Attivitajiet Vokazzjonali f’Diċembru 2009

Nhar it-Tnejn 7 ta’ Diċembru 2009, grupp ta’ 22 student li l-età tagħhom tvarja bejn l-14 u d-19-il sena, iltaqgħu fil-kappella tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Furjana fejn iċċelebraw il-Quddiesa. Wara, huma komplew il-lejla b’ikla flimkien.

L-għada, it-Tlieta 8 ta’ Diċembru 2009, 36 student ta’ bejn il-Forms 1 u 3 ċċelebraw il-Quddiesa fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta, u wara huma rħewlha għal mixja fil-kampanja.

Bejn il-11 u t-13 ta’ Diċembru 2009, 13-il student tal-Forms 3 u 4 ħadu sehem f’live in vokazzjonali, fil-waqt li bejn it-18 u l-20 ta’ Diċembru 2009 sar live in ieħor għall-istudenti tal-Form 1, li fih ħadu sehem 17-il student. Il-live ins saru fiċ-Ċentru tal-Irtiri tas-Sacred Heart f’San Ġiljan, u fihom, l-istudenti kellhom l-okkażjoni li jsiru jafu aktar lil xulxin, japprezzaw lil xulxin u jgħixu flimkien. Fihom saru wkoll diversi attivitajiet.
Bejn is-Sibt 19 u l-Ħadd 20 ta’ Diċembru 2009, ġie ċċelebrat Jum il-Vokazzjonijiet Karmelitani fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Għal din l-okkażjoni, in-nies li tiltaqa’ f’dan is-Santwarju ġiet imħeġġa sabiex titlob għal aktar vokazzjonijiet fl-Ordni Karmelitan. Il-Quddiesa tal-10:00am fil-jum tal-Ħadd kienet iċċelebrata mid-Direttur Provinċjali tal-Vokazzjonijiet Karmelitani, bis-sehem tal-istudenti tal-Form 1 li kienu qegħdin jieħdu sehem fil-live in vokazzjonali matul il-weekend, u bis-sehem ukoll tal-ġenituri tagħhom.
