). Din il-Kummissjoni se tibda taħdem immedjatament fuq il-proġett għall-kunvent ta’ l-Imdina. (2.10.2006) ● Mit-Tnejn, 25 ta’ Settembru 2006, bdiet is-sena skolastika ġdida fil-Kulleġġ Sant’Elija. Din is-sena wkoll il-Kulleġġ tagħna laqa’ numru ta’ studenti ġodda li se jibdew l-ewwel sena ta’ l-iskola sekondarja. (25.9.2006) ● Nhar il-25 ta’ Settembru 2006, fil-kunvent tal-Balluta, saret laqgħa bejn il-Kappillani tal-Parroċċi tagħna (Fgura, Fleur-de-lys, S. Venera u Balluta) u l-Provinċjal biex jiddiskutu flimkien x’jista’ jsir fil-Parroċċi tagħna għall-Ġublew Karmelitan 2007. (25.9.2006) ● Bħala parti mill-Assemblea Provinċjali li saret nhar it-Tlieta, 19 ta’ Settembru 2006, fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’ (Rabat), saret ukoll laqgħa għall-Pirjoli flimkien mal-Kunsill Provinċjali. Il-laqgħa, li kellha bħala tema “Rwol u skills ta’ min imexxi”, tmexxiet minn Patri Alfred Darmanin, S.J. Dawk preżenti wrew ix-xewqa li kull tliet xhur tibda ssir laqgħa simili bejn il-Pirjoli u l-Kunsill Provinċjali bil-għan li jkun hemm aktar komunikazzjoni informattiva u formattiva. (25.9.2006) ● Minn nhar it-Tnejn, 18 ta’ Settembru 2006, Patri Mark Attard beda x-xogħol ġdid tiegħu bħala Kap tad-Dipartiment tat-Teoloġija Morali fil-Fakultà tat-Teoloġija, fl-Università Pontifiċja Gregorjana, f’Ruma. (25.9.2006) • Il-Kummissjoni Ġublew Karmelitan 2007 qiegħda tħejji l-attivitajiet għall-Ġublew li se jkun iċċelebrat mir-reliġjuż Karmelitani u mill-Karmelitani Skalzi flimkien. Kien deċiz li l-ftuħ tal-Ġublew isir nhar il-Ħamis, 11 ta’ Jannar 2007, u l-għeluq isir nhar il-Ħamis, 13 ta’ Diċembru 2007. Aktar dettalji tal-programm jitħabbru ‘l quddiem. (18.9.2006) • Nhar it-Tnejn, 18 ta’ Settembru 2006, fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’ (Rabat), saret l-Assemblea Provinċjali Annwali tal-Patrijiet Karmelitani, li għaliha attendew 26 reliġjuż. Patri Alfred Darmanin, S.J., għamel żewġ taħdidiet li fihom tkellem dwar Kif nibnu komunità aħjar. Il-Provinċjal, P. Alexander Vella, ta rapport dwar il-proġett li qiegħed jinħadem għall-kunvent ta’ l-Imdina. L-Assemblea spiċċat b’ikla fraterna. (18.9.2006) • Mir-riżultat taċ-Ċensiment tal-Quddies li tħabbar ftit taż-żmien ilu ħareġ li kien hemm xi żbalji fin-numri ta’ dawk li attendew il-Quddies fil-knejjes differenti tal-Parroċċa tal-Balluta mmexxija mill-Patrijiet Karmelitani. Id-DISCERN ikkoreġiet dawn l-iżbalji u għalhekk qegħdin nippubblikaw ir-riżultat ikkoreġut: Knisja Parrokkjali 1747 (flok 497 kif ippubblikat); Casa Leone XIII 203; Kunvent tal-Karmnu 40; Ġesù l-Ħabib 329 (flok 929 kif ippubblikat); Ċentru Parrokkjali 131; Sant’Injazju 57 (flok 707 kif ippubblikat); Zammit Clapp 77. (18.9.2006) ● Bejn it-3 u l-10 ta’ Settembru 2006, Patri Edmond Caruana, O.Carm., kien fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq xogħol bħala Direttur Editorjali tal-Libreria Editrice Vaticana. Huwa indirizza lill-Isqfijiet f’Washington u lill-Edituri Kattoliċi f’Chicago fuq il-kotba tal-Papa Benedittu XVI. (11.9.2006) FIL-QOSOR . . . . . Lulju 2006 ● Patri Timotju Azzopardi bagħatilna tagħrif dwar il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu f’Milazzo li ġiet iċċelebrata nhar il-Ħadd 16 ta’ Lulju 2006. It-tħejjija għall-Festa kienet tinkludi seba’ Erbgħat solenni u novena. F’jum il-festa, mijiet ta’ nies minn Milazzo u l-madwar imlew il-knisja għall-Quddies. Fil-11.00 a.m. Patri Timotju ċċelebra Quddiesa Kantata, u fil-għaxija kien hemm il-Purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu li daret madwar it-toroq tal-belt. Għall-purċissjoni, li hija popolari ħafna f’Milazzo, ħadet sehem il-banda ċittadina li akkumpanjat l-istatwa tal-Madonna matul il-purċissjoni kollha. Fil-purċissjoni ħadu sehem ukoll is-Sindku u l-kunsillieri tal-belt, flimkien ma’ mijiet ta’ terzjarji, kollaboraturi u benefatturi tal-knisja ta’ Milazzo. (31.7.2006) ● Il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju 2006 saret laqgħa għall-Assistenti Spiritwali tal-komunitajiet lokali tat-Terz Ordni Karmelitan. Fil-laqgħa, li saret fil-kunvent tal-Balluta, ngħatat ħarsa lejn ir-realtà attwali tat-Terz Ordni, u saru xi tentattivi għal iktar kordinament bejn il-komunitajiet lokali. Laqgħa oħra għandha ssir fl-20 ta’ Ottubru, u għaliha se jkunu mistednin rappreżentanti minn kull komunità tat-Terz Ordni. (24.7.2006) ● Iż-żewġ komunitajiet tagħna fil-Bolivja ħadu l-okkażjoni tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu biex ifakkru għeluq il-50 sena mill-wasla tal-patrijiet Karmelitani Maltin fil-pajjiż. ● Fl-okkażjoni ta’ għeluq il-125 sena mill-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu, nhar is-Sibt 15 ta’ Lulju 2006, il-Maltapost p.l.c. se toħroġ timbru postali li jfakkar l-istess anniversarju. Fil-kunvent u s-Santwarju Bażilka tal-Belt, fl-istess ġurnata se jkun hemm ukoll first day cover personalizzat. (10.7.2006) ● Nhar it-Tlieta 11 ta' Lulju 2006, fid-9.15 p.m., miet Patri Frans Mifsud, O.Carm., fid-Dar tal-Kleru f'Birkirkara. Il-funeral se jsir il-Hamis, 13 ta' Lulju 2006, fit-8.30 a.m., fil-knisja parrokkjali ta' Santa Venera. Aghtih, O Mulej, il-mistrieh ta' dejjem. (11.7.2006) ● Nhar l-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2006, fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta, bdiet in-Novena li twassal għat-Tifkira Solenni tal-Madonna tal-Karmnu. Fost l-attivitajiet, kien hemm il-Vestizzjoni tat-Terzjarji l-ġodda, li kienu jinkludu 7 miż-Żurrieq u 18 mill-Belt Valletta. (10.7.2006) ● Patri Maurice Abela beda uffiċċjalment il-ministeru pastorali bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Balluta nhar is-Sibt, 1 ta’ Lulju 2006. Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet mill-Kanċillier Mons. Carmel Zammit. Wara li ħa l-ġurament bħala Kappillan, Patri Maurice kien ippreżentat lin-nies mill-Kanċillier, u wara l-omelija, huwa ġedded il-wegħdiet saċerdotali tiegħu u twassal sat-Tabernaklu, il-Fonti tal-Magħmudija, il-Konfessinarju u l-Ambone, il-postijiet ewlenin fil-knisja marbutin mal-ministeru tal-Kappillan. Nawguraw lil Patri Maurice. (3.7.2006)
