Arti

Letteratura


NOVELLA

GĦAL IMĦABBTEK..!!!

miktuba minn P. Karm Ferrante, O.Carm.

Tmiem il-ġimgħa. Ma kienx jonqos bosta biex ix-xemx tibda tifred id-dalma tal-lejl u jisbaħ jum ġdid. Il-ħemda nkisret f’daqqa waħda mid-damdim li kien ħiereġ minn karozza misjuqa bil-ħeffa u li waqfet bi twerżieqa, fil-waqt li ħaxknet it-tajers mal-kurdun tal-bankina. Xi ħadd żgur li qam maħsud mill-irqad, igerger; imma l-biċċa l-kbira x’aktarx li tqallbu fuq ġenb ieħor u baqgħu reqdin. Issa kienu drawha l-biċċa!

It-tfajla ġġennbet lejn is-sewwieq, dawret idejha madwar għonqu qisha li ma tridux jaħarbilha! Wara ftit, fetħet il-bieba tan-naħa tagħha, firxet riġlejha barra mill-karozza, niżlet, u sabbtitha. Daret fuq in-naħa tas-sewwieq, xabbtet rasha fit-tieqa tal-bieba tiegħu biex faqqgħetlu bewsa oħra. Reġgħu ħalfu li jħobbu lil xulxin..; kienet iltaqgħet ma’ dak iż-żagħżugħ ftit sigħat qabel fil-bar! Meta dehrilha, tefgħet bewsa fuq idha u nefħitha lejn dak iż-żagħżugħ u telqet lejn id-dar, ftit bibien ’il fuq, għax qatt ma kienet tieqaf ħdejn il-bieb tad-dar!

***************

Żewġha Nenu kien ħallieha armla xi ftit tas-snin ilu. Kien tilef ħajtu fuq l-għant tax-xogħol! Tgħidx kemm baqgħet tħoss in-nuqqas tiegħu! Qatt ma qatgħet qalbha; kienet tagħmel ħilitha kollha biex tkompli trabbi liż-żewġ uliedha, tifel u tifla, bl-istess ħeġġa, tjieba, u mħabba, ta’ meta żewġha kien għadu mimli bil-għomor. Il-kbir kien twieled sitt snin qabel ma kellhom lit-tifla. Il-ħajja kienet saret iktar tqila, għax biex tlaħhaq mal-ħtiġijiet tagħhom, kellha tidħol għal xi biċċtejn xogħol ’l hawn u ’l hemm, barra li kultant xi ħadd mill-ġirien kien jagħtiha x’tagħmel ukoll. Kienet tistinka u tagħmel li tista’ biex tlaħħaq ma’ kollox.

Fid-dar, barra l-ħwejjeġ tas-soltu, kellha lit-tifel il-kbir, Sandro, li kien jinħtieġ attenzjoni speċjali. Miskin Nenu, kemm kien iqandel fih! Dak kien mibni b’saffejn u għalih it-toqol ta’ ibnu kien ċajta! Eh, Nenu kien jerfa’ f’tal-Karmnu! Dak kien l-uniku delizzju li kellu; sfog ta’ darba f’sena! Ma kienx jagħmel dan għall-gost biss! Kemm hu, kif ukoll Marija, kienu devoti tal-Madonna tal-Karmnu, u t-tnejn li huma kienu daħlu Terzjarji sa minn żogħżithom. Fuq il-post tax-xogħol, sħab Nenu, mhux l-ewwel darba li kienu jniggżuh u jinkuh bil-“gverta” fuq sidru, imma hu qatt ma kien ineħħi l-Labtu minn fuqu! Lit-tfal kienu kitbuhom fil-Labtu dak in-nhar tal-magħmudija tagħhom.

Lil Marija, kemm-il darba kienu tħajru jlaħħquha fit-Terz Ordni Karmelitan, imma minħabba t-taħbit tagħha qatt ma qalet iva! Kienet tgħid li jekk taċċetta xi ħaġa bħal dik, għaliha ma kienx ser ifisser isem biss; ma setgħetx tlaħħaq ma’ Alla u max-xitan! Xi ħaġa kien ikollha tonqos fiha, u allura aħjar xejn! Imma qatt ma naqset fi dmirijietha; lil uliedha kienet kompliet rabbiethom fil-għożza u d-devozzjoni lejn il-Madonna. Filgħaxijiet, kienet baqgħet tgħid ir-Rużarju u t-talb ta’ filgħaxija magħhom quddiem l-istatwa tal-Madonna, u s-santi li t-tfal kienu jġibu jew mill-iskola jew mill-mużew. Ma’ dawn, Marija kienet għamlet ritratt daqs kartolina, ta’ żewġha Nenu; ma riditx li t-tfal jinsew lil missierhom, għalkemm it-tifla bil-kemm kienet tiftakru ħaj!

***************

Bit-tajjeb jew il-ħażin, iż-żmien igerbeb u ma jistenna lil ħadd. Għalkemm fl-istat li kien, Sandro kien żagħżugħ felħan u ferrieħi. Issa kien qed jaħdem bħala skrivan fid-“depot” tal-pulizija; kien maħbub għall-karattru ġenwin tiegħu, u rrispettat għax-xogħol li kien jagħmel. Kien bil-għaqal, u issa xtaq li jpatti xi ftit, sa fejn kien jista’, dak kollu li ommu kienet għamlet miegħu u ma’ oħtu matul is-snin. Kultant, xi ħbieb li kellu kienu joħorġuh magħhom; imma iktar kien jieħu gost meta filgħaxijiet, wara l-ikla u r-Rużarju li kienu baqgħu jgħidu flimkien, kien iqatta’ l-ħin quddiem it-televixin ma’ ommu, iżjed ipaċpaċ u jaqsam kollox magħha, milli jara l-programm li jkun hemm dak il-ħin.

Għax tgħid, il-kliem bħaċ-ċirasa, u l-ilsien x’aktarx imur fuq id-darsa li tweġġa’! Mhux l-ewwel darba li l-kliem kien jaqa’ fuq dik l-imbierka oħtu; dik kienet saret xewka f’qalb ommu, u dak li kienet tħoss ommu, tista’ tgħid li kien beda jħossu hu wkoll! Sħabu li kienu jirrispettawh, ġie li tawh xi ħjiel! Kien ipprova jkellem bil-kwiet lil oħtu u jiftħilha għajnejha, anke bil-moħbi ta’ ommu, imma dik kienet toffendih, tarma tibagħtu jixxejjer, u twiddbu biex ma jindaħalx u jilħaq għasstu… !

Marisa ma kinetx baqgħet li kienet! Sakemm kienet għadha l-iskola u fil-Leġjun ta’ Marija, kien fiha mitt għaxqa. Tgħin lil ommha fejn kienet tinħtieġ, u tieħu gost fil-kumpanija tagħha u ta’ ħuha. L-għalliema u sħabha kienu jgħidu li kellha qalb tad-deheb. Iżda minn xi ftit taż-żmien ’l hawn, kienet inbidlet bħal-lejl min-nhar! Ma kontx għadek tagħraf fiha dik it-tifla ħelwa, grazzjuża, u fessuda ta’ ommha! Ngħiduha kif inhi, ħelwa iva, imma mhux f’għemilha u kliemha; ħelwa f’suritha, tfajla sabiħa, li kif jgħidu: “Ma tpinġihiex!” F’hekk biss kienet għadha tixbah lil ommha!

Sabet taħdem ġo fabbrika, u hemm kompliet fit-triq tan-niżla! Mhux biss kienet tisma’ u tara, imma kienet tbill subgħajha hija wkoll. Ma kienx hemm għalfejn tfittex hi; ġuvintur u mhumiex, kienu jduru magħha qishom naħal ma’ l-għasel, u hi ma kinetx toqgħod lura. Imbagħad ħalliha tirrakkonta ġrajjietha, veri jew le, lil sħabha tfajliet! Kien hemm min jgħir għaliha, xi waħdiet kienu jitħassruha, waqt li oħrajn kienu mbagħad joqogħdu jgħidu fuqha minn wara daharha! Ħaġa żgura kienet, li fost il-ġgajta li kienet tagħmilha magħhom, qatt ma sabet u sadded ma’ xi wieħed tal-galbu! Kif jista’ jkun?

Wara x-xogħol, is-saqaf tad-dar ma kienx jaqa’ fuqha; tinħasel, tindilek u tinżebagħ, u bla kliem u bla sliem, erħilha tiġri ’l-barra. Bi skuża li għax hi taħdem kienet iddum barra ġmielha, imma dan iżjed u iżjed fi tmiem il-ġimgħa! Il-“boss”, li xi wħud mit-tfajliet kienu jafu tajjeb li hu qatt ma qies li kellu mara u tliett ulied, tgħidx kemm kien jisma’ fuqha; ġmielha wkoll kien iħajru! Tefa’ għajnejh fuqha sakemm offrielha, u rnexxielu jagħmilha “s-segretarja privata” tiegħu! Lil ommha u ħuha kienet tarahom xjaten, u l-aktar dak il-mingħul ta’ ħuha; ara wkoll min kien moħħu biex jindaħlilha!

Ir-responsabbiltà u l-għeja kienu ħallew il-marka tagħhom fuq l-imsejkna Marija! It-tbatija, l-aktar dik psikoloġika, kienet tidher fit-tikmix ta’ wiċċha, fl-għajnejn miksurin, u fil-kulur ta’ xagħarha. Għalkemm kultant kienet tiftaħ xi ftit qalbha ma’ Sandro, imma kienet dejjem toqgħod ftit lura u żżomm f’moħħha u thewden fuq dak li kienet tħoss, u li kienet taħseb li aħjar ma turix bih lil binha! Xorta waħda ma kinetx taf kollox fuq bintha! Kienet bħal daqqa ta’ stallett għaliha meta kienet tidħol f’xi ħanut, u dawk li kienu qegħdin itaqtqu biex juru kemm jafu u jikkundannaw kif ġie ġie, kienu jieqfu ħesrem malli tidher hija! Lil Marisa kienet ippruvat tiftħilha għajnejha meta xi darba kienet issib ruħha waħedha magħha; imma ħej, minn widna waħda forsi kien jidħol, imma żgur li kien jerġa’ joħroġ jiġri mill-oħra bla telf ta’ żmien!

Mhux talli hekk! “Ara, agħmilli pjaċir, u lili ħallini bi kwieti; jien għandi l-età tiegħi. Nilbes kif irrid, u noħroġ ma’ min jiftilli. Dik hija s-soluzzjoni, la darba għandi x-xorti li jkolli ħija f’dik is-sura!” Marija, wara kliem iweġġa’ bħal dak, kienet bil-kalma tkompli turi lil bintha mtajra li dik ma kinetx skuża, għax kieku kienet baqgħet bil-għaqal, żgur li xi ħadd bil-għaqal ukoll, kien jasal li jħobbha tassew u għal dak li hija. It-tfajla kienet tissuppervja u ssabbat qisha tifla żgħira, u minnufih titlaq “fejn la tara u lanqas tisma’!” L-omm kienet ixxerred id-dmugħ u tipprova ssib il-faraġ tagħha fit-talb quddiem l-istatwa tal-Madonna. Mhux l-ewwel darba li kienet tħoss li lesta li toffri ruħha biex bintha terġa’ lura fit-triq it-tajba! Marisa ma kinetx għadha tilbes il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu; kieku għallinqas kienet tilbes id-domna minfloku!?!... Imma kieku dik kienet tidher fuq skullaturi bħal dawk li kienet qiegħda toħroġ bihom bintha!

***************

Dan l-aħħar, Marija kienet ħadet kedda doppja li kompliet kissritilha saħħitha! Għall-ewwel Sandro kien ħaseb li m’għandux jgħid lil ommu, imma mbagħad tawh parir li aħjar jgħidilha hu milli tisma’ mod ieħor! Sar jaf li Marisa kienet midħla ta’ persuni li kienu qegħdin jiġu mgħassa mill-pulizija dwar abbużi ta’ droga. F’għajnejn ommu dehru l-iskantament, il-biża’, u l-istmerrija ta’ dik l-aħbar; ma’ ħaddejha beda jċarċar id-dmugħ. Baqgħax ukoll; dan kien jonqos issa! B’għafsa ta’ qalb, imma b’rieda soda, ħasbet li għandha tagħmel dmirha ta’ omm. Stenniet li Sandro jirtira, u hi bħal tant drabi oħrajn, qagħdet tistenna li Marisa tidħol; imma din id-darba ma kinetx ser tibża’ turiha li kienet imqajjma!

Ma kienx mument! Marisa sbruffat waħda sew u bdiet tgħajjat u twerżaq, tant li ħuha qam u ħareġ jara x’kien qed jiġri. Dik qisha ma kinetx f’sessieha; kienet f’dagħdigħa ta’ isteriżmu! Għajjret lil ommha kemm felħet għax kienet toqgħod tistennieha biex tara li daħlet qawwija u sħiħa! Imbagħad kif Sandro ttanta jiddefendi lil ommu u jsikket lil oħtu, dawret il-vleġeġ għal fuq ħuha, u saħansitra għajjritu “mostru” minħabba d-diżabbilità li kellu! Sandro tħawwad u tbikkem; kien jaf li oħtu ma tantx kienet għadha ġġibu, imma li tbaxxieh hekk! Dawwar b’ħeffa s-siġġu tar-roti u ħarab qisu sewwieq tal-F1 lejn kamartu! Beda jisħet xortih, u għaddas rasu fl-imħadda jolfoq bħal tarbija; qatt ma kien ħassu daqshekk imweġġa’ u msejken! Marija tfixklet. Riedet kieku tmur tfarraġ lil binha, riedet twieġeb lil Marisa, imma din ma ħallitilhiex nieqsa għal melħa!

Bdiet tara x’taqla’ biex aktar tweġġa’ lil ommha: “Qiegħda tgħasses fuqi bħallikieku jien xi tifla żgħira? Kemm-il darba għidtlek biex ma tilħaqlix il-passi tiegħi? Taħseb li jiena ta’ subgħajja f’ħalqi? Taħsibx jew tixtieqx ukoll li jiena għadni xi fjura friska u bajda? Kif qatt ma daħallek xi dubju, meta kont taparsi immur Għawdex għal xi jumejn irtir ma’ taċ-Ċentru? Miskina, kont tafdani dak iż-żmien, mhux hekk? Jew issa int ukoll qiegħda tgħir għalija għax insib kemm irrid ma’ min noħroġ, u int ikkakkmata hawn ma’ dak li hemm hemm ġew? Tgħid dak kien frott ta’ xi skappatura tiegħek? Min jaf jekk, dak li int tgħid li hu missieri, mietx minħabba xi dispjaċir li tajtu int?”

Marisa tat ħarsa ta’ stmerrija lejn ommha qisha qed tisfidaha biex tweġibha; imbagħad telqet ħesrem lejn kamritha, u sabbtet il-bieb warajha. Marija lanqas kieku riedet ma felħet twieġeb! Ma ridetx temmen dak kollu li bintha l-għażiża kienet qalgħet mill-istonku; mhux biss ħasset qalbha tinqasam, imma saħansitra stħajlitha mċekkna daqs żerriegħa tal-mustarda! Intelqet fuq is-sufan u nfexxet f’bikja mxarrba, imma siekta! Minn dak in-nhar ’il quddiem ħeġġet lil binha biex jaħfer lill-imsejkna oħtu, u żiedet fit-talb ħerqan għal bintha. Bintha tassew li kienet marret għall-agħar! Kien jinħtieġ li l-Madonna tisma’ talbha, illum qabel għada!

***************

Marisa ħarġet iċ-ċavetta, u b’id imriegħda fittxet it-toqba tas-serratura. Fetħet il-bieb u reġgħet għalqitu, bil-mod il-mod, li ma tmurx tagħmel xi ħoss! Dik, ommha, ma fiqetx; xorta waħda kienet baqgħet taparsi toqgħod tara t-televixin biex tistennieha tidħol. L-ewwel b’sieq, imbagħad bl-oħra, neħħiet iż-żarbun minn saqajha; resqet quddiem il-mera li kien hemm fl-intrata, u ġibdet ’l hawn u ’l hemm il-kwarta drapp li kellha fuqha, u dellket xufftejha bi ftit aħmar. Aħjar uff minn aħħ! Telgħet it-taraġ inkiss inkiss, fuq il-ponot ta’ subgħajha. Ġieli rnexxielha tidħol f’kamritha bla ma ommha tħossha, għax dik kienet tkun raqdet fuq il-pultruna!

Xirfet minn wara l-koxxa tal-bieb tas-salott. Hemm kienet qegħda, rajt! Kienet raqdet fuq il-pultruna; aħjar għaliha la ma tridx tisma’! Missha ħaditha t-tagħlima! Marisa rnexxielha tgħaddi għal kamritha bla ma ommha ħassitha jew intebħet biha. Tgħid filgħodu, ommha tażżarda tistaqsiha x’ħin kienet daħlet?

Kellha għatx klubi. Ix-xorb u dawk il-pirmli hekk kienu jagħmlulha! Ħarġet bla ħoss biex tmur fil-kċina biex tixrob. Hija u għaddejja rat li ommha kienet għadha hemm fuq il-pultruna. Tassew kienet rieqda fil-fond! Żgur li ma kienetx qiegħda toħlom b’dak tal-kamra l-oħra, għax kieku…..! Tgħid kienet qiegħda toħlom bl-anġlu tagħha, it-tifla sbejħa tagħha?

Legilget ilma kemm felħet. Kienet ser terġa’ tibqa’ għaddejja inkiss, imma l-kurżità ġagħlitha tagħti ħarsa oħra lejn ommha. Ħarset fiss…! Kienet qiegħda tara ħażin? Għajnejha kienu qed iqarrqu biha?

Ommha kellha tbissima ħelwa fuq xufftejha; veru kienet qisha qiegħda toħlom sabiħ…., imma …..!!! “Ma!.., maa!..., maaaaa!

Kien sbieħ is-Sibt, jum il-Madonna. Marija kienet offriet ruħha vittma ta’ mħabba għall-konverżjoni ta’ bintha Marisa…!!!

Tmiem


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage