Arti

Skultura



STATWI U VARI TAL-MADONNA TAL-KARMNU
FIL-KNEJJES U KAPPELLI

Malta

B’Kara, Knisja ta’ Santa Tereża
Balluta (San Ġiljan), Knisja Parrokkjali
Bormla, Knisja ta’ Santa Tereża
Fgura, Knisja Parrokkjali
Fleur-de-lys (B’Kara), Knisja Parrokkjali
Gżira, Knisja Parrokkjali
Mdina, Knisja tal-Karmnu
Santa Venera, Knisja Parrokkjali
Valletta, Oratorju tal-Madonna tal-Karmnu
Valletta, Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu
Żurrieq, Knisja Parrokkjali

Għawdex

Kerċem, Kappella tas-sorijiet Karmelitani
Nadur, Kappella tas-sorijiet Franġiskani
Sannat, Knisja Parrokkjali
Xewkija, Knisja Parrokkjali
Xlendi, Knisja tal-Karmnu

Nota tal-Webmaster: F’din il-lista jinsabu dawk l-istatwi li nafu bihom aħna. Jekk min qed jaqra jaf b’oħrajn, nieħdu gost jekk jgħidilna bihom u jibgħatilna xi tagħrif dwarhom. Grazzi.


L-Ewwel Statwa tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta

Valletta, Oratorju tal-Madonna tal-Karmnu

Din hija l-ewwel statwa meqjuma fis-santwarju tal-Madonna tal-Karmnu. Tinsab fl-oratorju ta’ maġenb il-knisja. It-tieni waħda kienet dik li llum tinsab fil-knisja parrokkjali tal-Balluta. It-tielet vara, dik li nsibu llum, saret fl-1781. Għaldaqstant huwa smat li l-ewwel statwa tal-Madonna tal-Karmnu meqjuma fis-santwarju saret madwar 300 sena ilu.


Statwa tal-Madonna tal-Karmnu, Fgura

Fgura, Knisja Parrokkjali

Il-vara tal-Madonna tal-Karmnu, li hija ta’ l-injam, inħadmet mid-ditta Moroder ta’ Bolzano, Italja, fl-1960. Tħalset minn Antonio Cumbo, li dak iż-żmien kienet tiswa Lm 250. Fl-1994 is-sur Horace Farruġia ta’ l-Imdina beda x-xogħol ta’ l-induratura tal-vara li tlesta s-sena ta’ wara (1995) fl-okkazjoni tal-50 sena mill-wasla tal-Karmelitani fil-Fgura.


Statwa tal-Madonna tal-Karmnu, Fleur-delys

Fleur-de-lys,
Knisja Parrokkjali

L-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu ta' Fleur-de-Lys inġiebet minn Ruma fl-1948. Għalkemm kienet ilha bosta snin fil-knisja għall-qima tad-devoti, din l-istatwa ħarġet għall-ewwel darba proċessjonalment fis-6 ta' Lulju 1975, fl-ewwel festa ċċelebrat fil-knisja minn mindu twaqqfet bħala parroċċa awtonoma.

 


Statwa tal-Madonna tal-Karmnu, Gżira

Gżira, Knisja Parrokkjali

Il-vara titulari tal-Madonna tal-Karmnu hija xogħol fil-kartapesta maħduma f’Lecce, Italja. Kienet mżanżna ghall-festa tal-Karmnu ta’ l-1944.

 


Statwa tal-Madonna tal-Karmnu, S. Venera

Santa Venera,
Knisja Parrokkjali

Il-proposta li tinxtara statwa tal-Madonna tal-Karmnu saret mill-Pirjol P. Ġwann Żahra lill-komunità fil-11 ta’ April 1949. Fil-fatt inxtrat mingħand id-ditta “Arte Sacra” ta’ Ruma, Italja, għas-somma ta’ Lm 50. Ħalset għaliha (kif ukoll għall-kuruni tal-fidda, għall-pedestall u l-indurazzjoni tiegħu u għall-erba’ anġli), is-sinjorina M’Carmela Borġ minn Ħal Qormi. Is-sur Nazzareno Żammit ħallas għar-raġġiera tal-Bambin, l-istellarju tal-Madonna, il-labtijiet u s-sandlijiet ilkoll tal-fidda.


Statwa tal-Madonna tal-Karmnu, Żurrieq

Żurrieq, Knisja Parrokkjali

Il-vara tal-fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu ħarġet għall-ewwel darba fil-purċissjoni ta’ l-1842. Hija xogħol l-iskultur Bormliz, Mastru Salv Psaila. Il-vara hija ta’ l-injam u swiet is-somma ta’ 402 skudi, li mitt skud minnhom ħariġhom il-Kappillan Dun Karlu Degiovanni Inglott. Fl-1854 il-vara sarulha żewġ stellarji tal-fidda, wieħed għall-Bambin u l-ieħor għall-Madonna. L-istatwa għaddiet minn diversi restawr: fl-1872 minn Mastru Micallef, fl-1925 minn Dwardu Galea u ndurata mid-ditta Francesco Coleiro, u fl-1991 mill-istatwarju Għawdxi, Michael Camilleri Cauchi, li rrestawra l-karnaġjon ta’ l-istatwa.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage