Professjoni Solenni
Nhar il-Ħamis 1 ta’ Settembru 2011, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa li saret fil-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Balluta, Fra Glen Attard O.Carm. għamel il-Professjoni Solenni fl-Ordni Karmelitan f'idejn il-Provinċjal Patri Michael Farrugia O.Carm. Permezz tal-Professjoni Solenni, Fra Glen wettaq b’mod sħiħ dak li għamel tliet snin ilu permezz tal-Professjoni Sempliċi, wiegħed li jgħix il-kunsilji evanġeliċi għal dejjem, u ntrabat b’mod sħiħ mal-Ordni Karmelitan.
|
Kongregazzjoni Ġenerali tal-Ordni Karmelitan
Bejn il-5 u s-16 ta’ Settembru 2011, il-Provinċjal Patri Michael Farrugia O.Carm. ħa sehem fil-Kongregazzjoni Ġenerali tal-Ordni fiċ-Ċentru ta’ Spiritwalità Mount Carmel f’Niagra Falls, Ontario fil-Kanada. Ħadu sehem ukoll Patri Garvin Grech O.Carm., Kummissarju Provinċjali fil-Bolivja, u Patri Mark Attard O.Carm., Reġġent tal-Istudji tal-Ordni. Il-Kongregazzjoni Ġenerali tissejjaħ sentejn qabel il-Kapitlu Ġenerali biex titratta argumenti ta’ interess għall-Ordni kollu.
|
Novizzjat
Nhar is-16 ta’ Settembru 2011, Kurt Mizzi ta bidu għas-sena tan-novizzjat tiegħu fil-kunvent Karmelitan ta’ Aylesford fl-Ingilterra. In-novizzjat huwa ż-żmien li fih, dak li jkun, jibda dieħel fil-ħajja Karmelitana. Flimkien ma’ Kurt, taw bidu għan-novizzjat tliet kandidati oħrajn, wieħed mir-Renju Unit, wieħed mill-Polonja u ieħor mill-Ġermanja. Is-surmast tan-novizzjat huwa Patri Joseph Chalmers O.Carm, li kien Pirjol Ġenerali tal-Ordni bejn is-snin 1995 u 2007. Preżenti għaċ-ċerimonja tal-aċċettazzjoni u l-vestizzjoni kien hemm Patri Alexander Vella O.Carm. li rrappreżenta lill-Provinċjal.
|
Delegat tal-Isqfijiet għall-Iskejjel tal-Knisja.
Fix-xhur li għaddew, l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawl Cremona O.P., fuq parir tal-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri tar-reliġjużi, ħatar lil Patri Charles Mallia O.Carm. bħala Delegat tal-Isqfijiet għall-Iskejjel tal-Knisja. B’din il-ħidma, Patri Charles se jkompli fuq ix-xogħol li ilu jwettaq b’risq l-iskejjel tal-Knisja. Patri Charles, wara li spiċċa d-Dottorat fl-Edukazzjoni fl-Università Pontificia Salesiana f’Ruma, sa mis-sena 1989 kien Rettur ta’ Saint Elias College. Taħt it-tmexxija tiegħu, saru żviluppi kbar kemm fil-bini u wkoll fil-ħajja tal-Kulleġġ.
|
Rettur ġdid għal Saint Elias College
Wara l-għażla ta’ Patri Charles Mallia bħala Delegat għall-Iskejjel tal-Knisja, il-Provinċjal Patri Michael Farrugia O.Carm., bil-kunsens tal-Kunsill tiegħu, ħatar lil Patri Jürgen Cucciardi O.Carm. bħala r-Rettur il-ġdid tal-Kulleġġ. Patri Jürgen speċjalizza fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta u kiseb il-grad ta’ Masters of Art in School Effectiveness and School Improvement mill-Institute of Education tal-Università ta’ Londra. Wara l-istudji tiegħu, Patri Jürgen għallem ir-Reliġjon u l-Malti fil-Kulleġġ, u kien ukoll Direttur Spiritwali.
|






