Aħbarijiet

X'ġara dan l-aħħar


FIL-QOSOR . . . . . Diċembru 2007

• Fl-okkażjoni tal-festa tal-Familja Mqaddsa, nhar il-Ħadd, 30 ta’ Diċembru 2007, fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera, l-Arċisqof Emeritu ta’ Malta, l-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, mexxa Quddiesa bis-sehem tal-koppji li għalqu anniversarji miż-żwieġ tagħhom u tal-familji li matul din is-sena ċċelebraw xi sagrament.  Fl-istess Quddiesa kien iċċelebrat ukoll is-sagrament tal-Magħmudija. (5.1.2008)

• Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Diċembru 2007, fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta, l-istudenti Fra Victor Paul Farrugia u Fra Daniel Galea rċevew il-Ministeru ta’ l-Akkolitat mill-Provinċjal.  (5.1.2008)

• B’rabta mal-festi tal-Milied, fil-knisja parrokkjali tal-Balluta saru żewġ kunċerti.  Nhar l-14 ta’ Diċembru 2007 sar kunċert ta’ għanjiet tal-Milied li kien organizzat mill-għaqda ta’ l-armar tal-Festa, u fih ħadu sehem il-kor tat-tfal Fjur tal-Karmelu tal-Gżira, il-kor tal-Parroċċa ta’ San Ġwann Madonna ta’ Lourdes, il-kor parrokkjali tal-Balluta Fjur tal-Karmelu, u s-Sopran Rosabelle Bianchi flimkien ma’ l-arpista Dr Annemarie Camilleri.  Il-kunċert l-ieħor sar nhar is-Sibt 22 ta’ Diċembru 2007 mill-Marie Therese Vassallo Voice Studio. (5.1.2008)

• Fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ San Ġwann tas-Salib, Patri Mawrizju Mizzi għamel it-tridu fis-Santwarju ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù f’Birkirkara, u Patri Amadeo J. Zammit għamel il-paniġierku fil-knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla. (20.12.2007)

• Nhar il-Ħamis, 13 ta’ Diċembru 2007, sar l-għeluq tal-Ġublew Karmelitan 2007 permezz ta’ l-oratorio The Beautiful Maiden of Shunnem (based on the “Song of Solomon”) ta’ Patri Daniel Sammut, O.Carm. L-oratorio kien esegwit mill-Collegium Musicum taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dion Buhagiar. Qabel beda l-oratorio, il-Provinċjal, Patri Alexander Vella, O.Carm., introduċa t-test bibliku, fil-waqt li fl-għeluq, il-Provinċjal, Patri Victor Mallia, O.C.D., irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw is-sehem tagħhom fil-Ġublew Karmelitan 2007. Din l-attività saret fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġwann tas-Salib, Ta’ Xbiex, taħt il-patroċinju ta’ l-E.T. Mons. Pawl Cremona, O.P., Arċisqof ta’ Malta. Kieku preżenti wkoll l-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritu ta’ Malta, u l-E.T. Mons. Isqof Adeodato Micallef, O.C.D., Vigarju Appostoliku Emeritu tal-Kuwajt. (20.12.2007)

• Fis-6 ta’ Diċembru 2007, Patri Raymond Calleja mexxa rtir għat-Terzjarji tal-Fgura f’Ħaż-Żebbuġ, fil-waqt li fil-11 ta’ Diċembru mexxa irtir għat-Terzjarji taż-Żurrieq u ta’ Santa Venera f’Tas-Silġ, Marsaxlokk. (20.12.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Novembru 2007

• Bejn l-14 u s-17 ta’ Novembru 2007 Patri Adrian Cassar Pulis ħa sehem f’seminar internazzjonali fuq il-kura pastorali tal-persuni anzjani u morda, li kien organizzat mill-Kunsill Pontifiċju għall-Pastorali tas-Saħħa. Dan is-seminar sar fis-Sala tas-Sinodu fil-Vatikan, u spiċċa b’udjenza privata mal-Q.T. l-Papa Benedittu XVI. F’din il-laqgħa kien hemm rappreżentanti minn 72 pajjiż. Patri Adrian kien ir-rappreżentant ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta, f’isem il-Caritas. (19.11.2007)

• Matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru 2007, kif kien programmat fil-Programm tal-Ġublew Karmelitan 2007, qiegħed isir kors qasir ta’ Spiritwalità Karmelitana fil-Parroċċi u knejjes tagħna. L-ewwel kors sar fil-Parroċċa ta’ Ta’ Xbiex u mbagħad sar ukoll fil-Parroċċi tal-Balluta, il-Fgura, Fleur-de-Lys u Santa Venera u fil-knisja ta’ l-Imdina. Aktar tard matul dan ix-xahar se jsir fil-Bażilka Santwarju tal-Belt Valletta. Il-patrijiet li taw il-lezzjonijiet kienu: il-Provinċjal tal-Karmelitani Patri Alexander Vella u l-Provinċjal tal-Karmelitani Skalzi Patri Victor Mallia, Patri Jürgen Cucciardi, Patri Manwel Schembri, Patri Juan DeBono, Patri Charló Camilleri, Patri Joe Saliba, Patri Wistin Vella u Patri Martin Borg. (13.11.2007)

• Dan l-aħħar, Patri Mark Attard ħa sehem bħala osservatur f’konvenzjoni dwar il-bijoetika fi Brussell. Din il-konvenzjoni, bit-tema The International Forum for Catholic Bioethics, kienet organizzata minn grupp ta’ benefatturi tal-Ġiżwiti li qegħdin jikkordinaw l-Universitajiet immexxijin mill-Ġiżwiti fid-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-bijoetika. Patri Mark ħa sehem f’din il-konvenzjoni bħala rappreżentant ta’ l-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma. (13.11.2007)

• Nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Novembru 2007, fl-okkażjoni tal-Ġublew Karmelitan 2007, saret ċelebrazzjoni għall-adoloxxenti u ż-żgħażagħ fiċ-Ċentru Familja Karmelitan fi Fleur-de-Lys. Għal din l-attività, li kienet kordinata minn Patri Joe Saliba, ħa sehem numru sabiħ ta’ adoloxxenti u żgħażagħ li huma qrib tagħna l-Karmelitani u tal-Karmelitani Skalzi. L-attività kienet tinkludi kant, żfin, mima, powerpoint presentation, u qsim ta’ esperjenzi. (13.11.2007)

• Is-Sibt, 3 ta’ Novembru 2007, saret l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Presbiterali ma' l-Arċisqof, Mons. Pawl Cremona. L-għan tal-Kunsill huwa li jagħti pariri lill-Arċisqof dwar l-impenn pastorali tal-Knisja u ħwejjeġ oħra li jolqtu l-ħajja tal-Knisja Maltija. Patri Michael Farrugia, li jirrappreżenta lill-Provinċja Karmelitana Maltija f'dan il-Kunsill, kien magħżul membru tal-kummissjoni għar-reviżjoni ta’ l-Istatuti ta’ l-istess Kunsill. (6.11.2007)

• Nhar it-3 ta' Novembru 2007, waqt laqgħa ġenerali tal-Peace Communication Network li saret f'Ruma, Patri Anthony Cilia kien ri-elett għat-tieni darba membru tal-Kunsill Amministrattiv ta' l-istess PCN. Dan il-konsorzju ta' ordnijiet u istituti reliġjużi, li huwa ffurmat minn aktar minn 100 grupp, jgħin lill-membri biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom permezz ta' l-internet. Patri Anthony jirrappreżenta kemm lill-Provinċja Karmelitana Maltija kif ukoll l-Ordni Karmelitan. (6.11.2007)

• Dan l-aħħar, fuq talba ta’ l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawl Cremona, Patri Joseph Falzon beda jaħdem fit-Tribunal Ekkleżjastiku. (6.11.2007)

• Fil-bidu ta' Novembru 2007 sar irtir vokazzjonali għall-istudenti tal-Form 1 fid-dar ta’ l-irtiri tas-Sacred Heart f’San Ġiljan. Għal dan l-irtir attendew sittax-il student mill-Kulleġġ San Elija, u tmexxa minn Fra Victor Paul Farrugia u Fra Daniel Galea. (6.11.2007)

• Matul ix-xahar ta’ Novembru, Patri Alex Scerri kien mistieden jagħmel il-ħsieb tal-jum fuq radju RTK. (6.11.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Ottubru 2007

• L-Erbgħa, 31 ta’ Ottubru 2007, it-Terzjarji Karmelitani tal-Mosta fakkru l-anniversarju mill-mewt ta’ Patri Avertan Fenech b’Quddiesa fil-knisja tagħna ta’ l-Imdina. Mexxa l-Quddiesa Mons. Bartilmew Bezzina filwaqt li Dun Antoine Borg għamel l-omelija. (6.11.2007)

• Il-Ħadd, 28 ta’ Ottubru 2007, fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, saret il-Beatifikazzjoni ta’ 498 martri tal-gwerra ċivili ta’ Spanja. Fost dawn, kien hemm il-Beatu Anġlu Prat u sħabu, grupp ta’ sittax-il patri u soru tal-Klawsura ta’ l-Ordni tagħna. Il-Quddiesa bir-rit tal-Beatifikazzjoni tmexxiet mill-Prefett tal-Kawżi tal-Qaddisin, il-Kardina Jose Saraiva Martins. (6.11.2007)

• F’Ottubru saru ċelebrazzjonijiet speċjali f’għeluq il-100 sena tal-parroċċa ta’ Tarija, il-Bolivja, u fl-okkażjoni tal-Konsagrazzjoni tal-knisja parrokkjali ta’ Santu Rokku. Saru ċelebrazzjonijiet għaż-żgħażagħ, għall-anzjani u l-morda, u Quddiesa għal dawk li mietu matul l-aħħar sena. L-Isqof għalaq il-festi nhar is-27 ta’ Ottubru 2007 b'ċelebrazzjoni għat-tfal u bil-konsagrazjoni tal-knisja parrokkjali. (6.11.2007)

Patri Ivan Scicluna, wara li temm il-Liċenzjat fit-Teoloġija Spiritwali fl-Università Pontifiċja Gregoriana f’Ruma, ingħaqad mal-komunità tal-formazzjoni f’Salamanca fi Spanja, u kien maħtur Sotto-Pirjol. F’din il-komunità, bħalissa hemm ukoll Glen Attard li qiegħed jagħmel in-novizzjat. (23.10.2007)

• Nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Ottubru 2007, kien iċċelebrat il-Kungress Nazzjonali tat-Terzjarji Karmelitani u s-Sekulari Tereżjani fis-Santwarju ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù f’Birkirkara. L-Isqof Mons. Adeodato Micallef, OCD, mexxa l-konċelebrazzjoni. (23.10.2007)

• Nhar il-Ħadd 14 ta’ Ottubru 2007, fil-Parroċċa ta’ Santa Venera kienet iċċelebrata l-Festa tal-Madonna tal-Karmnu. Wara l-jiem tan-novena, saret il-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna fit-toroq tal-Parroċċa. (23.10.2007)

• Fl-okkażjoni tan-Notte Bianca li ġiet organizzata fil-Belt Valletta nhar is-Sibt, 6 ta’ Ottubru 2007, fil-portiku tas-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu, saret wirja ta’ xogħlijiet tal-bizzilla li jinsabu fl-istess Santwarju.  Din il-wirja żaruha ħafna nies.  Patri Martin D. Schembri ħa ħsieb ukoll jipprepara fuljett ta’ informazzjoni dwar ix-xogħol tal-bizzilla fil-liturġija. (11.10.2007)

• Nhar is-Sibt 6 ta’ Ottubru 2007, fl-okkażjoni tal-Ġublew Karmelitan 2007, saret ċelebrazzjoni għat-tfal fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera.  F’din iċ-ċelebrazzjoni ħadu sehem l-Għaqdiet tal-Vokazzjonijiet taż-żewġ Provinċji O.Carm-OCD, Abbatini Karmelitani u Tereżjani, studenti tal-Kulleġġ San Elija, u tfal li joqogħdu fil-parroċċi tagħna. (11.10.2007)

• Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Ottubru 2007, Patri Leonard Mahoney iċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-knisja parrokkjali tal-Balluta f’għeluq il-ħamsin sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. (23.10.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Settembru 2007

• Nhar it-Tnejn, 17 ta’ Settembru 2007, kienet iċċelebrata l-Festa ta’ Sant’ Albert ta’ Ġerusalemm f’għeluq it-800 sena mill-għoti tar-Regola Karmelitana.  Din iċ-ċelebrazzjoni, li saret fil-knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla, kienet tikkonsisti f'Quddiesa mmexxija mill-E.T. Mons. Adeodato Micallef, OCD, bis-sehem tar-reliġjużi taż-żewġ Provinċji: Karmelitani u Karmelitani Skalzi.  L-omelija saret minn Patri Victor Mallia, Provinċjal. (11.10.2007)

Fil-waqt li matul l-ewwel tlett ġimgħat ta' Settembru qed isir il-Kapitlu Ġenerali, nhar it-13 tax-xahar, Patri Fernando Millán ġie elett bħala l-Pirjol Ġenerali l-ġdid ta’ l-Ordni Karmelitan.  Kienu eletti wkoll:  Patri Christian Körner bħala Viċi Pirjol Ġenerali, Patri Josef Jančář bħala Prokuratur Ġenerali, u Patri Kevin Alban bħala Ekonomu Ġenerali.  Fil-jum ta' wara saret l-elezzjoni tal-Kunsillieri Ġenerali skond ir-reġjuni.  Għar-reġjun ta’ l-Ewropa kien elett Patri John Keating, għar-reġjun ta’ l-Amerka kien elett Patri Raul Maravi, għar-reġjun ta’ l-Afrika kien elett Patri Desiré Unem, u għar-reġjun ta’ l-Asja kien elett  Patri Albertus Herwanto.  Fl-okkażjoni tal-Kapitlu Ġenerali, il-Papa Benedittu XVI bagħat ittra lill-(eks-)Pirjol Ġenerali Patri Joseph Chalmers. (14.9.2007)

• Illum, 4 ta' Settembru 2007, beda l-Kapitlu Ġenerali ta' L-Ordni Karmelitan f’Sassone, Ruma. Matul dan iż-żmien rappreżentanti ta' l-Ordni mill-inħawi kollha tad-dinja se jagħtu ħarsa lejn dak li sar matul l-aħħar sitt snin, jagħżlu l-gvern ġenerali u jipprogrammaw il-ħidma ta' l-Ordni Karmelitan għas-sitt snin li ġejjin. Mill-Provinċja Karmelitana Maltija qegħdin jieħdu sehem il-Provinċjal, Patri Alexander Vella, u d-Delegati Patri Mark Attard u Patri Edmond Caruana. Patri Garvin Grech, Kummissarju Provinċjali fil-Bolivja, qiegħed jieħu sehem bħala mistieden. (4.9.2007)

Nhar is-Sibt, 1 ta’ Settembru 2007, Glen Attard beda n-novizzjat fl-Ordni Karmelitan li qiegħed isir f’Salamanca fi Spanja.  Iċ-ċerimonja tal-bidu tan-Novizzjat saret waqt l-Għasar fil-kunvent El Carmen f’Onda, fil-preżenza tal-membri tal-komunità ta’ Onda, in-novizzi li kienu qegħdin itemmu s-sena tan-novizzjat tagħhom, u membri tal-Provinċja.  Mexxa din iċ-ċerimonja l-Provinċjal tal-Provinċja Arago-Valentina Patri David Oliver Felipo, fil-waqt li s-surmast Patri Desiderio Garcia Martinez għamel ħsieb ta' l-okkazjoni.  In-novizzjat huwa wieħed internazzjonali, li qiegħed isir bejn il-Provinċji ta’ Malta, ta’ l-Italja, u dik Arago-Valentina. (14.9.2007)

• Bejn l-20 ta’ Awissu u l-1 ta’ Settembru 2007 sar Pellegrinaġġ Karmelitan fl-Art Imqaddsa f’għeluq it-800 sena mill-għoti tar-Regola Karmelitana. Dan il-pellegrinaġġ tmexxa minn Patri Alfred Grech, OCD, u ħadu sehem reliġjużi mill-Provinċja tagħna u mill-Provinċja tal-Karmelitani Skalzi, flimkien ma’ numru ta’ lajċi.  (4.9.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Awissu 2007

• Fl-okkażjoni ta’ għeluq is-700 sena mill-mewt ta’ Sant’Albert ta’ Trapani:
* Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Awissu 2007, saret Quddiesa fil-knisja parrokkjali tal-Fgura.  Il-Provinċjal tal-Karmelitani Skalzi, Patri Victor Mallia, iċċelebra l-Quddiesa, fil-waqt li l-omelija saret minn Patri Jürgen Cucciardi.
* Nhar is-7 ta' Awissu, festa ta' Sant'Albert, Radju Marija tella' programm dwar il-ħajja tal-qaddis. Sar ukoll it-tberik ta' l-ilma bir-relikwa tal-qaddis Karmelitan u ngħatat il-barka lill-morda.
Fl-istess jum kienet iċċelebrata quddiesa fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Balluta, biex jitfakkar dan l-ewwel qaddis, meqjus bħala wieħed mill-Missirijiet qaddisa tal-familja reliġjuża tal-Karmelu. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet bit-talba ta' l-Għasar, wara kien hemm powerpoint presentation fuq il-ħajja tiegħu u mbagħad quddiesa konċelebrata bl-omelija. Waqt il-quddiesa sar ukoll it-tberik ta' l-ilma ta' Sant'Albert. Fl-aħħar sar il-bews tar-relikwa u tqassam l-ilma mbierek għall-morda.  Sant'Albert huwa l-protettur tal-morda bid-deni qawwi u l-mard gravi. Bosta kienu dawk li attendew minn diversi nħawi ta' Malta għal din iċ-ċelebrazzjoni biex jirċievu l-ilma ta' Sant'Albert minħabba xi mard.  (Min jixtieq aktar tagħrif dwar dan jikteb lil Patri Charlo' Camilleri). (10.8.2007)

• F’għeluq is-60 sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Patri Daniel Sammut, nhar it-3 ta’ Awissu 2007, huwa ċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-kunvent tal-Balluta, bis-sehem tal-komunità, qraba u ħbieb tiegħu.  (10.8.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Lulju 2007

• Bi tħejjija għat-Tifkira Solenni tal-Madonna tal-Karmnu ċċelebrata f’Milazzo (Sqallija), saret in-novena, u nhar is-16 ta’ Lulju Patri Timotju Azzopardi mexxa Quddies fil-knisja tagħna li għaliha attendew bosta nies mill-irħula ta’ madwar.  F’nofs inhar saret is-Supplika tal-Madonna tal-Karmnu. Il-Ħadd, 22 ta’ Lulju 2007, saret il-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu akkumpanjata mill-banda ċittadina.  Il-vapuri fil-port sellmu lill-Madonna bid-daqq tas-sireni. Għall-festa ta’ barra, il-Muniċipju ħa ħsieb jorganizza wirja ta’ pittura u ritratti tal-ħajja ta’ Milazzo.  Fl-Atrio del Carmine kienu armati stands bl-ikel, li flimkien mal-mużika ħoloq atmosfera ta’ ħbiberija u ferħ. (10.8.2007)

• Nhar it-Tnejn, 16 ta’ Lulju 2007, kienet iċċelebrata t-Tifkira Solenni tal-Madonna tal-Karmnu, fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta.  Patri Charló Camilleri għamel in-novena ta’ tħejjija għall-festa.  Il-Ħadd fil-għaxija (15 ta’ Lulju), il-Provinċjal mexxa t-Translazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni ta’ l-ewwel għasar.  L-Arċisqof ta’ Malta, l-E.T. Mons. Pawl Cremona, O.P., mexxa l-Quddiesa Pontifikali ta’ jum il-festa, li fiha sar il-paniġierku minn Dun Joseph Cilia.  Fil-għaxija saret il-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, li tmexxiet mill-Provinċjal, Patri Alexander Vella, bis-sehem tar-reliġjużi taż-żewġ Provinċi tal-Karmelitani u tal-Karmelitani Skalzi, flimkien ma’ numru kbir ta’ nies.  Qabel il-purċissjoni kien hemm Quddiesa li ġiet iċċelebrata mill-Provinċjal tal-Karmelitani Skalzi, Patri Victor Mallia. (25.7.2007)

• Nhar it-8 ta’ Lulju 2007, Patri Joe Saliba, li huwa s-Segretarju tal-Kulleġġ tal-Kappillani, ħalla Malta flimkien ma’ Dun Anton Cassar, President ta’ l-istess Kulleġġ, biex jieħdu sehem fil-Colloquio Europeo delle Parrocchie (CEP) li qiegħed isir f’Porto, il-Portugall, bejn it-8 u t-12 ta’ Lulju. Il-Colloquio huwa laqgħa li ssir kull sentejn bejn il-parroċċi ta’ l-Ewropa bl-iskop li jkunu diskussi temi komuni fil-ħidma pastorali fost il-popli ta’ l-Ewropa. It-tema ta’ din is-sena hija: “Abitare da Cristiani il nostro tempo - Voi sieti il sale della terra.” (Mt 5,13). L-organizzaturi wrew sodisfazzjon kbir għall-fatt li Malta qiegħda terġa’ tieħu sehem f’din il-laqgħa wara assenza ta’ diversi snin. (10.7.2007)

• Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-6 ta' Lulju 2007, l-Arċisqof ta’ Malta, l-E.T. Mons. Pawl Cremona, O.P., ħatar lil Patri Leonard Mahoney Direttur Spiritwali tar-Regia tal-Legjun ta’ Marija. (25.7.2007)

• L-Erbgħa, 4 ta’ Lulju 2007, beda x-xogħol ta’ tħejjija għat-tibjid tal-knisja ta’ Fleur-de-Lys. Ix-xogħol se jsir bejn it-30 ta’ Lulju u l-14 ta’ Awissu, żmien li matulu il-knisja se tkun magħluqa. Il-Quddies kollu f'dan il-perjodu se jsir fis-Sala taċ-Ċentru Familja Karmelitana. (10.7.2007)

• Nhar it-3 ta' Lulju Patri Joe Vella ċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-knisja parrokkjali tal-Fgura f’għeluq il-25 sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Fl-istess ċelebrazzjoni, Patri Timotju Azzopardi ngħata Ġieħ il-Parroċċa tal-Fgura. (4.07.2007)

• Fl-okkażjoni tal-Ġublew Karmelitan 2007, il-Provinċja tagħna qiegħda toffri lill-pubbliku CD bl-isem Spiritwalità Karmelitana. Il-proġett huwa xogħol ta’ Patri Anthony Cilia. Fis-CD wieħed isib kummentarju dwar il-bidu ta’ l-Ordni Karmelitan fl-Art Imqaddsa, dwar ir-Regola Karmelitana, dwar il-figuri bibliċi tal-Profeta Elija u tal-Verġni Marija, u dwar il-Lectio Divina. (4.07.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Ġunju 2007

• Nhar is-Sibt 30 ta’ Ġunju 2007 fil-Kulleġġ San Elija saret il-gradwazzjoni ta’ l-istudenti li din is-sena spiċċaw l-aħħar sena ta’ l-iskola sekondarja. (4.07.2007)

• Dan l-aħħar, Patri Mark Attard ġie magħżul mir-Rettur ta’ l-Università Pontifiċja Gregorjana bħala membru tal-Kummissjoni Akkademika, li għandha r-responsabbiltà li żżomm kapaċità akkademika għolja, billi fost l-oħrajn, tevalwa l-korsijiet u l-għalliema. Din il-Kummissjoni tikkordina u tfittex li tfassal l-istess kriterji għall-ammissjoni u għat-tmexxija tal-Fakultajiet u l-Istituti ta’ l-Università. Huwa ġie wkoll magħżul biex jirrappreżenta lill-istess Università fil-qasam tal-Bijoetika fil-laqgħa tal-Konvenzjoni tal-Professuri ta’ l-Universitajiet Ewropej li saret f’Ġunju li għadda. It-tema tal-laqgħa kienet: A New Humanism for Europe: The Role of the University, fil-waqt li t-tema tas-sezzjoni tal-Bijoetika kienet: The New Cultural Challenges Facing Bioethics Today: The European Survey. (4.07.2007)

• Nhar it-Tnejn 25 ta’ Ġunju 2007, Patri Charló Camilleri iddefenda pubblikament it-teżi tiegħu Union with God as Transformation in Beauty. A Literary-Spiritual Analysis of the Colloquies of Santa Maria Maddalena de’ Pazzi (1566-1607) bħala parti mill-kors li wasslu biex jirċievi d-Dottorat fit-Teoloġija, fl-Istitut ta’ l-Ispiritwalità fl-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma. Nawgurawlu! (4.07.2007)

• Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2007, l-Arċisqof Pawl Cremona, O.P. għamel żjara fl-Unità Pastorali 2, li hija ffurmata mill-Parroċċi tal-Ħamrun, il-Marsa, G’Mangia u Santa Venera. Il-Parroċċa tagħna ta’ Santa Venera ntagħżlet biex fiha ssir il-laqgħa ma’ l-Arċisqof. Din il-laqgħa bdiet bl-Għasar għas-saċerdoti u r-reliġjużi kollha ta’ l-Unità Pastorali fil-kappella ta’ l-Istitut ta’ Cini, u wara telqet purċissjoni lejn il-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera, fejn l-Arċisqof mexxa Quddiesa konċelebrata flimkien mas-sitt Kappillani u s-saċerdoti tal-Parroċċi ta’ l-Unità. Ħadu sehem ukoll nies mis-sitt Parroċċi. Wara l-Quddiesa saret laqgħa għall-membri tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali fis-swali ta’ l-Istitut ta’ Cini. (4.07.2007)

• L-Erbgħa, 21 ta’ Ġunju 2007, l-Isqof, Mons. Ġorġ Frendo, O.P., għamel żjara fiċ-Ċentru Familja Karmelitana ta' Fleur-de-Lys fejn kellem lill-anzjani membri fis-Social Club li jiltaqa’ kull nhar ta’ Erbgħa, u rringrazzjahom għall-ġabra sabiħa li għamlulu b’risq il-missjoni ta’ l-Albanija. Ir-rabta ta’ Fleur-de-Lys ma’ l-Albanija ilha sejra bosta snin, billi oħt l-Isqof Frendo għamlet bosta snin taħdem mal-patrijiet Karmelitani, u hija midħla sewwa tan-nies ta’ Fleur-de-Lys. (10.7.2007)

• Nhar is-Sibt, 16 ta’ Ġunju 2007, ġie ċċelebrat Jum il-Parroċċa fil-Balluta. Fil-għaxija ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr u saret offerta ta’ elf lira għall-Parroċċa ta' Santu Rokku li l-Provnċja Karmelitana Maltija għandha fil-missjoni ta’ Tarija, fil-Bolivja. (19.6.2007)

• Fi tmiem is-sena skolastika, u qabel bdew l-eżamijiet, fil-Kulleġġ San Elija, nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Ġunju 2007, saret preżentazzjoni fuq San Ġorġ Preca, u wara saret Quddiesa fil-Kappella tal-Madonna tal-Midalja Mirakuluża fil-Blata l-Bajda. Lura fl-iskola, l-istudenti ġew mogħijin it-trofej li rebħu f’jum l-isports li sar aktar kmieni din is-sena. (19.6.2007)

• Fl-okkażjoni tas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (10 ta' Ġunju 2007), il-Parroċċa Karmelitana tal-Balluta ħadet sehem fl-attività organizzata mill-Unità Pastorali 10, li tiġbor fiha l-Parroċċi tal-Balluta u ta’ Tas-Sliema. Din l-attività bdiet b’Quddiesa fil-knisja parrokkjali ta’ San Girgor, u tkompliet b’purċissjoni bis-Sagrament sal-knisja parrokkjali ta’ Stella Maris. (11.6.2007)

• Il-Parroċċa mmexxijja mill-Karmelitani Maltin ta' Santu Rokku f'Tarija (Bolivja) din is-sena qiegħda tiċċelebra l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha. Iċ-ċelebrazzjonijiet, li qegħdin isiru permezz ta’ attività kull xahar, qegħdin jemfasizzaw il-fidi u l-kultura. F’Jannar 2007, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ġew inawgurati b’lejla mużikali u preżentazzjoni ta’ żfin tradizzjonali. Fi Frar kien ippreżentat il-poster uffiċċjali taċ-ċentinarju, fil-waqt li f’Marzu saret wirja ta’ ritratti antiki tal-knisja parrokkjali u ta’ l-inħawi. F’April ġiet imtella’ lejla sinfonika mill-orkestra ta’ Tarija. F’Mejju, ix-xbieha ta’ Santu Rokku, li hu l-patrun tar-Reġjun, bdiet iddur Parroċċi oħrajn. Nhar is-Sibt, 9 ta’ Ġunju 2007, ġiet inawgurata l-ewwel fażi tal-mużew u s-sala audioviżwali Santu Rokku. Għal din l-inawgurazzjoni attendew ħafna nies. Intwera dokumentarju dwar ir-rabta ta’ Santu Rokku ma’ Tarija, li ġie milqugħ tajjeb ħafna. Iċ-ċelebrazzjonijiet se jilħqu l-qofol tagħhom fis-27 ta’ Ottubru 2007, id-data meta l-Isqof Mons. Sebastian Pifferi għamel il-knisja ta’ Santu Rokku, Parroċċa. (19.6.2007)

• Il-Vigarjat ta’ Milazzo, li jiġbor fih għaxar Parroċċi, din is-sena għażel l-ambjent Karmelitan li jieħu ħsieb Patri Timotju Azzopardi, O.Carm., għat-tfal li din is-sena kienu se jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Nhar is-Solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema, mijiet ta’ tfal, flimkien mal-Kappillani, il-Katekisti u l-ġenituri tagħhom, kellhom get together fl-Atrio del Carmine (pjazzetta interna biswit il-kunvent), u wara saret Quddiesa konċelebrata fil-knisja Karmelitana, li kienet organizzata b’visual aids biex it-tfal jifhmu aħjar il-Quddiesa. Wara, kulħadd inġabar f’gymnasium fil-qrib għal lejla ferriħija, ċivili u nisranija. (19.6.2007)

• Nhar is-Sibt, 9 ta’ Ġunju 2007, fl-Auditorium tal-M.U.S.E.U.M., il-Blata l-Bajda, saret ċelebrazzjoni tal-kanonizzazzjoni tat-Terzjarju Karmelitan San Ġorġ Preca. Billi l-Provinċjal ma kienx jiflaħ, mexxa l-Quddiesa Patri Charles Mallia, Kunsillier Provinċjali, fil-waqt li l-Provinċjal tal-Karmelitani Skalzi, Patri Victor Mallia, O.C.D., għamel l-omelija. Fil-Quddiesa ħadu sehem reliġjużi miż-żewġ Provinċji kif ukoll numru mdaqqas ta’ Terzjarji. (11.6.2007)

• Fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, waqt it-translazzjoni tar-relikwa ta’ Dun Ġorġ li saret nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Ġunju 2007, mill-knisja tal-Vitorja sal-Kon-Katidral ta’ Ġwann, il-komunità Karmelitana tal-Belt Valletta mxiet mar-relikwa. Ħadu sehem ukoll il-fratelli tal-Madonna tal-Karmnu u t-Terzjarji Karmelitani tal-Belt. (11.6.2007)

• Nhar il-Ħadd, 3 ta’ Ġunju 2007, il-Papa Benedittu XVI ikkanonizza lit-Terzjarju Karmelitan Dun Ġorġ Preca. Il-Pirjol Ġenerali Patri Joseph Chalmers, O.Carm., ikkonċelebra fil-Quddiesa tal-Kanonizzazzjoni. Ħadu sehem ukoll diversi membri tal-Provinċja tagħna, fosthom il-Patrijiet Alexander Vella, Provincjal, Maurice Abela, Michael Farrugia, Adrian Cassar Pulis, Damian Cachia, Mark Attard, Edmond Caruana, Ivan Scicluna, Charles Mallia, Alexander Scerri u Anthony Cilia (6.6.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Mejju 2007

• Nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju 2007, il-Provinċja Karmelitana Maltija ċċelebrat ir-raba’ ċentinarju mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.  Iċ-ċelebrazzjoni bdiet billi tfakkret il-mewt tal-Qaddisa, u wara tkompliet il-Quddiesa.  Il-Quddiesa tmexxiet mill-Provinċjal Patri Alexander Vella, u kkonċelebraw miegħu membri tal-Provinċja tagħna u tal-Karmelitani Skalzi, fil-waqt li Patri Charló Camilleri għamel l-omelija.  Kien hemm ukoll numru ta’ Terzjarji miż-żewġ Provinċji.  Il-Quddiesa kienet offruta b’suffraġju għal ruħ Patri Germán Mamani Condori, li ġie mfakkar fil-kummentarju li sar qabel il-Quddiesa. (29.5.2007)

• F’għeluq ir-raba’ mitt sena mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, il-Papa Benedittu XVI bagħat ittra fuq il-qaddisa lill-Kardinal Ennio Antonelli, Arċisqof ta’ Firenze. (29.5.2007) (ara)

• Nhar il-Ħadd, 20 ta’ Mejju 2007, l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawl Cremona, O.P., iltaqa’ mar-reliġjużi, mal-kleru u man-nies ta’ l-Unità Pastorali li tinkludi l-Parroċċi tal-Fgura, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. Il-laqgħa saret fil-Parroċċa tal-Karmnu, il-Fgura, u bdiet b’laqgħa tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali tat-tliet Parroċċi flimkien ma’ l-Arċisqof. Wara, l-Arċisqof mexxa l-Quddiesa fil-knisja parrokkjali. (22.5.2007)

• Nhar il-Ħadd, 13 ta’ Mejju 2007, il-programm Kulħadd fil-Pjazza ta’ TVM kien imxandar minn quddiem il-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera.  Fost il-features li dehru, kien hemm wieħed fuq il-knisja parrokkjali, ieħor fuq il-knisja l-qadima u tagħrif fuq il-ħidma tal-Patrijiet Karmelitani li ilhom imexxu l-Parroċċa għal kważi dawn l-aħħar 90 sena.  Il-programm beda bil-Quddiesa li xxandret mill-knisja parrokkjali u kienet iċċelebrata minn P. Alexander Scerri, Kappillan, bis-sehem tal-kor tal-M.U.S.E.U.M. tal-bniet ta’ l-istess Parroċċa. (15.5.2007)

• Fil-11 ta’ Mejju 2007, fuq l-istazzjon Radju Marija, sar programm dwar l-missjoni li l-Provinċja tagħna għandha fil-Bolivja.  Fil-programm ħadu sehem il-Provinċjal, Patri Alexander Vella, Patri Nazju Axisa, Fra Josef Cutajar u Maria Inguanez, lajka mill-Parroċċa tal-Balluta li għamlet esperjenza fit-tul fil-Bolivja. (15.5.2007)

• Dan l-aħħar, Patri Charló Camilleri ppubblika l-ktieb Desiderio e Passione - L’amore di Dio nell’esperienza mistica di santa Maria Maddalena di Pazzi, li fi 80 paġna jiġbor it-taħdidiet li ta hu stess fuq il-qaddisa. Min jixtieq jixtri xi kopji jista’ jikkuntattja lil Patri Charló. Il-ktieb qiegħed jinbiegħ LM 4.00. (15.5.2007)

• Nhar it-Tlieta l-1 ta’ Mejju 2007, fid-Dar tat-Talb ‘Tas-Silġ’, sar seminar ta’ ġurnata fl-okkażjoni tal-Ġublew Karmelitan 2007 għar-reliġjużi tal-Provinċja tagħna u tal-Karmelitani Skalzi. Fis-seminar, bit-tema Kif ngħixu s-sejħa kontemplattiva fil-kuntest ta’ l-impenn appostoliku tagħna, saret riflessjoni miż-żewġ Provinċjali dwar it-tema tal-jum, fil-waqt li l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawl Cremona, O.P., mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u baqa’ wkoll għall-ikel. (4.5.2007)

• Tard fil-għaxija tat-Tlieta, 1 ta’ Mejju 2007, Patri German Mamani Condori, wieħed mill-ewwel Karmelitani Bolivjani tal-missjoni tagħna, għadda għall-ħajja ta’ dejjem fl-isptar ta’ La Paz, fil-Bolivja, wara marda ta’ ftit xhur. Kellu 37 sena. Nhar it-3 ta’ Mejju 2007, fis-1.00 p.m. (ħin tal-Bolivja), sar il-funeral li tmexxa mill-Isqof Awżiljarju ta’ La Paz. L-omelija saret mill-Kummissarju Provinċjali Patri Garvin Grech. (4.5.2007)


FIL-QOSOR . . . . . April 2007

• Il-Kulleġġ San Elija, nhar il-Ħadd, 29 ta’ April 2007, fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku, fl-okkażjoni ta’ l-open day, attività annwali li tiġbed lejha madwar elf u tliet mitt familja. L-istudenti tal-Kulleġġ dawru ma’ l-iskola lil dawk li ġew iżuruha. Il-klassijiet kienu armati b’xogħlijiet ta’ l-istudenti stess. (4.5.2007)

• Nhar l-Erbgħa, 25 ta’ April 2007, grupp ta’ soċji nisa tal-M.U.S.E.U.M. żaru l-knisja u l-kunvent tagħna ta’ l-Imdina bħala wieħed mill-postijiet b’rabta mal-Beatu Ġorġ Preca. Kien hawnhekk li Dun Ġorġ, flimkien ma’ xi soċji, għadda l-ewwel lejl ta’ San Mikiel li hu organizza bejn it-28 u d-29 ta’ Settembru 1924. (26.4.2007)

• F’għeluq il-50 sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Patri Marcellino Scicluna u Patri Felician Bezzina, nhar it-Tlieta, 24 ta’ April 2007, saret Quddiesa ta’ radd il-ħajr fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Provinċjal, P. Alexander Vella, li għamel ukoll l-omelija. Patri Felician għamel kelmtejn fil-bidu tal-Quddiesa, fil-waqt li Patri Marcellino għamel diskors ta’ ringrazzjament fl-aħħar. Wara, sar riċeviment fil-kunvent. (26.4.2007)

• Matul it-tielet ġimgħa ta’ April 2007, Patri Michael Farrugia ħa sehem fil-laqgħa ta’ l-ekonomi tal-Provinċji Karmelitani tar-reġjun ta’ l-Ewropa ta’ fuq. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll l-Ekonomu Ġenerali. Fil-bidu tal-laqgħa, Patri Michael kien ikkonfermat bħala chairperson ta’ l-ekonomi ta’ l-istess reġjun. Fl-istess laqgħa, l-Ekonomu Ġenerali ta rapport dwar il-qagħda ekonomika tal-Kurja Ġenerali u ta’ l-entitajiet li jaqgħu taħtha. Kull ekonomu ppreżenta rapport dwar is-sitwazzjoni tal-Provinċja tiegħu, f’dak li għandu x’jaqsam man-numru tar-reliġjużi u l-etajiet tagħhom, flimkien mal-ħidma u l-qagħda ekonomika tal-Provinċja. Saret ukoll diskussjoni dwar il-missjonijiet ta’ l-Ordni, b’mod speċjali f’dawk il-pajjiżi fejn jinsabu l-Provinċji tar-reġjun. L-ekonomi ddiskutew ukoll kif jista’ jsir fundraising aħjar, u ppjanar ekonomiku aħjar għall-futur fil-Provinċji. Kienu ppreżentati wkoll proposti għall-Kapitlu Ġenerali li se jsir f’Settembru 2007 dwar il-missjoni u l-ekonomija fl-Ordni u fil-Provinċji. (26.4.2007)

• Bejn l-10 u l-14 ta’ April 2007 saret is-sitt laqgħa annwali tal-Carmelite Library Association fil-kunvent Karmelitan ta’ Krakovja, Polonja, li fiha ħadu sehem 23 persuna, bejn patrijiet u lajċi. Il-laqgħa tmexxiet minn Patri Mark Attard bħala Delegat ta’ l-Ordni għall-Kultura. Patri Jürgen Cucciardi rrappreżenta lill-Provinċja Karmelitana Maltija. Ħa sehem ukoll Patri Edmond Caruana bħala l-bibljotekarju tal-librerija ġenerali taċ-Ċentru Internazzjonali Sant’Albert, Ruma. Waqt din il-laqgħa, dawk li ħadu sehem żaru, fost l-oħrajn, l-arkivju u l-librerija tal-kunvent ta’ Krakovja. Hemm il-ħsieb li l-laqgħa tas-sena d-dieħla ssir f’Malta. (17.4.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Marzu 2007

• Nhar is-Sibt, 31 ta’ Marzu 2007, fil-knisja parrokkjali tal-Balluta sar kunċert tal-Ġimgħa Mqaddsa bl-isem Laudate Dominum Omnes Gentes minn Marie Therese Vassallo Voice Studio. (3.4.2007)

• Matul ix-xahar ta’ Marzu, fil-Kulleġġ San Elija, saru l-eżerċizzi tar-Randan għall-klassijiet kollha. Fit-30 ta’ Marzu, jum il-festa tad-Duluri, saret Quddiesa għall-istudenti kollha. Il-Kulleġġ għandu l-website ġdid: www.stelias.edu.mt. (17.4.2007)

• Nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu 2007, ġiet iċċelebrata l-Festa devozzjonali tal-Verġni Marija Addolorata. Fil-Parroċċi tagħna tal-Balluta, tal-Fgura, tal-Fleur-de-Lys u ta’ Santa Venera ħarġet il-purċissjoni bil-vara tad-Duluri. (3.4.2007)

• Nhar is-27 ta’ Marzu 2007 saret l-isports day tal-Kulleġġ San Elija fl-istadium Matthew Micallef St John fil-Marsa. Fiha kien hemm bosta attivitajiet, fosthom diversi tipi ta’ tlielaq u tug of war. (3.4.2007)

• Fil-jum tas-27 ta’ Marzu 2007, fuq il-passi tal-Beatu Ġorġ Preca Terzjarju Karmelitan, grupp ta’ 40 soċji nisa żaru l-Kurċifiss tas-seklu 15 li jinsab fil-kunvent tal-Karmnu tal-Belt Valletta, li huwa marbut mat-talba li għamel missier Dun Ġorġ għall-familja tiegħu fis-16 ta’ Lulju fil-ħin li ibnu kien se jegħreq u ġie meħlus. (3.4.2007)

• Nhar is-Sibt, 24 ta’ Marzu 2007, l-E.T. Mons. Adeodato Micallef, O.C.D., fetaħ wirja ta’ vari u mejda ta’ l-Appostli bl-isem Il-Patt il-Ġdid, li qiegħda tittella’ mill-Għaqda ta’ l-Armar tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Balluta, u tinsab fil-maħżen ta’ l-armar. (3.4.2007)

• Fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni tal-Beatu Ġorġ Preca, dan l-aħħar saret intervista lil Patri Alex Scerri, Kappillan ta’ Santa Venera, fejn tkellem dwar ir-relazzjoni ta’ Dun Ġorġ mal-Parroċċa. F’din l-intervista huwa tkellem mhux biss dwar il-mewt ta’ Dun Ġorġ li ġrat fi Triq il-Parroċċa, imma wkoll dwar il-vestizzjoni u l-professjoni tal-Beatu fit-Terz Ordni Karmelitan, li saret fil-knisja l-antika. Ġew iffilmjati r-reġistru tat-Terz Ordni li juri dan, id-dar fejn miet, u l-pittura ta’ fuq l-altar tal-knisja parrokkjali, li fost il-persunaġġi jidher ukoll il-Beatu Ġorġ Preca. Dan id-dokumentarju għandu jixxandar fuq TVM u Channel 22. (27.3.2007)

• Il-Parroċċi ta' Santa Venera u tal-Balluta organizzaw flimkien irtir tar-Randan fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’ fir-Rabat.  L-irtir, li sar nhar il-11 ta’ Marzu 2007 u kien kordinat mill-Kummissjoni Spiritwalità Karmelitana tal-Balluta, beda b'introduzzjoni minn Patri Amadeo Zammit.  Fil-għodu saret Quddiesa minn Patri Charló Camilleri u konferenza mill-Provinċjal tal-Karmelitani Skalzi, Patri Victor Mallia.  Wara nofsinhar saret Lectio Divina u l-irtir intemm b'adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija. (20.3.2007)

• Nhar il-Ħadd, 11 ta’ Marzu 2007, saret ġurnata rtir lil grupp ta’ persuni li tinteressahom l-ispiritwalità Karmelitana.  Dan l-irtir sar fil-kunvent ta’ l-Imdina u tmexxa mill-Provinċjal. (20.3.2007)

• Nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Marzu 2007, l-Istudenti u l-Pre-Novizzi Karmelitani animaw iċ-Ċelebrazzjoni Penitenzjali li saret fil-knisja arċipretali tal-Mosta u li tmexxiet mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawl Cremona, O.P. (13.3.2007)

• Nhar is-6 ta’ Mrazu 2007, fil-Kulleġġ San Elija, saret laqgħa għar-reliġjużi Karmelitani li jaħdmu ma’ l-adoloxxenti u maż-żgħażagħ. F’din il-laqgħa ġiet diskussa l-attività għaż-żgħażagħ li qed titħejja għad-9 ta’ Novembru 2007 fl-okkażjoni tal-Ġublew Karmelitan 2007. (6.3.2007)

• Nhar il-Ħadd, 4 ta’ Marzu 2007, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, mexxa konċelebrazzjoni fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kerċem bħala radd il-ħajr lil Alla f’għeluq il-50 sena minn meta s-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù waslu fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Għal din l-okkażjoni attendew il-Provinċjal, Patri Alexander Vella, u Patri Alexander Scerri. Flimkien mas-sorijiet li jinsabu jaħdmu fiż-żewġ komunitajiet, ta’ Kerċem u tar-Rabat, minn Ruma kien hemm preżenti wkoll il-Provinċjala u l-Kunsilliera Provinċjala, Sr. Lucy Vella. (6.3.2007)

• Fl-ewwel jiem ta’ Marzu beda x-xogħol fuq il-paviment tal-presbiterju tas-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Fil-fatt l-irħam li se jintuża wasal minn barra fl-aħħar ta’ Frar. Fil-kunvent tal-Belt Valletta, dan l-aħħar ukoll, sar restawr ta’ kwadru ta’ pittura li jirrapreżenta Bambin fuq tron qiegħed iżomm id-dinja. Il-kwadru, wiesgħa metru u twil żewġ metri, huwa stmat li sar bejn is-snin 1690 u 1700. (6.3.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Frar 2007

• Nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Frar 2007, il-Papa Benedittu XVI laqqa’ l-Konċistorju Ordinarju Pubbliku biex jingħata l-vot għall-Kanonizzazzjoni tat-Terzjarju Karmelitan, il-Beatu Ġorġ Preca u erba’ Beati oħra.  Kien deċiz li l-kanonizzazzjoni ssir fil-Vatikan fit-3 ta’ Ġunju 2007.
Fl-istess jum, fil-Belt Valletta, sar pellegrinaġġ żgħir mis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu għal quddiem id-dar fejn twieled il-Beatu, li tinsab ftit bibien ’l isfel mill-kunvent tal-Karmnu, fejn tqiegħdu xi xemgħat u fjuri. (27.2.2007)

• Nhar it-Tlieta, 20 ta’ Frar 2007, it-Terzjarji Karmelitani taż-Żurrieq organizzaw nofs ta’ nhar irtir fid-Dar Marija Ewkaristika f’Ħaż-Żebbuġ. Ħadu sehem madwar 45 Terzjarju u Terzjarja, u devoti tal-Madonna tal-Karmnu. Mexxa l-irtir Patri Joe Saliba. (6.3.2007)

• Nhar it-Tnejn, 19 ta’ Frar 2007, grupp ta’ madwar 100 persuna, il-biċċa l-kbira tagħhom mill-Birgu, għamlu żjar kulturali lill-knisja u l-kunvent tal-Karmnu ta’ l-Imdina. (20.2.2007)

• Nhar il-Ħadd, 18 ta’ Frar 2007, l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawl Cremona, O.P., iltaqa’ mal-kleru, mar-reliġjużi u mal-parruċċani ta’ l-Unità Pastorali 10, li tiġbor fiha l-Parroċċi tal-Balluta u ta’ Tas-Sliema. L-Arċisqof intlaqa’ mit-tfal fil-pjazza tal-Balluta u wara mexa sal-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu fejn saret ċelebrazzjoni ta’ talb li spiċċat bid-diskors ta’ l-Arċisqof u bil-barka sagramentali. Wara, l-Arċisqof iltaqa’ mal-kleru u mar-reliġjużi fil-kunvent tal-Karmelitani, fejn sar festin żgħir. (20.2.2007)

• Nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Frar 2007, fil-kunvent tal-Balluta, saret laqgħa għall-Assistenti Spiritwali u l-Presidenti tal-komunitajiet lokali tat-Terz Ordni. Fil-laqgħa kien diskuss is-sehem tat-Terz Ordni fil-Ġublew Karmelitan 2007, u ħwejjeġ prattiċi oħrajn. Laqgħa oħra hija programmata għat-8 ta’ Ġunju 2007. (20.2.2007)

• Nhar il-Ħamis, 15 ta’ Frar 2007, il-Provinċjal, Patri Alexander Vella ta konferenza għaċ-Ċentru Spiritwalità Tereżjana fis-Sala Madonna tal-Karmnu f’Birkirkara, bit-tema: Il-Komunità u l-ispirtu ta’ faqar fir-Regola ta’ Sant’Albert. (20.2.2007)

• Nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Frar 2007, Patri Raymond Calleja organizza rtir għat-Terzjarji Karmelitani fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’. Patri Charló Camilleri għamel preżentazzjoni fuq Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. Għal dan l-irtir attendew madwar 60 terzjarju u terzjarja minn Santa Venera, mill-Ħamrun u mill-Imsida. (20.2.2007)

• Nhar it-Tlieta, 13 ta’ Frar 2007, il-Frajiet Karmelitani ltaqgħu għal-laqgħa tagħhom ta’ kull xahar fil-knisja parrokkjali ta’ G’Mangia, fejn saret Quddiesa minn Patri Michael Camilleri, u wara komplew b’adorazzjoni u kielu mal-komunità tal-patrijiet Dumnikani. (20.2.2007)

• Tlieta żgħażagħ li matul dawn l-aħħar sentejn kienu qegħdin jgħixu bħala aspiranti fil-kunvent ta’ La Paz, Bolivja, iddeċidew li jibdew il-pre-novizzjat tagħhom fit-tielet ġimgħa ta’ Frar 2007. Fl-istess jiem żagħżugħ ieħor se jibda l-aspirantat. (12.2.2007)

Patri Charló Camilleri ta l-kontribut tiegħu permezz ta’ l-artiklu A Beautiful Edifice built by a Skilful Craftsman. The Human Person as a Dwelling Place under Construction according to Santa Maria Maddalena de’ Pazzi (1566-1607) fil-pubblikazzjoni In Labore Requies, Festchrift f’ġieħ il-Karmelitani Pablo Garrido u Balbino Velasco, maħruġa mill-Università ta’ Madrid bil-kollaborazzjoni ta’ l-Institutum Carmelitanum. Artiklu ieħor ta’ Patri Charló, Carmel’s Contribution to Contemporary Spirituality deher fir-rivista The Sword tal-Provinċja Amerikana tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija (vol 66, n. 1 & 2, 2006). (12.2.2007)

• Fl-okkażjoni tas-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, fil-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, Patri Martin D. Schembri mexxa l-Quddiesa bis-sehem tal-Kappillani u tar-Retturi tal-knejjes tal-Belt Valletta. Patri Robert Farrugia ċċelebra wkoll waħda mill-Quddisiet ta’ fil-għodu. (12.2.2007)

• Matul it-tieni ġimgħa ta’ Frar 2007, fil-kunvent tagħna ta’ Tarija fil-Bolivja, saret laqgħa għad-Diretturi tal-Vokazzjonijiet Karmelitani tal-Kolombja, tal-Perù, ta’ l-Arġentina u tal-Bolivja. (12.2.2007)

• Nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar 2007, il-Provinċjal Patri Alexander Vella ta konferenza għaċ-Ċentru Spiritwalità Tereżjana fis-Sala Madonna tal-Karmnu f’Birkirkara, bit-tema “Kull wieħed minnkom għandu ... lejl u nhar jaħseb fil-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb” (Regula ta’ Sant’Albert, 8): L-Iskrittura u t-Talb fir-Regula ta’ Sant’ Albert. (12.2.2007)

• Nhar it-Tlieta, 6 ta’ Frar 2007, u nhar il-Ħamis, 8 ta’ Frar 2007, madwar 40 reliġjuż ħadu sehem fl-irtir tax-xahar għar-reliġjużi Karmelitani u Karmelitani Skalzi fil-kunventi tal-Belt Valletta u tal-Balluta. Patri Felician Bezzina għamel konferenza bit-tema Ngħixu f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu: il-proġett tar-Regula Karmelitana, fil-waqt li Patri Charló Camilleri għamel introduzzjoni fuq Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. (12.2.2007)

• Il-Ħadd, 4 ta’ Frar 2007, Patri Charló Camilleri flimkien ma’ l-Istudenti u l-Pre-Novizzi Karmelitani, kienu mistednin fil-programm Is-Skiet fuq Radju Marija. Huma tkellmu fuq l-esperjenza vokazzjonali tagħhom u taw xi informazzjoni fuq l-Ordni Karmelitan. Wara, huma ħadu sehem fi programm bit-tema: Inħejju ruħna għall-Ġenna, li fih saru diversi telefonati b'mistoqsijiet u diskussjoni. Il-programm għalaq bit-talba tar-Rużarju, li kien animat mill-Istudenti b'riflessjonijiet fuq kull misteru mill-kitbiet ta' Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. (5.2.2007)

• Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja Konsagrata, nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Frar 2007, il-Quddiesa ta’ fil-għaxija, iċċelebrata fil-Parroċċa tal-Balluta, kienet organizzata bis-sehem tar-reliġjużi li jgħixu fl-istess parroċċa: Patrijiet Karmelitani, Sorijiet tal-Karità u Sorijiet tas-Sacred Heart. Wara l-Quddiesa lkoll flimkien ħadu sehem għal festin imħejji fid-Dar tal-Formazzjoni Karmelitana. (5.2.2007)

• Nhar il-Ħamis, 1 ta’ Frar 2007, lejliet Jum il-Ħajja Konsagrata, saret laqgħa ta’ l-Arċisqof Mons. Pawl Cremona, O.P., mal-membri ta’ l-Istituti ta’ Ħajja Konsagrata fis-sala ta’ l-iskola Santa Monika fi Fleur-de-Lys. Patri Amadeo J. Zammit, Delegat ta’ l-Arċisqof għall-Membri ta’ l-Istituti ta’ Ħajja Konsagrata u responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ din l-attività, laqa’ lill-Arċisqof u għamel kelmtejn fil-bidu tal-laqgħa. (5.2.2007)


FIL-QOSOR . . . . . Jannar 2007

• Nhar l-Erbgħa, 31 ta’ Jannar 2007, l-Arċisqof Mons. Pawl Cremona, O.P., iltaqa’ ma’ l-anzjani fis-Santwarju ta’ Santa Tereża f’Birkirkara. Patri Adrian Cassar Pulis kien involut fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività. (5.2.2007)

• It-Tnejn, 29 ta’ Jannar 2007, saret Quddiesa funebri b’suffraġju għal ruħ Patri Dward Vella fil-knisja parrokkjali tal-Balluta. Il-Provinċjal qaddes u għamel l-omelija. Ikkonċelebraw miegħu diversi patrijiet tal-Provinċja, il-Provinċjal tal-Karmelitani Skalzi, Patri Victor Mallia, u Dun Joe Brincat, ħu Patri Albert. B’rispett lejn il-proneputi ta’ Patri Dward, li jkanta mal-Collegium Musicum, dan il-kor, immexxi mill-Mro Dion Buhagiar, offra li jkanta l-Quddiesa de requie ta’ André Fauré. (30.1.2007)

• Nhar is-27 ta' Jannar 2007 fid-Domus Carmelitana (Ruma), intemm il-kors internazzjonali ta’ Formazzjoni Permanenti mniedi mill-Ordni Karmelitan għal din is-sena, li tfakkar l-400 sena mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. Minn Malta ħadu sehem f’dan il-kors Patri Leonard J. Mahoney, Patri Karm A. Ferrante, u Fra Josef Cutajar. (Ara)

• Nhar il-25 ta’ Jannar 2007, fi triqtu lejn l-Imdina għall-velja ta’ talb bi tħejjija għall-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu, Mons. Pawl Cremona, O.P., għadda mill-Parroċċi ta’ Santa Venera u ta’ Fleur-de-Lys, fejn kien milqugħ mill-patrijiet Karmelitani u minn numru kbir ta’ nies. Huwa ntlaqa’ quddiem il-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera u ħdejn ir-roundabout ta’ Fleur-de-Lys. Waqt il-velja, li saret fil-Katidral ta’ l-Imdina, il-Provinċjal, Patri Alexander Vella, għamel riflessjoni fuq is-silta meħuda mill-Għanja ta’ l-Għanjiet, b’rabta mas-simbolu taċ-ċurkett li jingħata l-Isqof fl-ordinazzjoni episkopali. (30.1.2007)

• Bejn is-Sibt 13 u l-Ħadd 14 ta’ Jannar 2007 ġie ċċelebrat Jum il-Vokazzjonijiet Karmelitani fil-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys, fil-waqt li fi tmiem il-ġimgħa ta’ wara kien iċċelebrat fil-Parroċċa tal-Fgura. Fiż-żewġ ikkazjonijiet ħadu sehem id-Direttur tal-Vokazzjonijiet, l-Istudenti u l-Pre-Novizzi Karmelitani. (5.2.2007)

Nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Jannar 2007, fis-sala tal-Kulleġġ Sant’Agata fir-Rabat, saret il-premjazzjoni annwali tal-Kulleġġ Sant’Elija.  Għal din l-attività ippresieda l-Provinċjal Patri Victor Mallia, OCD.  Is-serata, minbarra l-għoti tal-premijiet, kienet tinkludi kant mill-kor tal-Kulleġġ, diskorsi mill-istudenti, mir-Rettur u minn Patri Victor Mallia, OCD, u l-play ‘Is-Surmast’, li ttellgħet mill-istudenti. (22.1.2007)

• Nhar it-Tlieta, 9 ta’ Jannar 2007, il-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin tat vot pożittiv għall-miraklu li sar bl-interċessjoni tal-Beatu Ġorġ Preca, Terzjarju Karmelitan. Aktar ’il quddiem, id-digriet dwar dan il-miraklu jkun ippreżentat lill-Papa Benedittu XVI biex wara li jisma’ l-parir tal-Kardinali miġburin f’Konċistorju, ikun jista’ japprovah u jwasslu wkoll għall-kanonizzazzjoni. (11.1.2007)

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu, l-Arċisqof il-ġdid, Patri Pawl Cremona, għadda t-tieni ġimgħa ta’ Jannar irtir fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’ tal-Karmelitani li tinsab fir-Rabat. Għall-istess okkazjoni l-Provinċjal, Patri Alexander Vella, ġie mitlub iħejji xi riflessjonijiet għall-velja ta’ talb li għandha ssir fil-25 ta’ Jannar, lejlet l-Ordinazzjoni. (11.1.2007)

Nhar il-Ħadd, 7 ta’ Jannar 2007, Solennità ta’ l-Epifanija tal-Mulej, fi Fleur-de-Lys saret Quddiesa Konċelebrata li tmexxiet mill-Provinċjal biex tfakkar is-60 anniversarju mill-wasla tal-Karmelitani fi Fleur-de-Lys. (11.1.2007)

Nhar is-Sibt, 6 ta’ Jannar 2007, saret open day fil-knisja u f’parti mill-kunvent tal-Karmnu ta’ l-Imdina. Madwar 2,000 persuna, Maltin u barranin, daħlu jaraw il-post, li kien imħejjiji għall-okkażjoni. Flimkien mal-knisja, kienu fil-qalba ta’ l-attenzjoni: il-kjostru, is-sala tal-kapitlu u r-refettorju. Bi tħejjija għal din il-ġurnata l-ġurnal The Times of Malta tal-Ħamis, 4 ta’ Jannar 2007, deher feature fil-paġni tan-nofs, flimkien ma’ ritratt fil-faċċata ta’ quddiem. L-għada ta’ l-open day, The Sunday Times of Malta ppubblikat ukoll l-aħbar dwar din l-attività. Dwar il-proġett tal-kunvent ta’ l-Imdina tkellem ukoll il-Provinċjal fil-programm Kulturama ta’ l-RTK tal-Ħamis, 11 ta’ Jannar. (11.1.2007)

Fiċ-Ċentru Familja Karmelitana ta' Fleur-de-Lys, nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Jannar 2007, saret laqgħa indirizzata għar-reliġjużi Karmelitani li jaħdmu maż-żgħażagħ. Għal din il-laqgħa kienu preżenti d-Delegat ta’ l-Arċisqof għaż-żgħażagħ, Dun Savio Vella, SDB, l-Assistent Delegat, Dun Marco Portelli, Patri Joe Saliba, Patri Charles Mallia, Patri Alex Scerri u Patri Louis Bajada. (11.1.2007)

Bi tħejjija għall-Ġublew Karmelitan 2007, nhar it-2 ta’ Jannar 2007, numru sabiħ ta’ reliġjużi Karmelitani u Karmelitani Skalzi ltaqgħu għal laqgħa ta’ talb għas-suċċess spiritwali ta’ l-istess Ġublew fil-Monasteru Santa Margerita f’Bormla. (11.1.2007)


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage