AħbarijietX'ġara dan l-aħħar
JINGĦATAW IL-MINISTERU TAL-LETTORAT
L-ARĊISQOF FIL-PARROĊĊA TAL-BALLUTA L-Arċisqof Monsinjur Pawl Cremona beda ż-żjajjar tiegħu fl-Unitajiet Pastorali ta’ l-Arċidjoċezi ta’ Malta. L-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat saret il-Ħadd 18 ta’ Frar 2007, fl-Unità 10, li hi ffurmata minn dawn il-Parroċċi: Stella Maris, Sacro Cuor, San Girgor, Tal-Karmnu u ĠesùNażżarenu. Il-programm beda fit-3.30 p.m. fil-Pjazza tal-Balluta b’kant mill-Kor San Damjan tal-Parroċċa tas-Sacro Cuor. Fl-3.45 p.m. wasal Monsinjur Arċisqof fejn ġie milqugħ mill-Kappillani tal-Parroċċi ta’ Tas-Sliema u tal-Balluta. Wara sar diskors minn ħamest itfal u l-Arcisqof twassal sal-Knisja Parrokkjali tal-Balluta, akkumpanjat mill-Banda ta’ l-Iscouts u numru sabiħ ta’ nies.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni kien id-diskors ta’ l-Arċisqof u l-Barka Sagramentali. L-Arċisqof ingħata wkoll rigal (kwadru – ritratt tal-Beatu Gwanni XXIII), li ġie preżentat lilu mill-Kappillan tal-Parroċċa tas-Sacro Cuor, Patri George Bugeja, OFM, f’isem il-Parroċċi ta’ l-Unità. Kif intemmet iċ-ċelebrazzjoni l-Arċisqof mexa fost il-poplu fil-Knisja u twassal sal-Kunvent tal-Balluta fejn iltaqa’ mas-Sacerdoti u r-Reliġjuzi ta’ l-Unità. L-Arċisqof żar ukoll id-Dar tal-Formazzjoni Karmelitana.
FTUĦ TAL-ĠUBLEW KARMELITAN 2007 Nhar il-Ħamis, 11 ta’ Jannar 2007, il-Patrijiet Karmelitani u Karmelitani Skalzi f’Malta taw bidu għall-Ġublew Karmelitan 2007, permezz ta’ Quddiesa Solenni li saret fil-knisja parrokkjali tal-Balluta u tmexxiet mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Il-Ġublew ifakkar it-800 sena mill-għoti tar-Regola Karmelitana, is-700 sena mill-mewt ta’ San Albert ta’ Trapani u l-400 sena mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi.
L-għan tal-Ġublew Karmelitan 2007 huwa doppju: li jservi ta’ tiġdid għar-reliġjużi Karmelitani u Karmelitani Skalzi, u biex tinfirex aktar l-ispiritwalità Karmelitana. Bħall-Qaddisin Albert ta’ Trapani u Marija Maddalena de’ Pazzi, il-Karmelitani jfittxu li jgħixu s-sejħa tagħhom ibbażata fuq ir-Regola Karmelitana, b’entużjażmu u b’fedeltà kreattiva għaż-żmien li qegħdin ngħixu fih illum. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan il-Ġublew ikomplu fix-xhur li ġejjin. |