FIL-QOSOR . . . . . Ġunju 2006 ● F’għeluq il-125 sena mill-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu meqjuma fis-Santwarju tal-Belt Valletta, nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Ġunju 2006, saret quddiesa fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, u wara pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu għas-Santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Il-Quddiesa tmexxiet minn P. Ġorġ Aquilina, OFM, li għamel ukoll l-omelija, fejn qal li din kienet it-tieni darba li l-istatwa tal-Madonna ħarġet mill-knisja ta’ Ġieżu, għax fis-seklu 19 kienu saru wkoll Quddiesa u pellegrinaġġ minn hemm għall-knisja tal-Karmnu minħabba li kienet faqqgħet il-kolera. Ma’ P. Ġorġ ikkonċelebraw il-Provinċjal tagħna u tal-Karmelitani Skalzi, u numru ta’ patrijiet oħrajn taż-żewġ ordnijiet. Fi tmiem il-Quddiesa għamel kelmtejn ta’ l-okkażjoni l-Provinċjal tal-Franġiskani Minuri, li wara ħa sehem fil-pellegrinaġġ flimkien ma’ patrijiet Franġiskani Minuri, Karmelitani u Karmelitani Skalzi. Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkomplu matul il-jiem tan-Novena, li se tibda fil-5 ta’ Lulju, u jaslu fil-qofol tagħhom fit-Tifkira Solenni tal-Madonna tal-Karmnu. (3.7.2006) ● Nhar id-29 ta’ Ġunju 2006, il-Provinċjal u l-Kunsill tiegħu, ħatru lil Patri Joe Saliba bħala Kordinatur tal-Ħidma fost iż-Żgħażagħ. Fl-istess laqgħa l-Provinċjal waqqaf il-Kummissjoni Ġublew Karmelitan għas-sena 2007. Din il-Kummissjoni hija magħmula mill-Provinċjal bħala President, Patri Jürgen Cucciardi bħala Segretarju, Patri Charló Camilleri, Patri Renald Lofreda u s-Sur Josef Bugeja. (30.6.06) ● Fl-okkażjoni ta’ għeluq l-10 snin minn meta l-Banda Madonna tal-Karmnu tal-Balluta daqqet fil-Vatikan waqt Udjenza mal-Papa Ġwanni Pawlu II, nhar il-Ħadd, 25 ta’ Ġunju 2006, sar kunċert mill-Banda quddiem il-Każin, li għalih kien hemm bħala mistieden speċjali l-E.T. Mons. Adeodato Micallef OCD. L-għada, l-istess Isqof, bierek bust tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Każin tal-Banda li hu msemmi għall-istess Papa. (3.7.2006) ● Nhar il-Ħadd 25 ta’ Ġunju 2006, Patri Joe Vella ta bidu uffiċċjali għall-ħidma pastorali bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Fgura. Il-Kanċillier Mons. Carmel Zammit mexxa l-Quddiesa bir-rit tal-bidu tal-ħidma pastorali. Fil-bidu tal-Quddiesa, P. Joe ħa l-ġurament li jaqdi b’fedeltà dan il-ministeru, u ġie ppreżentat lin-nies bħala l-Kappillan il-ġdid. Wara l-omelija, P. Joe ġedded il-wegħdiet saċerdotali tiegħu u twassal sa l-imkejjen ewlenin fil-knisja li huma marbutin mal-ministeru tal-Kappillan. (26.6.2006) ● Fit-18 ta’ Ġunju 2006, Patri Joe Saliba beda uffiċċjalment il-ħidma pastorali tiegħu bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys. Il-Quddiesa bir-rit tal-bidu tal-ħidma pastorali tmexxiet mill-Kanċillier Mons. Carmel Zammit. Wara l-omelija, P. Joe ġedded il-wegħdiet saċerdotali tiegħu u twassal sal-postijiet ewlenin fil-knisja li huma marbutin mal-ministeru tal-Kappillan. Huwa fetaħ u nċensa t-Tabernaklu, inċensa l-Fonti tal-Magħmudija, daħal fil-Konfessinarju u sellem lill-ġemgħa minn fuq l-Ambone. (19.6.2006) ● Nhar is-Sibt 17 ta’ Ġunju 2006, fil-knisja parrokkjali tal-Balluta, Patri Joseph Falzon iċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fi tmiem iż-żmien li għamel bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Balluta. (19.6.2006) ● Nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Ġunju 2006, Sr. M. Pia Sammut, Karmelitana Maltija li tinsab fil-monasteru tal-klawsura f’Vetralla, l-Italja, iċċelebrat il-50 anniversarju mill-Professjoni tagħha. Għall-okkazjoni kienu organizzati siegħa adorazzjoni, pranzu speċjali u quddiesa mmexxija minn Patri Anthony Cilia li fiha Sr. M. Pia ġeddet il-professjoni tagħha. Il-komunità Karmelitana ta’ dan il-kunvent hija ffurmata minn 19-il soru, fosthom Sr. M. Celina, oħt Sr. M. Pia. Attwalment soru Maltija oħra minn din il-komunità, Sr. M. Carmen Cassar, tinsab fir-Repubblika Ċeka fit-twaqqif ta’ kunvent ġdid f’dan il-pajjiz. (19.6.2006) ● Wara li temm iż-żmien tiegħu bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys, nhar it-Tlieta 13 ta’ Ġunju 2006, Patri Mawrizju Mizzi mexxa Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-knisja parrokkjali ta’ Fleur-de-Lys. P. Mawrizju ġie nominat Pirjol tal-komunità tal-Fgura. (19.6.2006) ● Nhar is-Sibt 10 ta’ Ġunju 2006, fil-knisja parrokkjali tal-Fgura, Patri Joe Saliba mexxa Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fi tmiem iż-żmien li għamel bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Fgura. Nawguraw lil Patri Joe ħidma fejjieda fil-komunità u fil-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys. (12.6.2006) ● Nhar il-Hadd, 11 ta’ Ġunju 2006, Solennità tat-Trinità Qaddisa, sar il-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-100 sena mill-mewt tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità. Fil-Quddiesa, li saret fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta u tmexxiet mill-E.T. Mons. Adeodato Micallef, OCD, ħadu sehem diversi reliġjużi mill-Provinċja tagħna u minn fost il-Karmelitani Skalzi, flimkien ma’ numru ta’ Terzjarji. Fil-bidu tal-Quddiesa, il-Provinċjal Patri Alexander Vella qara profil bijografiku tal-Beata, fil-waqt li l-omelija saret minn Patri Juan De Bono, OCD, li tkellem dwar it-Trinità Qaddisa fil-ħajja tal-Beata Eliżabetta. Il-kant matul il-Quddiesa tmexxa mill-kor tal-Parroċċa ta’ San Ġwann tas-Salib ta’ Ta’ Xbiex. (12.6.2006) ● Permezz ta’ Digriet tas-26 ta’ Mejju 2006, l-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta, wara konsultazzjoni mal-Konferenza tas-Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi u bil-kunsens tal-Provinċjal, ħatar lil Patri Amadeo J. Zammit bħala Delegat ta’ l-Arċisqof għat-Taqsima “Membri ta’ Istituti ta’ Ħajja Konsagrata” fi ħdan is-Segretarjat għall-Kleru u Membri ta’ Istituti ta’ Ħajja Konsagrata, u Delegat Speċjali ta’ l-Arċisqof għas-sorijiet ta’ monasteri klawstrali. (1.6.2006) ● Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni waqqaf kumitat sabiex janalizza u jistudja s-sistema ta’ l-eżamijiet fl-aħħar sena ta’ l-iskola primarja (l-eżamijiet tal-Junior Lyceum u tal-Common Entrance) u jagħmel proposti dwar l-istess sistema. Patri Charles Mallia ġie magħżul f’isem l-iskejjel tal-Knisja biex jifforma parti mill-11+ Review Working Group. (1.6.2006) ● Il-Papa Benedittu XVI approva d-digriet li bih ġie rikonoxxut il-martirju ta’ 53 martri, li nqatlu fil-persekuzzjoni tar-reliġjużi fil-gwerra ċivili ta’ Spanja fl-1936. Fosthom hemm 17-il Karmelitan tal-Provinċja Katalana (Spanja). Il-Beatifikazzjoni ta’ dawn il-martri Karmelitani hija mistennija li ssir lejn tmiem din is-sena. (1.6.2006)
FIL-QOSOR . . . . . Mejju 2006 ● Nhar it-29 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill tal-Provinċjal ħatar lil Patri Renald Lofreda, Direttur Provinċjali tal-Vokazzjonijiet; Provinċjal Patri Alexander Vella (President), Patri Jürgen Cucciardi (Segretarju), Patri Charló Camilleri (Direttur ta’ l-Istudenti u l-Pre-Novizzi), u Patri Renald Lofreda (Direttur Provinċjali tal-Vokazzjonijiet), membri tal-Kummissjoni tal-Formazzjoni; Patri Adrian Cassar Pulis, Delegat tal-Provinċjal għall-Ġustizzja u l-Paċi u l-Ħarsien ta’ l-Ambjent. (30.5.2006) ● Nhar it-25 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill tal-Provinċjal ħatar lil Patri Charló Camilleri, Direttur ta’ l-Istudenti u tal-Pre-Novizzi; Patri Renald Lofreda, Assistent Kappillan tal-Parroċċa tal-Fgura u Delegat tal-Provinċjal għal-Liturġija u Ċerimonjier Provinċjali; Patri Guido Micallef, Delegat tal-Provinċjal għat-Terz Ordni Karmelitan; Patri Martin D. Schembri, Animatur Provinċjali tal-Missjoni; Fra Carmel John Scalpello, kordinatur ta’ attivitajiet għall-Frajiet. (27.5.2006) ● Nhar it-25 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill tal-Provinċjal ikkonferma lil Patri Amadeo J. Zammit, Direttur tad-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’; Patri Timotju Azzopardi, Rettur tal-knisja u l-kunvent ta’ Milazzo fi Sqallija; Patri Guido Micallef, Delegat tal-Provinċjal għar-reliġjużi rikoverati; Patri Samuel Abela, Segretarju tal-Kulleġġ San Elija. (27.5.2006) ● Nhar it-22 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill tal-Provinċjal ikkonferma lil Patri Charles Mallia, Rettur tal-Kulleġġ San Elija, filwaqt li Patri Renald Lofreda kien magħżul Direttur Spiritwali tal-Kulleġġ. (24.5.2006) ● Fl-24 ta’ Mejju 2006 l-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta, ħatar lil Patri Joseph Vella, Kappillan tal-Parroċċa tal-Fgura, lil Patri Maurice Abela, Kappillan tal-Parroċċa tal-Balluta, u lil Patri Joseph Saliba, Kappillan tal-Parroċċa tal-Fleur-de-Lys, wara li l-Provinċjal u l-Kunsill tiegħu għażluhom għal dan l-uffiċċju. Fil-Parroċċa ta’ Santa Venera kien konfermat Kappillan Patri Alexander Scerri. (24.5.2006) ● Fil-laqgħa tal-Kunsill Provinċjali li saret nhar it-12 ta’ Mejju 2006, ir-reliġjużi li ġejjin kienu kkonfermati fl-uffiċċju tagħhom: Patri Michael Farrugia - Ekonomu tal-Provinċja, Patri Jürgen Cucciardi - Editur ta’ Il-Karmelu, u Patri Anthony Cilia - Webmaster tal-websajt tal-Provinċja. (13.5.2006) ● Nhar it-Tnejn, l-l ta’ Mejju 2006, waqt il-Kapitlu Provinċjali li kien qiegħed jiġi ċċelebrat fid-Dar tat-Talb 'Lunzjata', il-Provinċjal, Patri Alexander Vella, għażel lil Patri Jürgen Cucciardi, bħala Segretarju Provinċjali. (13.5.2006)
FIL-QOSOR . . . . . April 2006 ● Bejn it-23 u l-24 ta’ April 2006, Patri Michael Farrugia, l-Ekonomu tal-Provinċja, ħa sehem fil-laqgħa annwali ta’ l-Ekonomi tal-Provinċji ta’ l-Ewropa ta’ Fuq, bħala mistieden. Waqt din il-laqgħa, li saret f’Aylesford, l-Ingilterra, l-ekonomi għażlu lil P. Michael bħala chairperson ta’ l-ekonomi tal-Provinċji ta’ l-Ewropa ta’ Fuq. (10.5.2006) ● Wara li serva lid-Djoċesi ta’ Tarija bħala Amministratur Appostoliku, Patri Albert Brincat, ġie msejjaħ mill-Isqof il-ġdid, Mons. Javier del Río, biex ikun il-Vigarju Ġenerali tiegħu għad-Djoċesi ta’ Tarija. (10.5.2006) ● Fra Josef Cutajar temm b’suċċess kors ta’ Missjoloġija Bażika li ġie organizzat miċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja ta’ l-M.S.S.P. f’Santa Venera.(10.5.2006) ● Nhar it-Tlieta, 18 ta’ April, wasal Malta għal żjara qasira l-Isqof Awżiljarju ta’ Napli, Mons. Filippo Iannone, Karmelitan. Huwa ser idum Malta sa’ nhar il-Ħamis, 20 t’April, u jinsab hawn fuq xogħol ma’ l-Istitut Sekulari ta’ l-Ispigolatrici della Chiesa. F’dawn il-ġranet qed joqgħod fil-Kunvent tal-Balluta. (18.4.2006) ● Fid-19 ta’ April jibdew l-Erbgħat tal-Madonna tal-Karmnu li jsiru għal sebgħat Erbgħat wara xulxin fuq l-Għid. Din id-devozzjoni Karmelitana tfakkar fis-seba’ ferħat tal-Madonna (wara li qabel l-Għid fakkarna s-seba’ Duluri ta’ Marija). Il-priedki ta’ l-Erbgħat ser isiru minn dawn il-predikaturi f’dawn il-knejjes: Patri Wistin Vella, OCD, (Mdina); Dun Antonie Borġ (Valletta); Patri Juan Debono, OCD, (Balluta); Patri Robert Farrugia, O.Carm., (Santa Venera l-Qadima); Patri Damjan Cachia, O.Carm., (Fgura); Patri Renald Lofreda, O.Carm., (Fleur-de-Lys); Patri Raymond Calleja, O.Carm., (Santa Venera l-Parroċċa); Patri Amadeo Żammit, O.Carm., (Lunzjata); Patri Frank Borġ, OP, (OCD Bormla); Patri Karm Ferrante, O.Carm., (OCD Birkirkara); Patri Redent Azzopardi, OCD, (OCD Ta’ Xbiex); Mons. Ġużepp Mifsud Bonniċi (Gżira); Patri Jurgen Cucciardi, O.Carm., (Żurrieq); Patri Robert Grech, OCD, (Mosta): Patri Joseph Gerada, OCD, (Msida). (18.4.2006) ● Il-Ħamis, 6 t’April, l-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Ġilju, Mqabba, tellgħet Lejla Mużiko Letterarja u sar ukoll it-tberik ta’ wirja ta’ statwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Din saret taħt il-patroċinju ta’ Patri Adrian Cassar Pulis, Karmelitan, li għamel ukoll diskors u bierek il-wirja. (18.4.2006) ● L-Isqof Mons. Adeodatu Micallef, l-Erbgħa, 5 t’April, inawgura wirja ta’ mejda ta’ l-Appostli u vari tal-Ġimgħa l-Kbira fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Fgura. Din il-wirja li qed tkun organizzata mill-Abbatini Karmelitani tal-Fgura u mill-Grupp Bibbliku ser iddum miftuħa sa’ nhar il-Ġimgħa l-Kbira. (11.4.2006) ● Nhar il-Ħamis, 6 t’April, Patri Dijonisju Attard iċċelebra is-sittin anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Għal din l-okkażjoni huwa mexxa konċelebrazzjoni fil-Knisja Parrokkjali tal-Balluta. Diversi reliġjużi tal-Provinċja, saċerdoti, familjari u ħbieb ferħu miegħu f’din il-Quddiesa u fir-riċeviment li sar wara fil-Kunvent. (11.4.2006) ● Nhar il-Ġimgħa, 7 t’April, festa għażiża ta’ Marija Addolorata, fil-Parroċċi tagħna ta’ Santa Venera, tal-Fgura, il-Balluta u l-Fleur-de-Lys ħarġu l-purċissjonijiet tad-Duluri. Fihom ħadu sehem numru kbir ta’ nies. (11.4.2006) ● Fl-istess jum tal-festa tad-Duluri, l-Għaqda Festi Esterni tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta, fetħet wirja ta’ ċenaklu life-size, sett ta’ vari f’minjatura u mejda ta’ l-appostli fil-maħżen ta’ l-armar fi Triq id-Dejqa. Din il-wirja ser iddum miftuħa sal-Ġimgħa l-Kbira. Wirjiet oħra marbuta mal-Ġimġħa Mqaddsa qed ikunu organizzati fil-Kunventi ta’ l-Imdina u Santa Venera l-Qadima u fiċ-Ċentru Familja Karmelitana fi Fleur-de-Lys. (11.4.2006) ● Il-Komunitajiet tal-Fgura u ta’ Santa Venera ppublikaw ktieb bil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tridu ta’ l-Għid. Dan il-ktieb tħejja biex jintuża fil-Liturġija tas-Sigħat li tiġi ċċelebrata mal-poplu f’dawn il-ġranet qaddisa. (11.4.2006) ● Il-Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan, Patri Joseph Chalmers, ħareġ l-Ittra Konvokatorja għall-Kapitlu Ġenerali 2007. It-tema tal-Kapiltu hi “In obsequio Jesu Christi: Komunità ta’ talb – Komunità Profetika f’dinja li qed tinbidel”. Il-Kapitlu Ġenerali ser isir bejn l-4 u t-22 ta’ Settembru 2007, fl-Istitut “Il Carmelo”, Sassone, Ruma. (4.4.2006) ● Il-Fgura Youth Centre tella’ dramm tal-Passjoni bl-isem “Tibżax, iżda emmen”. Dan id-Dramm li fih ħadu sehem madwar 70 attur ġie mtella’ fl-1 u t-2 t’April, fis-sala ta’ l-Iskola Primarja tal-Fgura. Id-Dramm kien jitratta dwar partijiet mill-Ministeru Pubbliku ta’ Ġesù, l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tiegħu. Fiż-żewġ rapppreżentazzjonijiet kien hemm attendenza tajba ħafna. (4.4.2006) ● Il-Ħadd 2 t’April, fil-maħżen ta’ l-armar tal-festa fi Triq it-Torri, Sliema, ġiet inawgurata wirja ta’ mejda ta’ l-appostli fuq stil Lhudi. It-tema tal-wirja hi “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Il-wirja, imtella’ mill-Grupp ta’ l-Armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, Balluta, kienet inawgurata mill-President ta’ ● Id-Direttur tad-Dar tal-Kleru, Dun Norrie Bonavia, organizza Quddiesa fil-Kappella tad-Dar għal ruħ Patri Valentin Borġ Gusman. Il-Quddiesa saret nhar it-Tnejn 3 t’April filgħaxija u fiha ħadu sehem l-istaff u r-residenti tad-Dar flimkien ma’ xi Reliġjużi tal-Provinċja u familjari ta’ Patri Valentin. (4.4.2006) FIL-QOSOR . . . . . Marzu 2006 ● Id-Djoċeżi ta’ Tarija għandha Isqof ġdid: Mons. Javier del Rio Sendino, li hu spanjol. Il-Konsagrazzjoni tiegħu saret fil-Katidral ta’ Tarija fit-30 ta’ Marzu mill-Kardinal ta’ Santa Cruz, Julio Terrazas, assistit mill-Arċisqof u n-Nunzju ta’ Sucre, li hi d-Djoċeżi li tagħha hi suffraganja Tarija, fejn jinsabu l-patrijiet Karmelitani Maltin. Sakemm ġie nominat l-Isqof il-ġdid, Patri Albert Brincat serva ta’ Amministratur tad-Djoċeżi. (28.3.2006) ● Patri German Mamani Condori, Karmelitan tal-Provinċja Maltija, kien nominat bħala Kappillan ta’ Villa Fatima, La Paz. Hu ngħata l-pussess tal-Parroċċa mill-Arċisqof ta’ La Paz, nhar il-Ħadd 26 ta’ Marzu waqt il-Quddiesa tal-11.00 a.m. Qabel in-nomina ta’ Patri German, kien għal ħafna snin Kappillan ta’ din il-Parroċċa Patri Valerjan Mercieca. (28.3.2006) ● Nhar it-28 ta’ Marzu, Patri Stiefnu Bezzina għalaq 90 sena. Għal din l-okkażjoni l-Komunità tal-Balluta organizzat Quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Knisja Parrokkjali li tmexxiet mill-Provinċjal. Għaliha attendew diversi familjari u ħbieb ta’ Patri Stiefnu. Wara l-Quddiesa sar ukoll riċeviment fil-Kunvent. (28.3.2006) ● Għal nofs Marzu, il-Provinċjal tagħna bagħat messaġġ ta’ solidarjetà lill-Provinċjal tal-Ġiżwiti wara li diversi karozzi tagħhom ġew maħruqa. Liema att vandalu x’aktarx kellu konnessjoni mal-ħidma tal-Ġiżwiti favur ir-refuġjati. (21.3.2006) ● Patri Jurgen Cucciardi kiseb il-grad akkademiku ta’ M.A. in School Effectiveness and School Improvement mill-Istitut ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Universita’ ta’ Londra. Nifirħulu. (21.3.2006) ● L-Istudenti u l-Pre Novizzi tagħna u tal-Karmelitani Tereżjani għamlu irtir tar-Randan flimkien fid-Dar ta’ l-Irtiri Porziuncola, Baħar iċ-Ċagħaq. Dan l-irtir li sar nhar is-Sibt, 18 ta’ Marzu, tmexxa minn Dun Rene’ Camilleri. (21.3.2006) ● Grupp ta’ żgħażagħ interessati fl-Ispiritwalita’ Karmelitana, li l-biċċa l-kbira minnhom huma universitarji, iltaqgħu għal irtir tar-Randan fid-Dar tat-Talb Tas-Silġ, Marsaxlokk. Dan l-irtir tmexxa mill-Provinċjal tagħna. Hemm il-ħsieb li dan il-grupp jibqa’ jiltaqa’ kull xahar għal Lectio Divina u laqgħat fuq l-Ispiritwalità Karmelitana. (21.3.2006) ● Żewġ abbatini Karmelitani intgħażlu permezz ta’ eżami biex fis-sajf li ġej jagħtu servizz fil-Bażilka ta’ San Pietru, Ruma. Dawn huma Yendrik Cioffi mis-Santwarju tal-Belt u Luke Sultana mill-Parroċċa tal-Fgura. (21.3.2006) ● Il-Fgura Youth Centre Crossbows (il-band taċ-Ċentru taż-żgħażagħ tal-Fgura) ħadu sehem f’kompetizzjoni bejn 8 band groups għall-aħjar kanzunetta biex tintgħażel bħala l-innu uffiċċjali ta’ Jum iż-Żgħażagħ 2006, li ser ikun iċċelebrat f’Ħadd il-Palm. Huma rebħu dan il-konkors bil-kanzunetta “Meta jaqa’ d-dlam”. Il-kliem tal-kanzunetta hu ta’ Mariella Chetcuti u l-mużika ta’ Noel Żammit, it-tnejn membri tal-grupp. (21.3.2006) ● F’elezzjoni li saret mill-Kulleġġ tal-Kappillani, Patri Joseph Saliba, Kappillan tal-Fgura, ġie magħżul bħala membru tal-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani u ġie kkonfermat bħala segretarju ta’ l-istess Kulleġġ. (7.3.2006) ● Il-Ħadd 5 ta’ Marzu, Patri Ġiljan Calleja iċċelebra l-50 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Dan sar f’Quddiesa Konċelebrata fil-Kappella tad-Dar tal-Kleru, Birkirkara. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Provinċjal Patri Alexander Vella u l-omelija saret minn ħu Patri Ġiljan – Mons. Philip Calleja. Il-kant tmexxa minn żewġ korijiet ta’ refuġjati. Għal din il-Quddiesa attendew diversi Reliġjużi tal-Provinċja, saċerdoti residenti fid-Dar tal-Kleru, familjari tiegħu u ħbieb. Wara l-Quddiesa sar riċeviment fl-istess Dar. (7.3.2006) |