AħbarijietX'ġara dan l-aħħarL-EWWEL ŻJARA Bħalma kien programmat, bejn l-4 u 6 t’Ottubru 2008, il-Provinċja Karmelitana Maltija laqgħet għall-ewwel darba lir-Rev.mu P. Fernando Millan Romeral, Pirjol Ġenerali tal-Ordni Karmelitan, tul żjara qasira imma intensiva fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Carmelite Institute Malta li saret fil-knisja tal-Karmnu tal-Imdina. Huwa kien akkumpanjat mill-Postulatur Ġenerali u president tal-Institutum Carmelitanum ta’ Ruma, P. Giovanni Grosso, O.Carm. Il-Pirjol Ġenerali għalaq il-programm tal-inawgurazzjoni b’diskors li fih faħħar din l-inizjattiva kif ukoll l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li bih twettqet miż-żewġ Ordnijiet Karmelitani (O.Carm – OCD) f’Malta: il-Provinċja Karmelitana ta’ Sant’Elija u l-Provinċja Karmelitana Tereżjana tal-Qalb ta’ Ġesù. Huwa awgura li l-Carmelite Institute Malta jagħti kontribut siwi lid-diversi oqsma ta’ riflessjoni teoloġika f’pajjiżna, kif ukoll lill-Knisja lokali u lis-soċjetà Maltija b’mod ġenerali.
FTUĦ UFFIĊJALI TAL-CARMELITE INSTITUTE MALTA
Il-Carmelite Institute Malta huwa inizjattiva li l-Provinċja Karmelitana Maltija u l-Provinċja Karmelitana Tereżjana Maltija qegħdin jieħdu flimkien biex jippromwovu f’Malta l-istudju tal-ispiritwalità u t-tradizzjoni Karmelitana. L-iskop ewlieni tal-Istitut huwa li jorganizza korsijiet ta’ livelli differenti fl-Ispiritwalità Karmelitana u l-Marjoloġija. Fil-fatt l-Istitut ġa beda l-ħidma tiegħu billi qed jikkollabora mal-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta fi programm ġdid ta’ MA in Spirituality li se jiftaħ fit-2 ta’ Ottubru 2008. L-istudenti li japplikaw għal dan il-kors għandhom il-possibbiltà li jagħżlu li jispeċjalizzaw fl-ispiritwalità Karmelitana. Hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla l-Carmelite Institute Malta joffri kors fl-ispiritwalità Karmelitana, li jkun miftuħ għal kulħadd. L-Istitut għandu s-sede tiegħu fil-Kunvent tal-Karmnu tal-Imdina. P. Alexander Vella, O.Carm. P. Alfred V. Grech, O.C.D. MADRE
CANDELARIA TA’ SAN ĠUŻEPP
Il-beata l-ġdida twieldet fil-11 ta’ Awissu 1863, u kienet mogħtija l-isem Susanna Paz-Castillo Ramírez. Sa minn ċkunitha laqgħet is-sejħa għall-qdusija u kienet tipprattika l-imħabba tagħha billi tassisti, tfarraġ u tieħu ħsieb il-morda li kienu jitħallew fit-toroq tal-belt. Imħeġġa minn Dun Sixto Sosa (li aktar tard kien maħtur Isqof ta’ Cumaná), ikkonsagrat ruħha għas-servizz tal-morda fl-isptar “Sant'Antonio”, imwaqqaf fl-1903 f’Altagracia de Orituco. Bil-għajnuna ta' l-istess Dun Sixto, fil-31 ta’ Diċembru 1910 waqqfet il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet iż-Żgħar tal-Foqra ta’ Altagracia de Orituco bil-għan li jiddedikaw ħajjithom għas-servizz tal-foqra. Aktar tard, fil-25 ta' Marzu 1925, il-Kongregazzjoni kienet affiljata ma’ l-Ordni Karmelitan, u ġew imsejħin Terzjarji Karmelitani Regolari. Illum huma magħrufin bħala s-Sorijiet Karmelitani tal-Venenzuela, jew is-Sorijiet Karmelitani ta’ Madre Candelaria. Minkejja l-limiti ekonomiċi tal-Kongregazzjoni u n-nuqqas ta’ riżorsi, b’impenn u entużjażmu, Madre Candelaria wriet fiduċja kbira fil-Providenza ta’ Alla u mħabba bla qies għal dawk li l-aktar kienu fil-bżonn, u kienet ta' għajnuna kbira għall-midrubin tal-gwerer u l-morda l-aktar fqar. Frott tal-ħidma tagħha twaqqfu diversi sptarijiet fil-pajjiż, u dan meta l-kura kienet skarsa u għalja. Sforz l-imħabba kbira li kellha lejn Alla u d-dedikazzjoni ġeneruża tagħha lejn il-foqra, il-beata Karmelitana ġdida hija mudell ħaj ta’ virtù, fejn tidher fidi kbira f’Ġesù Kristu, għaqda mal-Knisja u mħabba lejha, u mħabba qawwija lejn il-foqra. |