AħbarijietX'ġara dan l-aħħarFIL-QOSOR . . . . . Mejju 2008 • Dan l-aħħar, l-Isqof ta’ Joliet fl-Istati Uniti ħatar lil Patri José Cilia Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu f’Joliet. (26.5.2008) • Bejn it-22 u s-26 ta’ Mejju 2008 kien hawn Malta Patri James Boyce, Karmelitan tal-Provinċja Amerikana tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija (PCM) biex jistudja l-antifonarji li jinsabu fil-kunventi tal-Belt u l-Imdina. Ħafna minn dawn l-antifonarji huma tas-seklu 18. Patri Boyce huwa speċjalista f’dan is-suġġett. Huwa jgħallem il-mużikoloġija fl-Università ta’ Fordham fl-Istati Uniti. (26.5.2008) FIL-QOSOR . . . . . April 2008 • Nhar l-Erbgħa 30 ta’ April 2008, fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta saret Quddiesa f’għeluq il-50 sena mit-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-knisja. Mexxa l-Quddiesa l-E.T. Mons. Tommaso Caputo, Nunzju Appostoliku għal Malta. (26.5.2008) • Nhar it-30 ta' April, fil-Parroċċa ta’ Santa Venera, li din is-sena qiegħda tiċċelebra għeluq id-90 sena mit-twaqqif tagħha, sar kunċert Spiritual u Gospel mill-kor tal-Parroċċa Chorus Carmeli taħt it-tmexxija tas-Sur Joe Tanti. Fl-aħħar tal-kunċert il-Kappillan Patri Alex Scerri rringrazzja lill-kor tas-sehem tiegħu matul is-sena kollha fil-Parroċċa. (26.5.2008) • Nhar il-Ħadd 27 ta’ April 2008, il-Kulleġġ San Elija fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku. Żaru l-Kulleġġ bosta familji. Dawk kollha li żaru l-Kulleġġ kienu mdawrin mal-post mill-istudenti. L-istudenti tal-Kulleġġ esibixxew bosta xogħlijiet tagħhom fil-klassijiet. (26.5.2008) • Nhar il-Ħadd 20 ta’ April 2008, Patri Charló mexxa rtir ta’ grupp ta’ lajċi kkonsagrati fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’. Fil-preżent Patri Charló Camilleri qiegħed jieħu sehem f’numru ta’ programmi fuq Radju Marija mtellgħin mill-Appostolat tal-Ħniena Divina. Fil-programmi jsir qari mid-Djarju Spiritwali ta’ Santa Fawstina, it-tifsir tiegħu u kummenti fuqu. (26.5.2008) • Fis-16 ta’ April 2008 Patri Hermann Duncan ħa sehem f’seminar għal Spiritual Counsellers, Guidance Teachers u Għalliema tar-Reliġjon dwar Pastoral Care and Counselling. Dan is-seminar tmexxa minn Dr Finola Cunnane, S.S.L., lecturer fl-Università Mater Dei ta’ l-Irlanda. Dan is-seminar sar fl-Istitut Kattoliku bil-kollaborazzjoni ta’ l-Università ta’ Malta. (26.5.2008) • Fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, fil-knisja tal-Karmnu ta’ l-Imdina, inkixfet mill-ġdid il-koppla u tniżżel l-iscaffolding wara li kien għaddej ir-restawr fuqha għal dawn l-aħħar snin. Ir-restawr tal-koppla nbeda minn Chris Agius Sultana u tkompla mill-koperattiva Recoop. Fit-tielet ġimgħa tax-xahar t'April tlestiet ukoll parti mir-restawr tal-presbiterju, li qiegħed isir mill-istess koperattiva. (24.4.2008) • F'nofs ix-xahar ta' April, fil-Kummissarjat Provinċjali tal-Bolivja saret l-Assemblea Annwali, li fiha ġew eletti Patri Albert Brincat u Patri Milton Murillo Ortiz bħala Kunsillieri. Għall-Assemblea ħa sehem il-Kunsillier Ġenerali għar-reġjun ta’ l-Amerka, Patri Raul Maravi, li mexxa wkoll l-irtir tal-Kummissarjat. (24.4.2008) • Nhar it-8 ta’ April 2008 kien organizzat "Jum l-Isports" tal-Kulleġġ San Elija, li sar fil-Matthew Micallef St. John Stadium, fil-Marsa. (24.4.2008) • Fl-ewwel jiem ta' April 2008, Patri Michael Farrugia ħa sehem fil-laqgħa ta’ l-Ekonomi tal-Provinċji tar-Reġjun ta’ l-Ewropa ta’ Fuq li saret fir-Repubblika Ċeka. (24.4.2008) FIL-QOSOR . . . . . Frar 2008 • Ic-cd ta’ l-oratorio The Beautiful Maiden of Shunnem miktub minn Patri Daniel Sammut u li ttella’ fl-għeluq tal-Ġublew Karmelitan 2008 tinsab għall-bejgħ għall-prezz ta’ € 15. Min jixtieq kopji ta’ din is-cd jikkuntattja lis-Segretarju Provinċjali. (25.2.2008) • Nhar is-Sibt, 23 ta’ Frar 2008, saret laqgħa tal-vokazzjonijiet fid-Dar tal-Formazzjoni fil-kunvent tal-Balluta għal studenti li qegħdin bejn il-Form 1 u l-Form 5. F’din l-attività kien hemm ħin ta’ logħob, talb u laqgħa