Aħbarijiet

X'ġara dan l-aħħar


KONGREGAZZJONI ĠENERALI TA’ L-ORDNI KARMELITAN

Reliġjuzi Karmelitani minn diversi nħawi tad-dinjaWara l-vizta li P. Alexander Vella, Provincjal, għamel lill-missjunari Maltin fil-Bolivja, huwa ħa sehem fil-Kongregazzjoni Ġenerali ta’ l-Ordni li saret fil-Brażil. Qed inwasslulkom it-tagħrif li huwa għadda lir-reliġjuzi Karmelitani Maltin.

“Din hija laqgħa li ssir sentejn qabel il-Kapitlu Ġenerali bejn il-Kunsill Ġenerali ta’ l-Ordni u l-Provinċjali / Kummissarji / Delegati Ġenerali Karmelitani kollha. Kull Provinċjal seta’ jieħu miegħu reliġjuż ieħor. Mill-Provinċja tagħna, minbarra P. Charles Mallia u jien, kien hemm ukoll P. Mark Attard li l-Kunsill Ġenerali għażlu biex jagħmilha ta’ faċilitatur tal-laqgħa.

Il-Kongregazzjoni saret f’São Paulo, il-Brażil, bejn is-6 u l-14 ta’ Settembru. Is-suġġett tagħha kien “Naqdu lill-Knisja fi żmien ta’ bidla. X’għandu jagħmel l-Ordni llum biex ikun jista’ jwassal il-kariżma tiegħu fil-ġejjieni”. Bdejna billi smajna rapporti mingħand il-Pirjol Ġenerali, il-Membri tal-Kunsill Ġenerali, u l-Kummissjonijiet Internazzjonali ta’ l-Ordni. L-istampa ġenerali li tawna kienet li l-Ordni qed jixjieħ fil-pajjiżi tal-Punent, jew kif qed jissejħu llum il-pajjiżi tat-Tramuntana tad-dinja (the North), filwaqt li qed jikber ħafna fil-pajjiżi li konna ngħidulhom tat-Tielet Dinja u li llum qed jissejħu n-Nofsinhar tad-dinja (the South). Biex nieħdu eżempju, minn madwar 120 novizz li kellna fl-Ordni din is-sena, 50 kienu fl-Indoneżja waħedha u madwar 50 oħra f’pajjiżi oħra tan-Nofsinhar. Ħafna mill-Provinċji ta’ l-Ewropa, u l-aktar ta’ l-Ewropa ta’ Fuq, m’għandhomx vokazzjonijiet. Din ir-realtà bil-fors se ġġib magħha diversi bidliet fl-Ordni. Waħda mill-problemi li iddiskutejna kienet kif se ngħinu ekonomikament fil-formazzjni tal-vokazzjnijiet il-ġodda, għax dawn qegħdin fil-Provinċji foqra.

P. Gustavo Gutierrez, O.P., u P. Carlos Mesters, O.Carm.Wara r-rapporti kellna ġurnata u nofs irtir bi tliet konferenzi mit-teologu famuż P. Gustavo Gutierrez, O.P. Kienu konferenzi profondi ħafna li lkoll apprezzajnihom ħafna. P. Gutierrez kellimna l-iktar fuq it-tama. Stedinna naqraw Ġeremija 31, fejn Alla jordna lill-profeta jixtri biċċa art propju meta l-poplu kien qed jitkaxkar fl-eżilju ta’ Babiljonja. Il-profeta raha ħaġa bla sens din, imma obda. P. Gustavo stedinna biex bħala Ordni “nixtru biċċa art”, jiġifieri biex f’dan iż-żmien meta kollox nieżel u ħadd ma jaf fejn hu sejjer – żmien bla tama – ma nibżgħux nibqgħu noħolmu u nikkonkrettiżżaw il-ħolm tagħna fi proġetti għall-ġejjieni. Trid fidi kbira biex tagħmlu dan, fidi mibnija fuq it-tifkira ta’ dak li Alla ġa għamel magħna. F’dan il-kuntest, P. Gutierrez qalilna ċar u tond li ma togħġbux din li nitkellmu mill-Ewropa qisu kollox spiċċa u m’hemmx futur għaliha. Aħna ta’ l-Ewropa rridnu neżaminaw ruħna u naraw għaliex qegħdin f’hiex qegħdin u jkollna l-kuraġġ li nkunu kreattivi biex inwieġbu għall-isfidi tal-lum bi stil ta’ ħajja li jgħodd għal-lum.

Wara l-irtir bdejna niltaqgħu fi gruppi, daqqa lingwistiċi, daqqa reġjunali u daqqa ta’ nteress, biex niddiskutu r-rapporti li konna smajna. Bil-mod il-mod id-diskussjoni bdiet tiċċentra fuq sitt suġġetti: l-identità tagħna, il-formazzjoni, id-dimensjoni internazzjonali, id-djalogu, it-tmexxija ġenerali ta’ l-Ordni, u l-ekonomija. Fl-aħħar jumejn wasalna biex ifformulajna diversi proposti biex jitressqu fil-Kapitlu Ġenerali ta’ l-2007.

Xi ħaġa konkreta li ħarġet minn din il-Kongregazzjoni Ġenerali kienet id-deċiżżjoni li l-Provinċji Karmelitani ta’ l-Ewropa nibdew proċess li xi darba jrid iwassalna biex niffurmaw reġjun wieħed. Bħalissa l-Ewropa hi maqsuma f’żewġ reġjuni, l-Ewropa ta’ Fuq u l-Ewropa Mediterranja. Mis-sena d-dieħla l-laqgħa ta’ kull sena tal-Provinċjali ta’ dawn iż-żewġ reġjuni se tibda ssir fl-istess post u żmien biex qabel il-laqgħa ta’ kull reġjun għalih, issir laqgħa bejn il-Provinċjali kollha ta’ l-Ewropa li fiha jistudjaw u jiddiskutu problemi li jolqtu lill-Ewropa kollha. L-ewwel laqgħa ta’ dan it-tip se ssir f’Settembru tas-sena d-dieħla.


KAPITLU TAL-KUMMISSARJAT PROVINĊJALI TAL-BOLIVJA

Il-wasla tal-Provinċjal f'Tarija

Mid-29 ta' Awissu sat-2 ta' Settembru sar l-ewwel Kapitlu tal-Kummissarjat Provinċjali tal-Bolivja, li jaghmel parti mill-Provinċja Maltija. Dan sar fil-kunvent ta' Tarija u tmexxa mill-Provinċjal, P. Alexander Vella, li kien assistit mill-Kunsillier Provinċjali P. Charles Mallia.

Matul il-Kapitlu, li fih ħadu sehem it-tmien reliġjuzi li jiffurmawh (6 Maltin u 2 Bolivjani), ġew miktubin l-Istatuti tal-Kummissarjat u saru l-elezzjonijiet għal dawk li se jmexxu fit-tliet snin li ġejjin. Patri Garvin Grech ġie elett Kummissarju Provincjali u P. German Mamani Condori u P. Ġużepp Farrugia ġew eletti Kunsilliera tal-Kummissarjat.

Il-priorità tal-Kummissarjat hi l-ħidma vokazzjonali. Bħalissa hemm xi kandidati li fi ftit żmien ieħor jistgħu jibdew il-prenovizzjat.


"NARA, NISMA' U NAQRA"

Nara, nisma' u naqraNara, Nisma’ u Naqra huwa l-isem tat-tieni ktejjeb ta’ Patri Damian Cachia, O.Carm., li l-Klabb Qari Nisrani, Blata l-Bajda, ippubblika fix-xahra ta’ Awissu 2005.
 
Fid-daħla ta’ dan il-ktejjeb, P. Leonard Mahoney, O.Carm., jgħid: “Illum insibu interess, l-aktar fost iż-żgħażagħ, dwar it-tifsir tal-ħajja u l-mewt. Il-bniedem qatt ma jegħja jsaqsi.” U proprju dan li jipprova jagħmel P. Damian fit-tieni ktejjeb tiegħu, li jwieġeb għal diversi mistoqsijiet u argumenti li qed iqajjem il-bniedem tal-lum. Fost l-oħrajn l-awtur ikellimna dwar jekk Alla jistax isofri minħabba d-dnub tagħna; ta’ min tkun il-ħtija meta tiġrilna xi disgrazzja; dwar il-qawmien mill-mewt u dawk li huma favur il-kremazzjoni (jiġifieri li wara mewthom ġisimhom ikun maħruq); dwar iż-żwiġijiet ma’ Musulmani; il-Knisja u r-relikwiji tal-qaddisin; u bosta suġġetti oħra tal-mument.
 
Dan il-ktejjeb ta’ 85 paġna, b’daqs tajjeb biex wieħed jieħdu miegħu f’xi post għal kwiet u joqgħod jirrifletti fuq xi wieħed mill-argumenti, jinsab għall-biegħ għand il-librara reliġjużi ewlenin għall-prezz ta’ Lm1.25ċ.
 
Fil-preżent P. Damian huwa l-Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali ta’ l-Azzjoni Kattolika u Direttur Spiritwali f’diversi djar ta’ l-anzjani, kittieb ta’ kull ġimgħa fil-Leħen is-Sewwa u spiss ikun mistieden biex jitkellem fuq ir-radjijiet Maltin. Il-ktejjeb li tana sena ilu kien jismu Nibdew flimkien u jiġbor il-ħsibijiet spiritwali li kien wassal lis-semmiegħa fuq Radju RTK f’Settembru 2004.


ONORATI B’”ĠIEĦ IL-PARROĊĊA TAL-KATIDRAL”

Sr. Mariannina Barbara, Sr. Romana Cachia, Sr. M.Grazia Caruana u Sr. Jane SchembriNhar l-20 ta’ Lulju 2005, is-superjura tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù li joqgħodu fil-belt Victoria, Għawdex, irċeviet ittra mingħand l-Arċipriet tal-Katidral ta’ Santa Marija, Mons. Joe Vella Gauci, fejn għarrafha li l-parroċċa tal-Katidral għandha l-pjaċir tonora lill-komunità Karmelitana bil-midalja “Ġieħ il-Parroċċa tal-Katidral” għas-sehem distint li s-sorijiet Karmelitani ta’ l-istess komunità jagħtu kontinwament b’risq il-Knisja Katidrali.

Is-sorijiet Karmelitani li huma membri tal-Kunsill Parrokkjali u tal-Kummissjoni Liturġika  jagħtu s-sehem prinċipali tagħhom fil-parroċċa tal-Katidral bħala katekisti billi jħejju t-tfal għall-ewwel tqarbina. Barra minn dan huma jorganizzawlhom ħafna attivitajiet oħra, fost l-oħrajn il-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Sibt, attivitajiet speċjali għall-festa ta’ Santa Marija, għal żmien l-Avvent u l-Milied u għal żmien ir-Randan u l-Għid. L-attivitajiet ta’ divertiment, bħalma huma BBQs, u ħarġiet kulturali ma jonqsux. Dan kollu s-sorijiet jagħmluh flimkien mas-servizz tagħhom ta’ kuljum li jagħtu li sitt anzjani li jżommu u jieħdu ħsieb fid-dar tagħhom.

Ta’ min iżid li ricentement, fl-okkazjoni tal-beatifikazzjoni ta’ Madre Maria Crocifissa Curcio, il-Fundatriċi tagħhom,  li sejra ssir nhar it-13 ta’ Novembru 2005, is-sorijiet żaru diversi ċentri fejn jinġabu t-tfal biex ikellmuhom dwar l-ispiritwalità tagħha, organizzaw adorazzjonijiet f’bosta parroċċi u wkoll tkellmu fuq diversi radjijiet tal-komunità dwar dan l-avveniment hekk importanti fil-ħajja tal-Kongregazzjoni.

Iċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-midalja “Ġieħ il-Parroċċa tal-Katidral” saret nhar it-Tnejn, 15 ta’ Awissu 2005 waqt il-Konċelebrazzjoni Pontifikali ta’ nhar l-Għid ta’ l-Assunta, fid-9.00 ta’ filgħodu. Il-midalja ta’ ġieħ kienet irtirata minn Sr. Jane Schembri, superjura tal-komunità għan-nom ta’ sħaba s-sorijiet.



IRTIR GRUPP BEATU ISIDORO BAKANJA - SAJF 2005

Mill-Ġimgħa 22 ta’ Lulju sal-Ħadd 24 ta’ Lulju 2005, l-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani organizzat irtir għall-istudenti li temmew l-ewwel sena ta’ l-iskola sekondarja. Is-suġġett ta’ dan l-irtir kien L-EWKARISTIJA, b’rabta mas-Sena Ewkaristika li qed tiġi ċċelebrata mill-Knisja Universali.

L-istudenti li ħadu sehem fl-irtir.L-irtir kien imżewwaq b’diversi attivitajiet. Kienet mgħotija importanza liċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u lill-ħin ta’ talb fis-skiet quddiem l-Ewkaristija. Kien hemm ħin għad-disskussjoni dwar l-Ewkaristija u dwar il-Ħajja Reliġjuża Karmelitana u wkoll talb permezz tal-Bibbja. Naturalment il-ħin għar-rikreazzjoni, b’mod speċjali għall-għawm, ma naqasx. L-irtir intemm b’Quddiesa flimkien mal-ġenituri tat-tfal li ħadu sehem fl-irtir.

Edward Mifsud, wieħed mill-istudenti li kien preżenti tkellem hekk dwar l-esperjenza tiegħu: “Kellna rtir vera bomba fejn għalkemm tgħażżint xi ftit aktar mis-soltu ħadt tagħlima kbira; dik li sirt napprezza aktar l-Ewkaristija. Sirt nipprova noqgħod aktar attent ħalli l-Ewkaristija niċċelebra m'hux nismagħha. Mill-bqija kilna vera tajjeb u għandkom grupp vera OOOKKK! Grazzi ħafna.”

Fr. Maurice Abela, l-organizzatur tal-laqghat qalilna li “l-iskop ta’ dawn l-irtiri huwa biex it-tfal u ż-żagħżagħ iduqu xi ftit mill-ħajja Karmelitana billi għal tlett ijiem jgħixu mal-Karmelitani fid-Dar tal-Formazzjoni.”

F’Awissu ser ikunu organizzat żewġ irtir oħra għal studenti ta' Form 1 u Form 2 (ara l-paġna ta’ l-attivitajiet).



ASSEMBLEA PROVINĊJALI ANNWALI

Quddiesa konċelebrataNhar l-Erbgħa, 20 ta’ Lulju 2005, Festa tal-Profeta Elija, madwar 30 reliġjuż Karmelitan iltaqgħu flimkien biex jitolbu, jiċċelebraw u jistudjaw il-qaħda tal-Provinċja b’ħarsa lejn il-futur.

Il-laqgħa bdiet b’quddiesa konċelebrata fil-knisja l-qadima ta’ S. Venera, immexxija mill-Provinċjal, P. Alexander Vella. Qrib tiegħu kien hemm ir-reliġjużi Karmelitani li din is-sena qed P. Alexander Vella u P. Mark Attardjiċċelebraw xi anniversarju specjali: P. Michael Farrugia (25 sena mill-Professjoni), P. Mario Enriquez (50 sena mill-Professjoni), u P. Joseph Saliba u P. Charles Mallia (25 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali). Sar ukoll talb għal dawk li ma setgħux ikunu preżenti: P. Valerjan Mercieca u P. Karm Ferrante (50 sena mill-Professjoni) u P. Raymond Calleja (25 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali). Assemblea ġeneraliFl-omelija l-Provinċjal tkellem dwar l-impatt u l-attwalità tal-Profeta Elija f’kull żmien, b’mod partiklulari fi żminijietna, fejn minkejja li ninsabu għaddejjin minn mumenti ta’ diffikultà, ta’ biża’, ta’ inċertezzi, ta’ sekularizazzjoni, Alla xorta waħda għadu preżenti fid-dinja tal-lum u fil-ħajja ta’ kull bniedem.

Wieħed mill-gruppiIt-tieni parti ta’ l-Asemblea kompliet f’Saint Elias College (S. Venera) fejn P. Mark Attard, fil-preżent Pirjol taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ l-Ordni, mexxa l-laqgħa bħala moderatur. Beda l-Provinċjal b’rapport dwar is-sitwazzjoni tal-Provinċja: is-servizz tagħna, il-ħajja komunitarja, il-ħajja spiritwali, l-istudji superjuri u l-kultura. Imbagħad ir-reliġjużi preżenti tqassmu f’erba’ gruppi biex jgħidu Pranżu fraternx’deherilhom minn dan id-diskors u jipproponu l-prijoritajiet l-aktar urġenti li l-Kapitlu Provinċjali 2006 jeħtieġ jaffronta. Ir-riżultat ta’ dawn il-gruppi kien imwassal lill-assemblea ġenerali fejn saru wkoll xi mistoqsijiet għal aktar tagħrif. Fit-tmiem l-assemblea kienet mgħarrfa wkoll dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-Provinċja minn P. Michael Farrugia, Ekonomu Provinċjali. Il-laqgħa ntemmet bi pranżu fratern fl-istess post.



FTUĦ UFFIĊĊJALI TAL-KNISJA PARROKKAJLI TA’ S. VENERA

Nhar il-Ħadd 17 ta’ Lulju 2005, fis-6.00pm, l-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca Arċisqof ta’ Malta, inawgura u bierek il-Knisja Parrokkjali l-ġdida ta’ Santa Venera fil-preżenza ta’ madwar 30 saċerdot, il-President ta’ Malta, il-Prim Ministu, membri miż-żewġ naħat tal-parlament, is- Sindku u l-Kunsill, u folla enormi ta’ Vendriżi u parruċċani oħra. 

E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca Arċisqof ta’ MaltaIċ-ċebrazzjoni bdiet bil-purċissjoni tal-kleru mill-kripta akkumpanjati mill-iscouts ta' S. Venera.  Kif waslet quddiem il-bieb prinċipali tal-knisja l-ġdida sar it-talb tat-tberik u l-Kappillan, P. Alexander Scerri, u l-Pirjol, P. Raymond Calleja, fetħu l-bieb fost fanfarra mill-banda ta' S. Venera u sparar tan-nar.  Imbagħad l-Arċisqof stieden lill-ġemgħa sabiex tidħol fil-knisja. Daħal l-ewwel il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, il-mistednin speċjali segwiti mill-poplu li mela kull rokna tal-knisja.  Minnufieħ bdiet iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Wara t-tislima tal-bidu, ġew ippreżentati lill-Arċisqof il-pjanta tal-knisja l-ġdida flimkien ma’ xi għodod li ntużaw fix-xogħol tal-bini.  Wara sar it-tberik tal-ġemgħa u tal-ħitan tal-knisja.  Il-quddiesa kompliet bil-Liturġija tal-Kelma. Kif spiċċat l-omelija sar it-tberik ta’ l-altar u tressqu l-offerti tal-ħobż u l-inbid għas-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija.  Wara t-tqarbin, saret purċissjoni lejn il-kappella tas-Sagrament u Ġesù Ewkaristija tqiegħed fit-tabernaklu.  L-quddiesa spiċċat bil-barka ta’ l-aħħar. 

Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesaL-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali l-ġdida tqiegħdet nhar is-6 ta’ Ottubru 1990.  Matul dawn l-aħħar snin ix-xogħol fuq il-knisja baqa’ dejjem għaddej sakemm fl-aħħar inħass li l-knisja kienet adattata sabiex tintuża.

Wara din iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ uffiċċjali tal-knisja l-ġdida, ġie ppjanat programm sħiħ li jwassal sal-festa ta’ Santa Venera li ser tkun iċċelebrata l-Ħadd 31 ta’ Lulju 2005.  Fost l-oħrajn il-programm jinkludi attivitajiet għat-tfal, għaż-żgħażagħ u l-anzjani, kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti tal-Magħmudija, ta’ l-Ewwel Tqarbina, tal-Penitenza u taż-Żwieġ.



LAQGĦA TAŻ-ŻEWĠ KUNSILLI O.CARM U OCD

Nhar it-Tnejn 27 ta’ Ġunju 2005, saret l-ewwel laqgħa taż-żewġ kunsilli provinċjali O.Carm u OCD fil-kunvent tal-Karmelitani Tas-Sliema. Għaliha kienu preżenti ż-żewg Provinċjali P. Alexander Vella, O.Carm., u P. Victor Mallia, OCD, flimkien mal-membri kollha taż-żewġ kunsilli. Il-laqgħa bdiet b’talba u introduzzjoni mill-Provinċjal P. Victor Mallia, OCD, fejn esprima l-ferħ u s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-ewwel pass importanti u storiku li sar bejn iż-żewġ Ordnijiet tal-Familja Karmelitana f’Malta.

Matul din il-laqgħa ġew diskussi diversi suġġetti ta’ importanza, fosthom li ż-żewġ provinċji jibdew jorganiżżaw l-irtir tas-sena flimkien u darba jsir fid-dar tat-Talb Lunzjata (Rabat) tal-Karmelitani u darba fid-dar tat-Talb Tas-Silġ (Marsaxlokk) tal-Karmelitani Skalzi. Wara li ntlaħaq ftehim dwar l-idea ta’ l-irtiri ġew iffissati d-dati: mill-21 sal 25 ta’ Novembru għas-sena 2005, u mill-20 sal-24 ta’ Novembru għas-sena 2006. Sar qbil ukoll dwar l-irtiri ta’ ġurnata li jsiru kull xahar biex jibdew jiġu organizzati flimkien.

Wara ġiet diskussa l-possibilità li ż-żewg provinċji jiċċelebraw flimkien tlett Ċentinarji Karmelitani importanti: 2006 - 100 Sena mill-mewt tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità; 2007 - 800 Sena mill-Għoti tar-Regula Karmelitana u 400 Sena mill-mewt ta’ Santa Marija Madalena de Pazzi. Rigward iċ-ċentinarju tal-Beata Eliżabetta tat-Trinita’ l-provinċja tal-Karmelitani Skalzi diġa’ għandha kummissjoni u għalhekk ġie deċiz li ma dawn il-membri jingħaqad wieħed O.Carm. Rigward iċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentinarji l-oħra kien deċiz li jiġu diskussi fid-dettal aktar 'il quddiem. Imma sar qbil li fl-okkazjoni tar-Regula jsir pellegrinaġġ flimkien lejn l-Art Imqaddsa, il-post fejn twieled l-Ordni Karmelitan.

Qabel intemmet il-laqgħa kien deċiz li ż-żewġ provinċjali joħorġu ittra flimkien għar-reliġjuzi taż-żewġ provinċji biex jinfurmawhom fid-dettal dwar dak li sar matul din il-laqgħa. Imbagħad iż-żewġ kunsilli kienu mistiedna għall-ikel mal-kommunita’ Karmelitana ta’ Tas-Sliema.


“IBQA’ MAGĦNA MULEJ”

Nhar il-Ħamis, 23 ta’ Ġunju 2005, Jum il-Parroċċa tal-Balluta, il-komunità Karmelitana inawgurat kappella għall-adorazzjoni Ewkaristika perpetwa, bil-ħsieb li sservi kemm għall-komunità parrokkjali kif ukoll għal dawk il-Maltin u l-barranin li jkunu jżuru l-lokalità.

Il-kappella tal-BallutaL-idea bdiet mill-istedina tal-Papa Ġwanni II “biex id-dinja nisranija tersaq izjed lejn l-Ewkaristija.” Il-proposta tal-kappella kienet approvata mill-Assemblea Parrokkjali lejn tmiem is-sena li għaddiet. Ix-xoghol fuq l-istruttura beda f’Marzu li għadda fuq pjanta tal-perit Herbert Debono. Id-disinn tal-kappella hu sempliċi imma fl-istess ħin għandu tifsira simbolika. Ġesù Ewkaristija jinsab f’ċirku, li jirrappreżenta l-qdusija u l-imħabba infinita ta’ Kristu fl-Ewkaristija. L-isfera tinsab imwaħħla ma’ ħajt li hu tiela minn taħt il-livell ta’ l-art, li jfakkarna fl-Inkarnazzjoni ta’ Kristu, li baxxa lilu innifsu biex jgħolli lilna. L-ambjent tal-kappella jfakkarna wkoll fil-profeta Elija, li bis-saħħa tal-ħobż li pprovdielu Alla fid-deżert, seta’ jkompli bil-vjaġġ tiegħu sa fuq il-muntanja Ħoreb, fejn hemm iltaqa’ m’Alla f’ziffa l-aktar ħelwa, u qallu biex jerġa’ lura fil-ħidma tiegħu bla biża ta’ xejn.

“Ibqa’ magħna Mulej” huwa l-isem li ngħata lil din il-kappella miftuħa fis-sena iddedikata lill-Ewkaristija. Tinsab fil-ġenb tal-knisja parrokkjali, fi Triq it-Torri, fil-post fejn qabel kien hemm il-Carmelite Youth Centre. Se tkun miftuħa kuljum bejn id-9.00am u 12.00am. Mal-kappella hemm ukoll kamra għal min ikun jixtieq jaqsam l-esperjenza tiegħu.

Fl-okkażjoni tas-Sena Ewkaristika diversi knejjes oħra tagħna l-Karmelitani qed jagħtu importantza lill-Adorazzjoni Ewkaristika fis-skiet. Fis-Santwarju tal-Belt kull nhar ta’ Ġimgħa qed ikun hemm Adorazzjoni ta' ġurnata sħiħa fl-Oratorju tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu fi Triq it-Teatru l-Qadim; il-parroċċa ta’ Santa Venera fetħet kappella ta’ l-Adorazzjoni fiċ-Ċentru Parrokkjali fi Triq il-Kbira San Ġużepp; il-Parroċċa tal-Fgura fetħet kappella ta’ l-Adorazzjoni fiċ-Ċentru Pastorali fi Triq il-Liedna; u l-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys qed torganizza Adorazzjoni mqassma f’ħinijiet differenti fi knejjes u kappelli li jinsabu fil-limiti tal-parroċċa.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage