AħbarijietX'ġara dan l-aħħar
TILTAQA’ L-ASSEMBLEA ANNWALI TAL-PARROĊĊA TAL-BALLUTA
Fl-għeluq ta’ l-Assemblea ngħatat tifkira ta’ apprezzament lis-Sur Daniel Miller u lis-Sinjorina Marjorie Vella, li kienu għadhom kif temmew is-servizz tagħhom bħala chairman u segretarja tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali rispettivament. Għal din l-Assemblea Parrokkjali attendew madwar 125 persuna.
DIKJARATA BEATA KARMELITANA ĠDIDA
Marija Scrilli twieledet f’Montevarchi, fil-Provinċja ta’ Arezzo, l-Italja, nhar il-15 ta’ Mejju 1825, minn ġenituri tat-tajjeb, li riedu jagħtu formazzjoni kulturali, morali u nisranija tajba liż-żewġ uliedhom bniet. Ta’ 22 sena, Marija daħlet fil-monasteru Karmelitan ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi f’Firenze, imma ma damitx wisq, għax għarfet li l-vokazzjoni tagħha ma kinitx fil-klawsura, imma fid-dinja, biex “tressaq l-erwieħ lejn Alla”. Lura d-dar, saret Terzjarja Karmelitana, u bdiet il-ħidma edukattiva tagħha qalb it-tfal foqra tal-pajjiż. Fl-1852 kienet imsejjħa biex tmexxi l-iskejjel ta’ Montevarchi. Fil-15 ta’ Ottubru 1854, flimkien ma’ l-ewwel sħabha, libset il-libsa Karmelitana, u ħadet l-isem ta’ Marija Tereża ta’ Ġesù. Hekk ingħata bidu għall-Istituto Nostra Signora del Carmelo, mibni fuq l-ispiritwalità Karmelitana. Karattestika ta’ Madre Scrilli kienet li titwaħħad ma’ Alla permezz tat-tbatija. B’xewqa kbira ta’ purifikazzjoni interjuri, u mnikkta għad-dnubiet tad-dinja u għal dawk li jitbiegħdu mit-triq tal-fidi, hija kienet dejjem lesta, biex bit-talb u s-sagrifiċċju, tbati għal Kristu. Għaddiet minn bosta tbatijiet, imma ma qatgħulhiex qalbha. Fost dawn insemmu n-nuqqas ta’ sorijiet u s-soppressjoni tal-Kongregazzjoni li waqqfet. Fost dan it-tiġrib, Marija Tereża kienet konvinta li Alla stess se jipprovdi ħaddiema biex jaħdmu fl-għalqa li xtaq hu. Hija mietet nhar il-festa tal-Qaddisin Karmelitani kollha, fl-14 ta’ Novembru 1889.
ŻEWĠ SORIJIET KARMELITANI MALTIN JAGĦLQU 50 SENA PROFESSI
ĊELEBRAZZJONIJIET MARJANI
Nhar is-16 ta’ Lulju 2006, flimkien mal-Familja Karmelitana mxerrda mad-dinja, il-Karmelitani Maltin iċċelebraw t-Tifkira Solenni tal-Patruna tagħhom, il-Madonna tal-Karmnu. Huma nġabru fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Fid-9.15 a.m. saret il-Quddiesa tal-festa mmexxija mill-Provinċjal, Patri Alexander Vella, bil-paniġierku minn Dun Paul C. Vella. Fis-6.00 p.m. l-E.T. Mons. Paul Giglio mexxa l-Quddiesa, li fiha saret l-omelija mill-Provinċjal, u wara ħarġet il-purċissjoni mis-Santwarju, li għaliha kien hemm numru kbir ta’ nies. Fl-istess jum tas-16 ta’ Lulju, il-Papa Benedittu XVI, fit-talba ta’ l-Angelus, f’Valle d’Aosta, fejn jinsab għall-vaganzi tiegħu, sellem lill-Verġni Marija tal-Karmnu bħala mudell ta’ talb, kontemplazzjoni, u għotja totali lil Alla. Huwa stieden ukoll biex kulħadd jitlob għall-paċi fl-Art Imqaddsa, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija.
IL-PAPA BENEDITTU XVI U L-MADONNA TAL-KARMNU Nhar il-Ħadd 16 ta’ Lulju 2006, waqt li l-Papa Benedittu XVI jinsab għall-vaganzi fil-Valle d’Aosta, Italja, deher fil-pubbliku għall-ewwel diskors tiegħu quddiem folla ta’ aktar minn 5,000 pellegrin. Fid-diskors tiegħu ta’ qabel l-Angelus il-Papa tkellem dwar l-oriġini u l-kariżma ta’ l-Ordni Karmelitan b’dan il-kliem:
Fil-fatt, Marija, qabel kulħadd u b’mod li jisboq lil kulħadd, emmnet u ġarrbet li Ġesù, il-Verb magħmul bniedem, huwa l-milja u l-quċċata tal-laqgħa tal-bniedem ma’ Alla. Hija laqgħet b’mod sħiħ il-kelma tiegħu u “waslet fil-quċċata ta’ l-għolja” (ara t-Talba Kolletta tat-Tifkira), u issa qiegħda tgħix għal dejjem, bir-ruħ u l-ġisem, mal-Mulej. F’din il-ġurnata nixtieq nitlaq f’idejn is-Sultana ta’ l-Għolja tal-Karmel lill-komunitajiet kollha ta’ ħajja kontemplattiva mxerrdin mad-dinja, u b’mod specjali lil dawk ta’ l-Ordni Karmelitan, li fosthom irrid infakkar il-monasteru ta’ Quart, mhux ’il bogħod minn hawnhekk. Jalla Marija tgħin lil kull nisrani jiltaqa’ ma’ Alla fis-skiet tat-talb.” Wara l-Angelus: “Dan il-jum huwa ddedikat lill-Madonna tal-Karmel, Għolja fl-Art Imqaddsa, ftit kilometri bogħod mil-Libanu, li tiddomina il-belt Iżraeljana ta’ Ħajfa, li dan l-aħħar kienet ukoll milquta [mill-bombi]. Nitolbu lil Marija, is-Sultana tal-Paċi, sabiex taqla’ mingħand Alla d-don fundamentali ta’ l-għaqda, twassal il-politiċi responsabbli fit-triq tar-raġuni u tiftaħ possibiltajiet ġodda ta’ djalogu u ftehim. F’dan ix-xenarju nistieden lill-Knejjes lokali biex jagħmlu talb speċjali għall-paċi fl-Art Imqaddsa u fil-Lvant Nofsani kollu.”
FTUĦ TAR-IV ĊENTINARJU MILL-MEWT TA’ SANTA MARIJA MADDALENA DE’ PAZZI Nhar il-25 ta’ Mejju 2006, fil-Monasteru ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli, li jinsab fuq l-għoljiet ta’ Careggi, ftit ’il barra mill-belt ta’ Firenze (Italja), l-Ordni Karmelitan fetaħ is-sena ċentinarja li fiha jitfakkar l-400 sena mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi (1566-1607).
Matul din is-sena l-Ordni qed iħejji diversi ċelebrazzjonijiet reliġjużi u kulturali għal din l-okkazjoni. Fil-websajt uffiċċjali ta’ l-Ordni Karmelitan wieħed isib parti interessanti ħafna fuq il-qaddisa, b’diversi artikli, ritratti u wkoll l-opri kollha tal-qaddisa bl-ilsien oriġinali. Il-Provinċja Karmelitana Maltija se tiċċelebra din l-okkazjoni s-sena d-dieħla bi programm speċjali.
IL-KAPITLU PROVINĊJALI 2006 Dal-għodu, 1 ta’ Mejju 2006, madwar 40 reliġjuż Karmelitan iltaqgħu fid-Dar tat-Talb “Lunzjata”, Rabat, fejn ingħata bidu għall-Kapitlu Provinċjali bit-tema: “Naqdu lill-Knisja fi żmien ta’ bidla. X’għandna nagħmlu llum biex inkunu nistgħu nwasslu l-kariżma tagħna fil-ġejjieni.” Fl-istruttura karatteristika ta’ l-Ordni Karmelitan, bħall-Ordnijiet l-oħra ta’ fraternità appostolika, il-Kapitlu huwa l-ogħla awtorità u fih ir-reliġjużi jħaddmu r-responsabiltà tagħhom li jmexxu l-Provinċja flimkien, f’ubbidjenza lejn dak li Alla qed jitlob minnhom bħalissa.
Ir-reliġjużi preżenti ltaqgħu fil-kunvent tal-Lunzjata fejn fid-9.00am il-Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan, P. Joseph Chalmers, ta bidu bil-kant tal-Veni Creator. Minn hawn ir-reliġjużi baqgħu sejrin b’purċisjoni lejn il-kappella fejn l-istess Ġeneral mexxa konċelebrazjoni u talb lill-Ispirtu s-Santu biex idawwalna fil-ħidma tagħna. Għal dan it-talb tal-bidu ħadu sehem wkoll żewġ Kunsilliera Ġenerali (P. Rafael Leiva, O.Carm., u P. Anthony Scerri, O.Carm.), P.Victor Mallia, Provinċjal tar-reliġjużi Karmelitani Tereżjani, l-istudenti u l-pre-novizzi Karmelitani.
L-ewwel sessjoni tal-Kapitlu nfetħet fl-10.30am fl-awla tal-kunvent tal-Lunzjata. Il-programm kien jinkludi: kelmtejn ta’ merħba, id-diskors tal-Pirjol Ġenerali, l-approvazzjoni tal-moderatur (dak li se jmexxi il-Kapitlu) u r-rapport tal-Provinċjal dwar l-aħħar tliet snin. Fl-ewwel parti tad-diskors tiegħu, P. Alexander Vella ta ħarsa lejn il-qagħda numerika tal-Provinċja u l-bidliet li seħħew f’dawn l-aħħar tliet snin kif ukoll eżamina l-qagħda attwali tal-Provinċja biex seta’ jagħti stampa ċara fiex qegħdin, x’għamilna u x’jonqosna nagħmlu. Fit-tieni parti huwa tkellem dwar it-tmexxija provinċjali matul il-kariga tiegħu. Temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil kull reliġjuż tal-Provinċja ta’ l-inkuraġġament u tar-rispett li rċieva kif ukoll talb maħfra jekk bla ma ried naqas lil xi ħadd.
Imbagħad inqara rapport mill-Kummissjoni li ħadet ħsieb il-preparazzjoni u l-elezzjonijiet bi tħejjija għal din il-laqgħa hekk importanti tal-Provinċja. Fi tmiem ir-rapport inqara r-riżultat tal-votazzjoni li saret madwar tliet xhur ilu fost ir-reliġjużi Karmelitani Maltin għall-Provinċjal u l-Kunsillieri tiegħu. Il-Pirjol Ġenerali, P. Joseph Charlmers, staqsa lil kull elett jekk jaċċettax il-kariga l-ġdida u għar-risposta affermativa tagħhom, ikkonfermahom. Dawn kienu: P. Alexander Vella, Provinċjal, u l-erba’ Kunsillieri: P. Charles Mallia, P. Maurice Abela, P. Michael Farrugia u P. Martin Schembri.
Il-Kapitlu se jibqa’ sejjer sal-5 ta’ Mejju, bejn id-9.00am u s-1.00pm. Il-programm jinkludi: diskors minn P. Anthony Scerri dwar “Naqdu lill-Knisja fi Żmien ta’ Bidla”; qari ta’ diversi rapporti; laqgħat fi gruppi u fl-assemblea ġenerali; diskussjonijiet u votazzjonijiet ta’ statuti; talb u ikel. Il-Kapitlu jagħlaq nhar il-Ġimgħa b’ċelebrazzjoni speċjali għall-ħabta tas-1.00pm.
IL-KUNGRESS NAZZJONALI TAT-TERZ ORDNI KARMELITAN Nhar il-Ħadd, 30 ta’ April 2006, fil-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Balluta, sar id-49 Kungress Nazzjonali tat-Terz Ordni Karmelitan.
F’dan il-kungress ħadu sehem bosta Terzjari Karmelitani li jiffurmaw parti minn diversi komunitajiet ta’ lajċi li jsegwu l-ispiritwalità Karmelitana fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
KARMELITAN MALTI “IBEN PREDILETT” TA´ TARIJA
Għalkemm għadha mhiex uffiċċjali, l-Isqof ta´ Tarija (Bolivja), Mons. Javier del Río, diġà talab lil P. Albert Brincat biex jgħinu bħala Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi. Dan kollu huwa sinjal ċar tal-ħidma kbira u effiċjenti li l-missjunarji Karmelitani Maltin wettqu u għadhom jagħtu fost il-Bolivjani matul dawn l-aħħar 50 sena. Huwa wkoll ta’ nkoraġġiment kbir għalina li ninsabu Malta biex inkomplu ngħinu l-ħidma tagħhom bil-mezzi kollha possibbli.
IR-REGULA TAT-TERZJARJI KARMELITANI
Wara l-Konċilju Vatikan II ġie deċiż li r-Regula tat-Terz Ordni tiġi aġġornata. Dan il-proċess dam aktar minn tletin sena u fih kienu involuti ħafna lajċi Karmelitani minn kull naħa tad-dinja. Fl-1995, wara l-Kapitlu Ġenerali, il-Kunsill Ġenerali ħatar kummissjoni internazzjonali li kellha tieħu ħsieb l-aħħar fażi ta’ l-imsemmi proċess ta’ aġġornament. Matul il-Ġublew ta’ l-2000, it-test il-ġdid ġie mressaq għall-attenzjoni tal-parteċipanti f’laqgħa ta’ lajċi Karmelitani li saret f’Ruma, u l-kummenti dwar dan it-test ġew inkorporati fil-kopja finali. Il-Kunsill Ġenerali, maħtur fil-Kapitlu Ġenerali ta’ l-2001, kiteb id-dokument aħħari biex imbagħad ippreżentah lis-Santa Sede għall-approvazzjoni. Din ingħatat fil-11 ta’ April 2003.
Ir-Regula l-ġdida tat-Terzjarji Karmelitani ġiet promulgata mill-Pirjol Ġenerali tagħna, P. Joseph Chalmers, fis-16 ta’ Lulju 2003, biex tibda tgħodd mit-8 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena. Matul is-sentejn li għaddew hawn
“BOLLI PERSONALI” B’TIFKIRA
B’editt maħruġ mill-Vatikan, il-Papa Ljun XIII amar li x-xbiha tal-Madonna tal-Karmnu meqjuma fis-santwarju ddedikat lilha fil-belt Valletta, kellha tkun inkurunata solennement. Dan kien minħabba d-devozzjoni kbira li l-poplu Malti wera lejn il-Madonna tal-Karmnu, u l-grazzji li kienu jinqalgħu bit-talb lill-Madonna quddiem din ix-xbiha. L-inkurunazzjoni solenni saret nhar il-15 ta’ Lulju 1881 fl-istess knisja santwarju u bażilika, quddiem poplu ferħan li ħanaq il-knisja u l-inħawi bi ħġaru! Id-delegat mill-Vatikan biex ipoġġi l-kuruna magħmula mid-deheb u ħaġar prezzjuż fuq ras il-Madonna, kien l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Carmelo dei Coni Scicluna. Il-kuruna tal-Madonna (kif ukoll dik tal-Bambin) kienet inħadmet fil-belt kapitali tagħna fi Triq Żekka. Il-ħsieb ewlieni li l-125 sena mill-inkurunazzjoni jkun imfakkar b’din il-“bolla personali” kien tas-sur Dennis Caruana. Il-komunità Karmelitana tas-Santwarju laqgħet u aċċettat it-twettiq ta’ din il-proposta nhar it-12 ta’ Diċembru 2005. Minnufih bdew il-kuntatti mal-persuni responsabbli fil-Malta Post, biex fit-3 ta’ Jannar 2006 ħarġet il-“bolla personali” tat-tifkira, magħquda mal-bolla postali definittiva tas-7c. L-għażla tal-bolla tas-7c saret minħabba li din hija l-iktar waħda popolari. Il-“bolla” tat-tifkira ġiet iddisinjata mis-Sur Victor Galea fuq ritratt meħud mis-Sur George Farrugia. Fl-ewwel edizzjoni ġew mitbugħa elf (1000) bolla u fit-tieni edizzjoni ħames mija (500) oħra. F’Lulju ta’ din is-sena ser jinħarġu ħames mitt (500) bolla oħra flimkien ma’ timbru postali ta’ l-okkażjoni. Nhar il-15 ta’ Lulju, li huwa jum l-anniversarju ta’ l-inkurunazzjoni solenni, ser joħroġ “first day cover” ta’ l-okkazjoni.
KORS TA’ FORMAZZJONI PERMANENTI INTERNAZZJONALI
Matul dawn il-hmistax ta’ Formazzjoni Permanenti ħadu sehem mhux inqas minn erbgħa studjużi ta’ l-Ordni Karmelitan mill-Italja, l-Olanda, il-Brażil u l-Ġermanja, li kienu: P. Emanuele Boaga, Sr. Sanny Brujins, P. Romero de Lima Gouvea u P. Michael Plattig. Huma taw il-kontribut tagħhom fl-għarfien ta’ din ir-riforma u l-ispiritwalità tagħha. Infatti l-ewwel ġimgħa kienet dedikata għal tagħrif ġenerali dwar din ir-riforma u wkoll ta’ introduzzjoni għall-personaġġi importanti li taw kontribut kbir fl-iżvilupp tagħha. Dawn kienu l-Ven. Ġwanni ta’ S. Sansun, il-Ven. Marie Petyt, il-Ven. Mikiel ta’ Santu Wistin u Filippu Ribot. It-tieni ġimgħa kienet dedikata għal approfondiment tal-kitbiet tagħhom u wkoll għad-diversi forom ta’ talb. Il-kors għalaq b’tagħrif dwar il-kontribut u s-sinifikat li għandha din ir-riforma għaż-żmien ta’ llum. Il-kors kien organizzat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Formazzjoni Permanenti ta’ l-Ordni Karmelitan li bħalissa hija mmexxija mill-Provinċjal, P. Alexander Vella. Minn Malta ħa sehem f’dan il-Kors, P. Joe Saliba, il-Kappillan tal-Fgura, filwaqt li P. Charlo Camilleri kien wieħed mit-tradutturi.
LAQGĦA ANNWALI TAL-CARMELITE LIBRARIANS' ASSOCIATION
Wara li matul l-aħħar snin, fl-Ordni Karmelitan kienet qiegħda tinħass il-ħtieġa għal sensitività akbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-kultura u l-bibljoteki ta’ l-Ordni, fl-2004 ġie deċiż li titwaqqaf assoċjazzjoni li tieħu ħsieb il-bibljoteki ta’ l-Ordni fid-diversi Provinċji. Permezz ta’ din l-Assoċjazzjoni, jissaħħu dejjem aktar il-kuntatt u l-ko-operazzjoni bejn l-istess bibljoteki. Bejn il-5 u s-7 ta’ Jannar 2006, fiċ-Ċentru Pastorali tad-Djoċesi ta’ Nantes fi Franza, saret il-ħames laqgħa annwali ta’ din l-assoċjazzjoni. Ħadu sehem 24 persuna, bejn reliġjużi Karmelitani u lajċi li jgħinnu jew jaħdmu fil-bibljoteki Karmelitani. Il-laqgħa tmexxiet minn Patri Mark Attard, O.Carm., li huwa d-Delegat Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan għall-Kultura, u President ta’ l-istess Assoċjazzjoni. Il-Provinċja Karmelitana Maltija kienet rappreżentata minn Patri Jürgen Cucciardi, O.Carm. Karmelitan Malti ieħor li ħa sehem huwa Patri Edmond Caruana, O.Carm., li huwa l-bibljotekarju tal-librerija ġenerali taċ-Ċentru Internazzjonali Sant’Albert f’Ruma. Matul din il-laqgħa saret diskussjoni dwar is-sistemi li jinsabu għaddejjin minnhom id-diversi bibljoteki, u wkoll dwar it-twaqqif ta’ bibljoteki ġodda, l-aktar f’dawk il-pajjiżi li fihom l-Ordni Karmelitan għadu qiegħed jikber. Saret diskussjoni wkoll dwar il-possibiltà li ’l quddiem jista’ jkun hemm il-katalgi tal-bibljoteki differenti on-line sabiex ikun hemm aċċess aktar faċli u mifrux għalihom. Wara l-laqgħa annwali sar ukoll kors bażiku qasir għal dawk li għadhom ġodda fil-qasam tal-bibljoteki.
VENERABBLI SUOR MARIJA TEREŻA TA' ĠESÙ (1825-1889)
QUDDIESA TA’ RADD IL-ĦAJR Nhar il-Ħadd, 13 ta’ Novembru 2005, fil-Bażilika San Pietru tal-Vatikan, il-Kardinal José Saraiva Martins, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin, mexxa ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika li fiha kienu ibbeatifikati Charles De Foucauld, Maria Pia Mastena u Maria Crocifissa Curcio.
Waqt l-omelija l-Provinċjal qal li l-ħajja ta' Madre Maria Crocifissa Curcio hi kummentarju ħaj ta’ dak li jgħid Ġesù fl-Evanġelju li nqara fl-istess quddiesa: “Infaħħrek Missier, Sid is-sema u l-art għax inti għarraft il-misteri tas-Saltna liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25). “Madre Crocifissa kienet waħda miċ-ċkejknin li Alla għarrafha l-misteri tas-Saltna. Ġesù għarrafha dawn il-misteri fl-Ewkaristija għax daħħalha ‘l ġewwa fil-misteru tat-Trinità Qaddisa, sar il-mistrieħ ta' ruħha u għamlilha qalbha ħelwa u umli bħal tiegħu. L-Ewkaristija tibdilna f'Ġesù u tħeġġiġna biex inġeddu l-umanità. Bħala ruħ Karmelitana, Madre Maria Crocifissa Curcio, fl-esperjenza spiritwali tagħha, ħasset dejjem il-preżenza ta’ Marija takkumpanjaha fil-mixja tagħha wara Kristu.”
TIFKIRA TAL-MEJTIN TAL-PROVINĊJA TAGĦNA Nhar is-Sibt, 12 ta’ Novembru 2005, il-Provinċja Karmelitana Maltija, fakkret lill-mejtin tagħha b’talb li sar fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid.
F’dan iċ-ċimiterju jinsabu midfunin ir-reliġjużi tal-Provinċja li mietu mill-1974 ‘il quddiem. Ir-Reliġjużi li mietu qabel l-1974 jinsabu midfuna fil-kannierja li hemm taħt il-knisja tal-Karmnu ta’ l-Imdina. Matul din is-sena r-Reliġjużi li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem huma: L-Ordni Karmelitan jiftakar b’mod speċjali fl-Aħwa kollha mejtin fil-15 ta’ Novembru u jitlob hekk: “O Alla sebħ tal-qaddejja tiegħek, agħti lil ħutna kollha mejtin ta’ l-Ordni tagħna, illi jkunu jistgħu jikkontemplawk għal dejjem bħala mexxej u feddej, huma li, magħqudin magħna bl-ilma fejjiedi tal-magħmudija u r-rabta qaddisa tal-Karmelu, imxew f’ħajjithom wara Kristu u Ommu Marija.”
ŻEWĠ PROFESSJONIJIET
Iż-żmien tal-Professjoni Sempliċi, li bħala regula huwa ta' tlett snin, huwa wieħed fejn il-kandidat jibda jgħix il-voti reliġjużi tal-ubbidjenza, faqar u kastità. Dan il-perjodu jwassal għall-Professjoni Solenni meta l-individwu jingħata lil Alla b’mod aktar sħiħ billi jwiegħed li jgħix direttament għaliH għal dejjem. Fil-fatt nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ottubru 2005, il-Provinċja Karmelitana Maltija ċċelebrat il-Professjoni Solenni ta’ Fra Josef M. Cutajar. Permezz tal-Professjoni Solenni, ħuna Josef intelaq għal dejjem fl-imħabba ta’ Alla sabiex għaliH jgħix il-Ħajja Karmelitana sal-milja tagħħa skond ir-Regula u l-Kostituzzjonijiet ta’ l-Ordni tagħna. Din iċ-ċelebrazzjoni saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera fost qraba, ħbieb u reliġjużi li lkoll kienu xhieda ta’ din l-għotja sħiha ta’ Fra Josef lil Alla fl-Ordni Karmelitan.
IL-KAPITLU PROVINĊJALI 2006
Skond l-Istatut tal-Provinċja kull reliġjuż Karmelitan li jinsab Malta għandu dritt u dmir li jieħu sehem fil-Kapitlu, imma b’mod specjali: il-Provinċjal u l-Kunsilliera l-godda, il-Provinċjal u l-Kunsilliera u s-Segretarju Provinċjali li jkunu għadhom kemm spiċċaw, il-Kummissarju Provinċjali tal-Bolivja, l-Ekonomu Provinċjali, il-Pirjoli tal-komunitajiet li jinsabu f’Malta, il-membri tal-Kunsill tal-Formazzjoni, ir-Rettur tal-Kulleġġ San Elija, u l-Kappillani tal-Parroċċi Karmelitani f’Malta. It-tema mgħażula bħala ispirazzjoni għall-Kapitlu Provinċjali 2006 hija dik tal-Kongregazzjoni Ġenerali iċċelebrata f’São Paulo, il-Brażil, f’Settembru 2005: “Naqdu lill-Knisja fi żmien ta’ bidla. X’għandna nagħmlu llum biex inkunu nistgħu nwasslu l-kariżma tagħna fil-ġejjieni.” Fi kliem il-Provincjal, “Id-dinja li qed ngħixu fiha hija dinja li għaddejja b’ritmu mgħaġġel minn bidliet kbar. Dawn jolqtu lilna wkoll, bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom. Jekk tassew nemmnu li l-Ispirtu ta’ Alla jkellimna fil-ġrajjiet ta’ madwarna, ma nistgħux nibqgħu passivi quddiem dawn il-bidliet. Jeħtieġ niftħu widnejna tajjeb għal dak li l-Ispirtu jrid jgħidilna u jkollna l-kuraġġ li nwieġbu b’mod kreattiv għas-sejħat ġodda li qed jagħmlilna fi żminijiet ġodda.” Bi tħejjija għal dan l-avveniment hekk importanti għall-Familja Karmelitana, il-Kunsill Provinċjali waqqaf Kummissjoni magħmula minn P. Charles Mallia (president), P. Jürgen Cucciardi (segretarju), P. Joseph Saliba u P. Michael Farrugia. Din il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tieħu ħsieb l-organizzazjoni kollha minn issa sal-Kapitlu Provinċjali. P. Renald Lofreda ġie maħtur biex jieħu ħsieb il-Liturġija waqt il-Kapitlu. Il-Provinċjal stieden u ħeġġeġ lir-reliġjużi Karmelitani Maltin kollha biex jieħdu sehem attiv fit-tħejjija tal-Kapitlu billi jipparteċipaw fil-laqgħat ta’ preparazzjoni li se jsiru u fuq kollox, li jibdew jitolbu minn issa biex il-Kapitlu Provinċjali jħalli l-frott. L-istess appell nagħmluh lill-insara kollha li jagħmlu parti mill-parroċċi tagħna l-Karmelitani jew b’xi mod qed jieħdu sehem mis-servizz tagħna r-reliġjużi biex matul dan iż-żmien jitolbu magħna sabiex il-Kapitlu 2006 ikun ta’ ġid għall-Provinċja Karmelitana Maltija u għall-Knisja. |