dwar il-ħajja ta’ San Pawl li tmexxiet minn Patri Maurice Abela. (25.2.2008) • Nhar it-Tlieta 12 ta’ Frar 2008 saret laqgħa għall-frajiet fil-kunvent tad-Dumnikani ta’ Gwardamangia. Patri Michael Camilleri, O.P., mexxa Quddiesa u Adorazzjoni. Wara l-frajiet kielu mal-komunità. (19.2.2008) • Dan l-aħħar, il-Pirjol Ġenerali u l-Kunsill Ġenerali ta' l-Ordni Karmelitan ħatru lil: Patri Mark Attard: Reġġent ta’ l-Istudji, Organizzatur tal-Carmelite Library Association, u Membru tal-Kummissjoni Ġenerali għat-Teoloġija; Patri Edmond Caruana: Bibljotekarju taċ-Ċentru Internazzjonali Sant’Albert; u Patri Anthony Cilia: Webmaster u Membru tal-Kummissjoni Ġenerali għall-Komunikazzjoni ta’ l-Ordni. (19.2.2008) • F’għeluq il-150 sena mid-dehriet tal-Madonna f’Lourdes, Patri Jürgen Cucciardi qiegħed jagħmel laqgħa kull xahar (bejn Diċembru u Ġunju) fuq il-Madonna fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann. (19.2.2008) • Matul dan ix-xahar saru diversi attivitajiet vokazzjonali. (ara) FIL-QOSOR . . . . . Jannar 2008 • Bejn l-24 u l-25 ta’ Jannar 2008, Patri Michael Farrugia ħa sehem f'konvenju ta’ studju La legge canonica nella vita della Chiesa. Indagine e prospettive, nel segno del recente Magistero Pontificio. Dan il-konvenju sar fil-Vatikan u ġie organizzat f’għeluq il-25 sena mill-promulgazzjoni tal-Kodiċi tal-Liġi tal-Knisja. (31.1.2008) • Nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Jannar 2008, saret il-Premjazzjoni tal-Kulleġġ San Elija fl-auditorium tal-Kulleġġ Sant’Agata fir-Rabat. Ippresediet Dr Grace Grima, Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni għall-Kwalità u Standards. L-attività kienet tinkludi kant mill-Kor tal-Kulleġġ In Sublimi Virtus taħt id-direzzjoni ta’ Fra Daniel Galea, mużika mill-Big Band tal-Kulleġġ, diskorsi ta’ l-istudenti, tar-Rettur Patri Charles Mallia u ta’ Dr Grima, it-tqassim tal-premijiet u l-play Minn ġot-Taġen għal ġon-Nar. Attività oħra marbuta mal-Kulleġġ kienet meta nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Jannar 2008, fil-progamm Teen and Co li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali, ħadu sehem l-istudenti tal-Kulleġġ li jiffurmaw parti mill-orkesta Big Band. Fil-programm deher ukoll filmat ta’ jum il-premjazzjoni. Il-programm huwa mmirat lejn adoloxxenti ta’ bejn il-11 u l-15-il sena. (31.1.2008) • Dan l-aħħar, Patri Daniel Sammut ikkompona Quddiesa Kantata b’dedika lill-Papa Benedittu XVI. Din il-kompożizzjoni ntbagħtet ukoll lill-Papa. Patri Daniel irċieva ittra ta’ apprezzament u radd il-ħajr mis-Segreterija ta’ l-Istat tal-Vatikan għal din il-biċċa xogħol mużikali tiegħu. (31.1.2008) • Fl-aħħar parti tal-live-in li sar għall-Kappillani Maltin bejn it-8 u l-10 ta' Jannar 2008, bit-tema "Ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed - il-kappillani mal-lajċi fil-parroċċa", saret l-elezzjoni tal-Kunsill il-ġdid għas-sentejn li ġejjin. Għal darb'oħra, Patri Joe Saliba (Kappillan ta' Fleur-de-lys), kien magħżul Segretarju tal-Kunsill, filwaqt li fost il-karigi l-ġodda nsibu lil Patri Alexander Scerri (Kappillan ta' Santa Venera), bħala membru tal-Kunsill. • Wieħed mill-programmi l-ġodda fuq Radju Marija fl-iskeda għax-xhur ta' Jannar-Marzu 2008 huwa fuq "Iż-żwieġ - Sitwazzjoni u realtà tal-lum". Il-programm huwa produzjoni u preżentazzjoni ta' Patri Michael Farrugia, O.Carm., membru tat-Tribunal Ekkleżjastiku, mgħejun minn Julian Sant Fournier, medjatur fil-Qorti tal-Familja u membru fil-Moviment ta' Kana. Jixxandar kull nhar ta' Ħamis fis-7.00pm b'ripetizzjonijiet kull nhar ta' Tnejn fis-1.00am u nhar ta' Erbgħa fis-6.00am. • Mill-missjoni Karmelitana tal-Bolivja waslitilna l-aħbar sabiħa li nhar is-Sibt, 5 ta’ Jannar 2008, Felix Andres Rojas Rodriguez beda n-novizzjat mal-Karmelitani fil-Provinċja Brażiljana ta’ Pernambuco. Felix twieled fit-12 ta’ Settembru 1986 fil-belt ta’ Yacuiba fir-reġjun ta’ Tarija. Huwa beda l-aspirantat f’Jannar 2006 fil-kunvent ta` La Paz, u fit-12 ta’ Frar 2007 beda l-prenovizzjat. (5.1.2008) |