INNU POPOLARI FJUR TAL-KARMELU
Versi ta’ Marie Therese Vassallo
Mużika ta’ Mro. Michael Borg
Fjur tal-Karmelu tfewwaħ
Fi qlubna li nħobbuk
Omm il-Feddej w Omm tagħna
B’fomm wieħed infaħħruk.
Aħna l-Karmelitani
Bik aħna tant kburin
Għax int tagħtina l-qawwa
Biex nibqgħu fil-qalb safjin.
Min jixħet ħarstu fuqek
U jħares f’għajnejk ħelwin
Jimxi fit-triq li twassal
Għal dar ibnek mal-qaddisin.
Int tajtna l-Labtu mqaddes
Li tul iż-żminijiet
Fost il-ġemgħa ta’ wliedek
Wettaq l-egħġubijiet.
Bil-Labtu fuq sidirna
Ma’ naqtgħu qalbna qatt
Ngħaddu mill-mewġ tal-ħajja
U żgur ma’ jintilef ħadd.
Int wegħedna li min jilbsu
Dal-Labtu u jżommu sħiħ
Fl-aħħar ta’ ħajtu jsibek
F’bieb il-ġenna qed tistennieħ.
Fjur tal-Karmelu ħares
Fuq il-gżejjer Maltin
Żomm idejk fuq dal-poplu
Li ħabbek tul is-snin.
Sultana tal-qalb tagħna
Omm Alla w il-bnedmin
Żomm sħieħa f’Malta tagħna
L-imħabba għal Ibnek Divin.
Aħna l-Karmelitani
Din l-għanja ngħannu flimkien
Biex tibqa’ sħiħa l-għaqda tagħna
U tissaħħah tul iż-żmien.
 |
Isma' |