L-Arma Karmelitana
L-ewwel disinn ta' l-arma Karmelitana deher fl-1499 fuq il-qoxra ta' ktieb dwar il-ħajja ta' Sant'Albert, O.Carm. Filwaqt li dan id-disinn għadda minn bosta tibdiliet ingħata wkoll tifsiriet diversi.
L-arma Karmelitana ġġib muntanja kannella fuq sfond abjad bi tliet kwiekeb, waħda fuq il-muntanja u tnejn fil-għoli. Il-muntanja hija xbieha ta' l-Għolja tal-Karmelu fejn beda l-Ordni Karmelitan. Il-kulur tal-muntanja huwa kannella fuq sfond abjad li huma l-kuluri tal-libsa karmelitana: it-tonka u l-labtu kannella u l-kappa bajda. Il-kewkba f'nofs il-muntanja tirrapprezenta l-membri tal-Familja Karmelitana li jgħixu l-ispirtu tal-Karmelu u għadhom fuq din l-art, iħabirku biex jaslu sal-quċċata tal-qdusija. Iż-żewġ kwiekeb l-oħra, 'il fuq mill-muntanja jfissru l-membri tal-Familja Karmelitana li diġa' telgħu l-għolja tal-qdusija u jinsabu mal-qaddisin fis-sema.
Ir-rabta ta' l-Ordni mal-Madonna hija mfissra fit-tnax-il kewkba (Apk 12,1) madwar l-arma, filwaqt li r-rabta ma' Elija hija murija bi driegħ il-Profeta jżomm sejf tan-nar (li juri l-ħeġġa li kellu lejn Alla) u l-kliem tiegħu "Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej Alla ta' l-eżerċti."
|