ArtiLetteratura
QALB GĦAL ALLA MADRE M. CROCIFISSA CURCIO
|
Preżentazzjoni
Talbuni nagħmel preżentazzjoni għal din il-pubblikazzjoni li tiġbor flimkien il-ġrajjiet l-aktar importanti tal-ħajja ta’ Madre Crocifissa Curcio, Fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Terzjarji Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù; u jien se nagħmel xi riflessjonijiet.
Qabel xejn ma stajtx niċħad it-talba li għamluli s-Sorijiet imwaqqfin minnha, fuq inizjattiva tas-Superjura Ġenerali Filomena Cucco; għadni niftakar il-familjarità li kelli mal-Kongregazzjoni matul iż-żmien twil ta’ kważi 18-il sena meta kont Isqof tad-Djoċesi subborg ta’ Porto u Santa Rufina, fejn hemm id-Dar Ċentrali; għalhekk inħossni - ukoll jekk mhux kapaċi - preżentatur umli ta’ dak li kelli l-opportunità li nassisti għalih f’żewġ avvenimenti singulari: iċ-ċelebrazzjoni tal-50 Anniversarju tal-Kongregazzjoni fl-1980, u fil-Quddiesa tal-funeral ta’ Padre Lorenzo van den Eeerenbeemt f’Ottubru 1977.
Imbagħad kelli l-okkażjoni li nippresjedi l-Kapitlu Ġenerali, u nnutajt l-ispirtu ta’ fidi u ħeġġa li tgħix il-Kongregazzjoni, u rajt il-ħidma tagħhom fil-kunventi li hemm fl-ambjent tad-djoċesi.
Minħabba f’hekk ma stajtx ma nagħtix l-appoġġ tiegħi lil din il-pubblikazzjoni fuq il-ħajja u l-ispirtu ta’ Madre Crocifissa, flimkien ma’ xi ħjiel żgħir fuq Padre Lorenzo.
X’nista’ ngħid fuq Madre Crocifissa?
Fl-opinjoni tiegħi fiha jidher pjan tal-għaġeb t’Alla, imnissel u mwieled f’natura fjakka, anzi xi ftit imqarba; li, imbagħad, bilmod ilmod, bil-grazzja t’Alla, saret b’saħħitha, kapaċi tiffaċċja baħar ta’ diffikultajiet ta’ kull kwalità, biex twettaq dak li, fil-fehma tagħha, kien il-pjan t’Alla għaliha, jiġifieri twaqqaf "Kongregazzjoni Karmelitana".
Id-diffikultajiet li Alla ppermetta li tgħaddi minnhom, ġejjin ukoll minn dawk li suppost li kellhom jgħinuha, kien il-pjan tal-għaġeb għaliha t’Alla, li jiġbor lill-ġganti tiegħu tal-virtù, tal-fidi u tal-fiduċja fil-ħniena divina, ukoll minn qalb l-għedewwa.
Madre Curcio ħaddmet virtù b’saħħitha, li tfakkar kif il-Knisja, bħala omm, trabbi ‘l uliedha fit-tbatija biex tagħmilhom kapaċi li jagħmlu opri kbar.
B’dan il-mod biss tista’ tkun spjegata parti kbira minn ħajjitha.
Iżda fl-aħħar il-Mulej laqqagħha - b’mod żgur misterjuż - ma’ min kellu jkunilha ta’ appoġġ u kunsillier għaref u mimli bl-iSpirtu s-Santu, li kellu jgħinha tasal biex twettaq dak li xtaqet.
Hekk tilgħab il-Providenza Divina!
U hekk, minn ġrajja singulari għal oħra, li l-bniedem m’hux kapaċi jispjega, waslet Santa Marinella u, wara, fid-Djoċesi ta’ Porto u Santa Rufina, fejn Alla riedha biex twaqqaf u tiżviluppa l-opra tagħha, kważi biex issostni l-ħolma ta’ dawk l-inħawi tal-kampanja qrib baħar sabiħ......
Dawn id-diffikultajiet saħħew il-kostituzzjoni tagħha - mhux dik fiżika, li baqgħet dgħajfa u marradija - iżda dik spiritwali u morali, mimlija b’viżwali, li tibda minn Santa Tereża t’Avila u timxi lejn Santa Tereża tal-Bambin Ġesù fi spirtu Karmelitan, fejn il-kontemplazzjoni bilmod ilmod tiltaqa’ mar-rieda li twettaq, u li lilha għamlitha malajr ‘mexxejja’ fost sħabha mindu kienet żgħira......
U hekk, ftit ftit, il-“ħsieb Karmelitan" tagħha ltaqa’ ma’ dak ta’ Padre Lorenzo, ‘missjunarju’ fl-ispirtu - minħabba l-ubbidjenza ma setax imur fl-artijiet tal-missjoni - u minn dawn il-proġetti ħarġet il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Terzjarji Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, fl-Italja, u mbagħad fil-Brażil, f’Malta, fil-Kanada, u dan l-aħħar ukoll fl-Afrika, skond it-talbiet li jsiru perjodikament mill-Isqfijiet bħala Rgħajja tal-Knisja. Is-Sorijiet baqgħu dejjem magħqudin mal-Knisja, fi spirtu ta’ qima vera u profonda, ukoll meta tfaċċaw id-diffikultajiet, jew meta kellhom jgħaddu minn provi qawwija u li kienu jirrikjedu impenn sħiħ.
Iżda x’inhu s-sigriet ta’ l-ispiritwalità ta’ Madre Crocifissa, li għal uliedha u għal min irid jifhem jibqa’ l-proġett kbir ta’ ħajjitha?
L-ewwelnett il-Knisja, li Madre Curcio kienet tara bħala Komunjoni ta’ Qaddisin, u għalhekk riedet twaqqaf ċellula ta’ persuni addattati għal din il-karatteristika tal-Knisja, qawwijin fil-virtù, sħaħ fil-provi, iqimu r-Rgħajja u impennjati fit-talb u l-kontemplazzjoni - wara kollox din hi l-ispiritwalità Karmelitana - u għalhekk impennjati fil-ħidma afdata lilhom mill-Knisja.
Kienet tifraħ meta l-Isqof, li kien sar jafha l-ewwel, kien juriha li ma kienx se jixxaħħaħ magħha mill-pariri u l-għajnuna; iżda l-fidi tagħha ma naqsithiex meta ħaddieħor, li wkoll kellu jifhimha, ħolqilha tant diffikultajiet...... U fi stadju wara ieħor sat-twaqqif tal-Kongregazzjoni kienet tafda biss fil-misterju kbir li hi l-Knisja, li mingħandha biss kienet titlob l-għajnuna u li tagħha riedet l-approvazzjoni ......
Iżda l-fiduċja tagħha qegħditha fis-saċerdot - reliġjuż Karmelitan - P. Lorenzo, bħalma kienet għamlet ma’ ħaddieħor qabel, u afdat fih bil-persważjoni li hu Alla li jmexxi l-avvenimenti tal-bniedem.
Hekk, ma’ l-ispirtu tal-Knisja - misterju - li mbagħad ġie mdawwal fl-ewwel kapitlu tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium tal-Konċilju Vatikan II - kompliet il-mixja tagħha, minkejja s-saħħa limitata tagħha, iżda għanja bil-fiduċja u l-ġenerożità.
It-tieni element li jiddistingwi l-karattru tagħha kienet il-konvinzjoni ċara li kellha tas-sens Trinitarju, li kien għaliha l-mottiv prinċipali fir-rapport tagħha m’Alla, fil-ħajja intima tagħha, u li permezz tagħha għexet f’komunjoni tal-għaġeb mal-Missier, l-Iben u l-iSpirtu s-Santu; kienet tħoss il-preżenza tat-Trinità f’sens ta’ għaqda dejjiema u sħiħa, billi kienet tgħix mal-Missier bħala bintu, ma’ l-Iben Ġesù bħala għarustu, "kollox għaliha", filwaqt li kienet temmen li kollox jingħata l-ħajja mill-iSpirtu s-Santu fis-sigriet kbir ta’ l-imħabba divina.
Din il-konvinzjoni tagħha fuq it-Trinità nistħajlu ħsieb modern, għax kien lejn tmiem ħajjitha li dan il-ħsieb sar suġġett kbir tar-riflessjoni teoloġika, sakemm il-Papa Piju XII għollieh għal-livell ta’ l-Enċiklika Mistici Corporis (1943).
Żgur li l-ispiritwalità tipika ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù kellha fuqha influwenza kbira. Kien propju fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni tagħha, meta kienet fil-Bażilika ta’ San Pietru fis-Sena Qaddisa 1925, li ltaqgħet b’mod partikulari u deċiżiv ma’ Padre Lorenzo. Dik il-“mixja żgħira" ta’ "qaddisa kbira" żagħżugħa u marida ħafna, iżda tħobb ‘l Alla b’mod sublimi, saret mudell għaż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien, u lil Madre Curcio tatha dak il-livell ta’ għaqda kontemplattiva u l-ferħ fit-tbatija, mingħajr ma tgerger, bħal Santa Tereża daqsli kieku kienet oħtha.
It-tielet element, li jidher sinjifikattiv, hi l-imħabba tagħha għall-Ewkaristija.
Din l-imħabba dehret fiha mindu kienet tifla, meta filwaqt li l-Ewwel Tqarbina fi żmienha kienu jirċevuha f’età matura, hi rċevietha ta’ tmien snin, imkaxkra minn ġibda qawwija li għelbet l-obbjezzjoni tal-qassis, li kien milqut minn din il-fjamma qawwija li kienet tħeġġiġha kollha u timliha bil-qawwa u l-kuraġġ. Meta kienet tfajla, biex tirċievi lil Ġesù kienet tagħmel kultant wkoll xi ċajta goffa, biex tkun tista’ tirċievi lill-Mulej li fuqha kien qed jiżviluppa pjan meraviljuż li jagħti ħajja lill-Knisja.
Element ieħor hu l-imħabba li kellha lejn il-Madonna, meqjuma taħt it-titlu tal-Karmelu. Stabbilixxiet magħha bħal djalogu dejjiem, li għenha tagħraf dak li kien meħtieġ isir, id-diffikultajiet li kellha tiltaqa’ magħhom, kif tegħlibhom, kif tħalli warajha l-ambjent li twieldet u kibret fih, billi telqet is-sabiħa Sqallija tagħha għall-belt ta’ S. Marinella, fuq il-baħar Tirreno. Kienet immexxija minn qawwa misterjuża, u għalhekk setgħet toffri lis-Sorijiet li marru warajha ideal ta’ kwalità għolja u ta’ virtù b’saħħitha, imħabba għat-talb u fiduċja bla tarf f’Marija Santissima f’kull ċirkostanza.
F’dan kienet żgur taħt l-influwenza tal-personalità u d-devozzjoni partikolari ta’ P. Lorenzo, li kien għamel mill-għażla Karmelitana l-iskop ewlieni ta’ ħajtu. Bħala saċerdot żagħżugħ, mimli bid-Duttrina u ħeġġa tbaqbaq, sar l-appoġġ għal ħajjitha fl-aħħar snin tagħha, u gwida spiritwali għas-sorijiet li minn żmien għal ieħor kienu jinġabru madwar Madre Crocifissa.
It-tlaqqiegħ flimkien tal-viżjoni tar-realtà tal-Knisja-misterju, l-ispirtu Trinitarju delizzjuż, il-viżwali għolja ta’ l-Ewkaristija, bħala rigal singulari, l-għaqda ma’ Marija, iwassalha għall-aspett l-ieħor - il-ħames - li hu bħal total ta’ l-oħrajn kollha, u hu fil-verità l-iktar diffiċli, u li żgur wassal lil ruħha biex tilħaq qċaċet għoljin: "li tkun vittma f’komunjoni mas-Salib ta’ Kristu"; u din hi intuwizzjoni meraviljuża tagħha, imwielda mill-kontemplazzjoni.
Il-paġni tad-djarju tagħha jirreferu dejjem għal din is-singularità tal-ħajja spiritwali tagħha; il-fallimenti tal-ġrajjiet biex tilħaq l-għan tagħha għallmuha li xejn ma setgħet tagħmel mingħajr is-sens veru tas-“salib bħala rigal"; u għalhekk mingħajr ma tkun "vittma ta’ l-imħabba".
It-tbatijiet fiżiċi, dawk morali, l-ebusija tal-provi, ukoll minn min kellu jifhimha b’mod faċli bid-doni divini li kien irċieva mal-mandat pastorali, irfinawlha dan is-sens; id-diffikultajiet dejjiema, li kważi dehru li riedu jħarbtu t-twettieq tal-pjan tagħha, huma passi fil-maturazzjoni li tgħaqqadha ma’ Kristu, li qal: "Kemm nixtieq inkun issagrifikat", sakemm fuq is-salib seta’ jgħid: "Kollox mitmum".
Din hi eredità prezzjuża li ħalliet lis-Sorijiet tagħha, biex tistedinhom mhux għall-medjokrità, iżda għal ġenerożità bla tarf u qawwija ta’ dedikazzjoni ‘l fuq minn kull proġett uman.
Vittma li tpatti b’imħabba abbundanti, dejjiema u li tikber kuljum, u li permezz ta’ din l-imħabba tgħix il-Passjoni flimkien ma’ Kristu.
Il-konklużjoni ta’ dan kollu hu l-ferħ, li jikseb il-milja tiegħu għax ġej mill-intimità m’Alla, ukoll fis-sagrifiċċju, u jwassal għall-vera tgawdija t’Alla.
Dan hu tagħlim stupend, li jgħaġġeb u jagħti lill-ulied spiritwali tal-Kongregazzjoni, u wkoll lil dawk li jaqraw ħajjitha, ħjiel tal-mod li bih ruħ li tħobb ‘l Alla tasal għall-perfezzjoni. It-triq hi diffiċli, iżda l-ferħ spiritwali hu mill-iktar għoli, ukoll jekk il-provi jkunu iebsa u spiss jimlew bin-nervi. Iżda "Alla hu kollox"; u "l-imħabba tiegħu hi l-ferħ veru".
Fl-aħħarnett, is-sitt element - li ma jidhirx li hi qatt ħasbet fih - iżda li offritilha l-idea dominanti ta’ P. Lorenzo, jiġifieri l-idea missjunarja, li f’dan il-każ ukoll tantiċipa d-dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II tal-Knisja "missjunarja", kif jgħid id-Digriet Ad Gentes.
U dan jispjega għaliex il-Kongregazzjoni, malli setgħet, daret lejn il-Brażil biex tgħin u tinjetta ċerta ħajja, li hi l-pulmun tal-kapaċità tagħha li tiżviluppa.
Jien u naqra l-ktieb dehrli li, fil-ħsieb tagħha, ħassejt l-elementi sintomali tal-Konċilju Vatikan II, kemm meta tkellmet fuq ir-reliġjużi fil-Kap. V tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium, kif ukoll fil-Kap. VI meta titkellem fuq "is-sejħa universali għall-qdusija", u meta titkellem fuq il-ħajja reliġjuża li għandha tiġġedded fid-Digriet Perfectae Charitatis.
Id-Digriet ta' Tifħir għall-Kongregazzjoni ngħata fl-1963; u dak iż-żmien id-diskussjoni fuq dawn is-suġġetti kienet ġa bdiet, għax jeħtieġ li kollox ikun ri-ordinat, fil-livell ukoll tal-ħajja reliġjuża.
Allura l-konklużjoni ma tistax tkun għajr: mara ta’ qdusija profetika, ta’ saħħa naturali fjakka, iżda kuraġġuża u b’valuri spiritwali qawwijin, ikkontestata wkoll mill-familja, u wkoll mill-Knisja, kemm tal-lokal kif ukoll istituzzjonali; iżda żġura u deċiża fil-viżwali tagħħa tal-ġid ġenerali tal-Knisja, u żgura mill-funzjoni speċjali li afdalha l-Mulej ......
Qaddisa f’ħajjitha, nobbli fit-talb, ħarxa fit-talba tagħha għal tweġiba xierqa min-naħa tas-Sorijiet sħabha li bdew mill-ewwel isejħulha ‘Madre’; iżda ħelwa u tal-għaġeb fid-dawl ta’ l-imħabba t’Alla u r-rieda tagħha li tkun strument ta’ ġid għal ħutha kollha.
Jien dan nawgura li jkun il-frott mill-qari ta’ dan il-ktieb, tant għas-Sorijiet sħabha, kif ukoll għal dawk li jaqrawh biex isibu mudell ta’ ħajja u ta’ qdusija li jistgħu jaddottaw għall-ħajja personali f’kull ċirkostanza.
Il-Knisja tagħmel il-ġudizzji tagħha; iżda lilna xejn m’hu se jżommna milli nqisu bħala "eżempju perfett" dik il-figura nobbli ta’ persuna, ta’ mara, ta’ reliġjuża: Madre Crocifissa.
† Andrea Pangrazio
Arċisqof, Isqof Emeritus
Ta’ Porto u S. Rufina
Ruma, 6 ta’ Lulju 1985
L-Ewwel Parti
Premessa
L-istorja tal-Knisja fuq elfejn sena, miktuba mill-imħabba t’Alla flimkien mal-ħlejjaq tiegħu, tfakkar is-17 ta’ Mejju 1925 bħala l-għodwa sabiħa tal-kanonizzazzjoni ta’ l-umli u ż-żgħira, iżda Qaddisa kbira tal-Karmelu ta’ Lisieux: Tereżina tal-Bambin Ġesù.
Il-pjan t’Alla, misterjuż, iżda profond, kien ilu minn dejjem li stabbilixxa għal dik l-istess data avveniment ieħor, tal-Knisja, tad-dinja, ta’ l-imħabba "tiegħu" għall-ħlejjaq: Rosa Curcio u l-Patri Karmelitan Lorenzo van den Eerenbeemt iltaqgħu Ruma.
Oh, pjan misterjuż ta’ l-imħabba t’Alla!
Dawn it-tnejn min-nies, kull persuna min-naħa tagħha, kienu jgħixu fi tfittxija bla waqfien ta’ l-istess dimensjoni: waħda kienet toħlom f’Karmelu attiv fil-qadi ta’ foqra magħrufin iżda li kienu għadhom moħbijin; f’moħħ l-ieħor kien dejjem iħabbat ħsieb li ma kienx iħallih kwiet: Karmelu missjunarju femminili biex jgħin lill-Patrijiet. (Noti ta’ Padre Lorenzo fuq l-istorja ta’ l-Istitut.)
Nixtiequ nitilqu minn dak il-jum u minn dak l-avveniment biex nerġgħu naqraw raġġ mid-dawl kbir t’Alla, biex noħolqu Salm li bih infaħħru ‘l Alla, biex nikkomponu sinfonija żgħira tal-ħolqien li sab fl-id t’Alla sintesi u gwida onesta ta’ mħabba; u fl-umli Madre Crocifissa Curcio ħaddiema fidila.
1. Iż-Żernieq ta’ Ħajja
Qegħdin qrib l-aħħar tas-seklu li għadda. Fil-kampanja ta’ Sqallija, f’dak il-post li m’hux daqstant ‘il bogħod mill-kosta mediterranja, u li jinżel ħelu ħelu lejn ix-xatt, hemm belt żgħira. Isimha antik, Spaccaforno, isem storiku u antik fl-akbar storja tal-gżira, inbidel fl-isem mogħti lilha m’ilux wisq: Ispica (Ragusa). Hemm twieldet tifla.
L-istorja t’Alla titħallat ma’ l-istorja tal-bnedmin; il-valur arkeoloġiku marbut ma’ nekropoli antiki ħafna, b’ipoġej Sqallin u Kristjani-Bizantini, bħal iwarrab fil-ġenb u jħalli t-triq għal din it-tifla, imwielda minn Salvatore Curcio u Franzò Concetta, li mit-twelid tagħha wriet karatteristika li damet magħha tul ħajjitha; riedet l-ispazju biex, f’din id-dinja, ssib postha skond il-Qalb t’Alla.
Ħajjet ommha kienet fil-periklu waqt il-ħlas, u għalhekk iktar ingħatat kura ommha milli t-tifla, waqt it-twelid.
F’dik il-għodwa kiesħa tax-xitwa, wara li l-omm ingħatat malajr l-għajnuna, li rnexxiet, xi ħadd ftakar ukoll li kien hemm ukoll it-tifla, fil-benniena, li kellha bżonn min jieħu ħsiebha.
Meta daru lejha sabu t-tifla b’għajnejha magħluqin u b’idejha mgħaqqdin: iktar minn tifla, anġlu żgħir qiegħed jitlob. Lil ommha qalulha li kienet qisha "soru" żgħira, qegħda titlob. Kien it-30 ta’ Jannar 1877.
Rosa stess, hekk kien jisimha t-tifla, kitbet dawn ir-riflessjonijiet għalina:
Tarbija hi dejjem il-ħsieb li kien f’moħħ Alla mill-eternità, li l-ġenituri, bħal Marija ma’ Ġesù, ilaħħmu, biex jagħmlu minn dan il-ħsieb att ta’ mħabba konkret, imlaħħam, ħaj.
Fil-każ ta’ Rosa Curcio l-istorja tgħidilna li Alla jippjana l-proġetti tiegħu bl-iċken dettalji; mhux kif jagħmel il-bniedem li jgħaġġel u meta jiltaqa’ mad-diffikultà jara kif jegħlibha.
L-għada li twieldet, billi saħħet iċ-ċkejkna ma kinitx tajba, il-ġenituri li kienu nies jibżgħu minn Alla u ta’ ħajja Nisranija sħiħa, riedu jgħammdu lil Rosa. Il-Magħmudija saret fil-knisja matriċi ta’ San Bartilmew, u amministrahielha zijuha saċerdot, Dun Antonio Curcio, raġel ħabrieki u li kien iħobb il-fqar.
Nota: Nieħdu gost infakkru li dan is-saċerdot kiteb ismu fl-annali tal-belt minħabba l-karità kbira tiegħu mal-fqar u ma’ dawk fil-bżonn, sostnuta bl-imħabba tiegħu lejn Alla. L-għerq ta’ kulma għamel nistgħu forsi nsibuh fil-fatt li, f’kull kwalità ta’ temp, kont tista’ tarah fil-bieb tal-knisja tas-Salib; kien ikun mar hemm biex jitlob.
Ommha kienet għadha ma ġietx f’tagħha, għalkemm bdiet tieħu saħħitha lura bilmod. Iżda ma ħallewhiex treddagħha. Kien hemm mara, li l-familja Curcio kienet għenet biex tifforma familja, (il-familja Curcio kienet verament familja karitatevoli), u marret hi u reddgħet u għenet ukoll fit-trobbija ta’ Rosa. B’hekk pattiet għall-imħabba li l-familja Curcio kienet uriet magħha.
Rosa kienet is-sitt waħda minn tmien ulied ta’ Franzò Concetta, mart l-uffiċjal tal-posta Salvatore Curcio. It-tfal kienu: Francesco, li twieled fl-1865; Clementina, imwielda fl-1867; Gaetano, li twieled fl-1869, u li wara sar Kap tal-Fakultà ta’ l-iStudji Umanistiċi ta’ Katanja; Giuseppina, li twieldet fl-1872; Federico, imwieled fl-1875; Rosina tagħna; Carlo, li twieled fl-1879; u fl-aħħar Marianna, li twieldet fl-1881.
Rosa għamlet l-ewwel passi, l-ewwel movimenti tagħha, għaddiet mill-ewwel episodji ta’ ħajjitha fil-kampanja, xenarju ħelu tal-ġenna u li kienet baqgħet tammira wkoll meta kienet kibret, taħt il-ħarsien tal-mara li rabbietha flimkien mat-tifla tagħha stess.
Għal din iċ-ċkejkna din il-ħajja kienet tkompli kulmeta kienet tmur lura fil-familja, fejn kienet ġa turi s-sinjali tal-karattru allegru u miftuħ tagħha.
Xhieda ta’ dan hi ittra miktuba minn wieħed minn ħutha li, fost affarijiet oħra, tgħid: "...... Meta kienet żgħira oħti Rosina kienet verament imqarba; fuq ruħha ħafna, dejjem tiċċaqlaq, tagħti fastidju lil dak u lill-ieħor, u tiċċajta b’mod li mhux dejjem kien jagħti gost, u lil kulwieħed minna kienet tagħtih laqam skond iċ-ċirkostanzi. Meta konna mmorru fil-kampanja, biex naqtgħu l-għeneb, kienet tkun minn ta’ quddiem biex b’dak li kienet tagħmel tiddispra mhux biss lill-bdiewa, iżda wkoll lil tal-familja. Biex ngħidu kollox - kiteb ħuha - ma kinitx tkun waħidha, xi ftit jew wisq aħna wkoll konna nagħmlu l-parti tagħna, iżda ċ-ċajt goff kienet toħolqu hi".
Meta naqraw fuq dawn il-manifestazzjonijiet, ukoll jekk jagħtuna pjaċir, jidhrilna li tixraq riflessjoni: qegħdin naraw jinfirex quddiemna l-karattru bil-kapaċitajiet tiegħu, iżda mhux mingħajr tjubija mhux komuni, xi ftit moħbija. Forsi għalhekk ommha kienet tagħlaq għajnejha għall-brikkunati tagħha. Forsi l-imġieba tagħha, ftit u wisq aggressiva, fl-istess ħin kienet tant delikata u soda li l-ħbieb tal-logħob tagħha, li hi kienet tagħżel b’attenzjoni minn fost il-poplu u mhux mill-klassi soċjali tagħha, kif forsi kienu jixtiequ l-ġenituri tagħha, kienu jirrikonoxxuha bħala l-“mexxejja" tagħhom.
Vokazzjoni ta’ mexxejja?!? Forsi.
Żgur li hawn għandna ħjiel tat-talenti li taha l-Mulej.
Kollox, iżda, imħallat ma’ xi kontradizzjoni ġenwina tat-trobbija!
Filwaqt li kienet kapaċi toqgħod mingħajr frott u ħelu, biex iddaħħaq u tferraħ lil sħabha tal-grupp kienet kapaċi wkoll tivvinta ċajt, bħal dilka sapun lill-bankina li, kienet kienet tpoġġi fil-periklu ċ-ċittadin u ‘l-anzjana. Meta kien jiġri hekk, imbagħad, mill-ferħ kienet tgħaddi għall-preokkupazzjoni: tgħajjat, ‘ajjut’, u tistenna l-priedka tal-ġenituri, li kienet tkun inqas ħarxa, forsi, mill-kastig li kien jingħata lis-subien.
Rosina bdiet tħoss fiha t-tregħid tat-trobbija: ma kinitx tista’ tikkuntenta aktar bil-logħob, biċ-ċajt goff: bdiet tħoss ċertu għatx fiha u riedet taqtgħu: l-għatx tal-għerf.
Biex taqta’ dan l-għatx Rosina kienet mibgħuta għand għalliema irtirata, li kienet tagħtiha ftit lezzjonijiet u mbagħad kienet tokkupaha b’xi xogħol li ssoltu jsir min-nisa, bilqegħda għal sigħat twal.
Tistgħu timmaġinaw lil Rosina bilqegħda? Xi dwejjaq! Kemm kienet tiddejjaq! Kien idejjaqha wkoll is-silenzju f’dik il-kamra waħdanija. Barra kien hemm dinja li kienet tiġbidha iktar.
Għaliha, li toħroġ minn dik il-kamra kien ifisser il-ħelsien, biex tmur tilgħab, mal-ħbieb li għalihom kienet dejjem il-“mexxejja", u li, iktar ixxurtjati minnha, kienu jmorru l-iskola elementari ta’ l-awtoritajiet lokali.
Kellha tinsisti mhux ftit m’ommha biex, fl-aħħar, ingħatat il-permess biex tmur hi wkoll l-iskola pubblika.
M’għaddiex żmien wisq sakemm l-ispirtu espansiv tagħha, l-intelliġenza singulari, ġibdu l-attenzjoni u l-ħbiberija tal-għalliema u ta’ sħabha.
U rebħet ukoll il-‘palma’ ta’ l-aħjar studenti: saret l-ewwel tal-klassi.
Hawn ta’ min isemmi l-episodju, li fih kellu x’jaqsam ħuha, li permezz tiegħu l-intelliġenza ta’ Rosina saret magħrufa minn kulħadd.
Rosina kienet fir-raba’ klassi, ħuha kien fil-ħames. Bħal dejjem xtaqet tilgħab ma’ xi ħadd, u fittxet lil ħuha, iżda sabitu daqsxejn bil-buli għax kellu jikteb essej xi ftit diffiċli u kien qed iħabbtu. L-ewwel Rosina bdiet timbxu sakemm saret taf għalfejn kien imdejjaq, imbagħad id-dwejjaq inbidel f’ ...... : u hawn naraw kemm kienet kapaċi Rosina biex tikteb.
“Dan m’hux xogħol tiegħek!"
Ftit botti, theddida ta’ żero tond tond, u meta weħel ħuha kellu jirrakkonta li x-xogħol kienet għamlitu oħtu iżgħar, u minn klassi inqas.
Kulħadd stagħġeb b’Rosina. Tfakkarna li fl-Evanġelu l-Evanġelisti spiss jinnutaw fir-riflessjoni fuq Ġesù Kristu, li l-Persuna tiegħu, l-imġieba tiegħu, l-ideat tiegħu, il-preżenza tiegħu inisslu stagħġib u meravilja.
Id-dinja ma tistax tifhem; tħares, tistaqsi lilha nnifisha, iżda ma tistax tifhem li dak li jara l-ftit fil-qaddejja tiegħu għamel, u jagħmel, ħwejjeġ kbar.
Meta spiċċat b’suċċess is-sitt klassi, Rosina setgħet tkompli tistudja, u wkoll tiżviluppa l-inklinazzjoni li kellha għall-mużika.
Iżda ......
2. Ħajjitha f’direzzjoni ġdida
Ġa tkellimna fuq il-klima fil-familja tagħha, rigoruża ħafna, taħt kull aspett.
Meta fl-aħħar waslet is-siegħa li fiha Rosina tagħna kellha tirċievi l-Ewwel Tqarbina, ma felħitx tistenna aktar biex ixxebba’ ‘l qalbha. Bdiet it-tħejjija tagħha ma’ sħabha tal-logħob; kollha kienu għalqu t-tmien snin.
L-iSpirtu t’Alla kien ġa beda jaħdem ma’ l-ewwel kuntatt mal-konfessur li, kif kitbet fin-noti tagħha: "...... ried itawwal iż-żmien: iżda jien ma flaħtx aktar għal din il-bruda tal-konfessur, u bil-moħbi t’ommi u miftehma ma’ ħbiebi, mort id-dar ta’ dan is-saċerdot...... u kważi għajjatt miegħu minħabba l-indifferenza tiegħu; ma tlabtux, iżda b’leħen serju għidtlu kliem li kkonfondewh u m’għamilx ħaġ‘oħra ħlief iteftef fil-kappell, u ġie l-knisja biex iqararna".
Mix-xhieda li ġbart personalment dan l-aspett vigoruż tal-karattru ta’ Rosina baqa’ magħha wkoll meta saret Madre Fundatriċi.
Qatt ma ħalliet lil min jiċċajta jew idur mal-lewża fuq is-sentimenti ta’ dak li hu sagru, tal-qalb, fuq l-affarijiet t’Alla; is-sorijiet jafu tajjeb kemm-il darba l-Madre personalment widdbet bl-imħabba kollha lil ministri t’Alla jew tathom parir biex jibdlu l-imġieba tagħhom.
Meta nqallbu d-djarju spiritwali tagħha nsibu aċċenti partikolari li hi tuża għar-rigal kbir tas-saċerdozju, u toħroġ ċara s-superfiċjalità li biha ħafna ministri jgħixu s-saċerdozju mqaddes tagħhom.
Il-konfessur mar il-knisja; Rosina bdiet tħoss qalbha mimlija rimorsi. Bdiet tħoss it-toqol ta’ tant dnubiet u ma kinitx tara s-siegħa biex tqerrhom f’saqajn il-Kurċifiss. Qerrithom f’nifs wieħed lill-konfessur l-ewwel, u mbagħad qalithom ‘l ommha li, mifxula bir-rabja, riedet twiddibha.
Il-biża’ ta’ Rosina kien, u dan kienet turih, li tnikket lill-Mulej billi ddum ħafna ma tqerr dnubietha. Ommha fehmet. X’rimorsi f’dik l-ewwel Qrara! Ir-rimorsi ppruvat tegħlibhom bix-xewqa li tikkonverti u tibdel il-kapriċċi żgħar, id-diżubbidjenzi, kif qalet hi stess.
U xi ngħidu mbagħad għall-Ewwel Tqarbina tagħha?!? Kienet is-sena 1885.
“Il-jum li tant ħlomt bih wasal - kitbet - ersaqt għall-ewwel darba għal din l-ikla tas-sema; niftakar fil-ferħ tant kbir li mlieli qalbi, u dak inhar wegħidt ‘l Alla li ma kontx se nidneb aktar, li kont se nkun twajba mal-ġenituri, ubbidjenti b’mod speċjali ma’ seftura li fdawni f’idejha biex toħodni għand waħda għalliema...... Wara t-Tqarbina sirt aktar ġudizzjuża, qalu l-qraba, u sirt inħoss iktar minn qabel il-ħtieġa tat-talb; kultant kont nitlaq id-divertiment, kont ngħid xi ‘Ave Maria’, inżid it-talba li kont ngħid issoltu biex nikber b’saħħti u fil-virtù...... u kont nitlaq niġri nkompli nilgħab mat-tfal sħabi".
Rosina kkoltivat fiha x-xewqa li titjieb, mhux li ssir perfezzjonista, sal-mewt, u llum din ix-xewqa hi mnissla fi sħabha, bħala tama tal-ġejjieni għas-sorijiet ‘tagħha’.
Il-familja tagħha, ħafna inqas l-omm, kważi ma ħallewhiex tiffrekwenta s-Sagramenti, għax kienu jibżgħu li tagħmel xi għażla ħażina: li ssir soru.
Meta kienet tkun tista’, u dan qalitu hi stess, kienet taħrab u tmur tqerr u titqarben; xi drabi kien ikollha l-għajnuna ta’ xi ħabiba twajba tagħha.
Għalkemm kienet żgħira u għadha ma tafx tiddefendi ruħha, il-preżenza t’Alla f’qalbha kienet tgħinha biex tagħżel ħbieb tajbin. Kienet tibża’ li titlef l-innoċenza: "...... iżda Alla kien iħarisni biex jien nagħmel ir-rieda tiegħu. Il-Verġni Mqaddsa, li kont inħobb b’imħabba speċjali, ma ħallietx ħabiba tiegħi tisqini l-velenu tal-korruzzjoni".
Hawn nieħu gost infakkar, bħal fl-eżami kollu ta’ ħajjitha, li t-tħassib kontinwu tagħha kien dan il-kunċett tal-pjan t’Alla li kellu jkun żviluppat u mwettaq tkun xi tkun is-sitwazzjoni, jiġifieri s-sens vokazzjonali ta’ ħajjitha, ta’ l-imġieba tagħha, ta’ l-eżistenza tagħha; dipendenza sħiħa fuq Alla.
Iddispjaċiha ħafna meta missierha wriha li hu ma kienx tal-parir li tkompli tistudja; u ma kienx waħdu li kien jaħsibha b’dan il-mod. Iżda d-dispjaċir tagħha ttaffa meta ntebħet li dik il-projbizzjoni setgħet kienet fil-pjan t’Alla.
Din il-projbizzjoni rridu nżommuha tajjeb f’moħħna; għax imbagħad irridu nsibu spjegazzjoni għall-għerf tagħha, għall-kultura tagħha, għall-ħeffa tal-ħsieb tagħha, li bihom mantniet lilha nnifisha u lill-erwieħ afdati f’idejha.
Din il-projbizzjoni ġiegħlitha tbati mhux ftit. B’danakollu, ħallewlha għad-dispożizzjoni tagħha librerija armata tajjeb, li kienet tintuża mill-familji tal-klassi medja, l-aktar minn dawk li setgħu u riedu jistudjaw u jaqraw: "...... kont naqra, jew aħjar kont niekol ħafna kotba biex nissodisfa l-ħtieġa li nitgħallem, iżda kont inħossni sajma aktar minn qabel".
Fost il-ħafna kotba l-Providenza laqqgħetha mal-ħajja tas-Serafina tal-Karmelu. Din il-Qaddisa nisslet fiha dawl li dawlilha l-ġejjieni: ir-ruħ qegħda tfittex dejjem il-ferħ sħiħ tagħha, u tistrieħ biss meta ssibu (inquietum est cor nostrum donec requiescat in Te, qal Santu Wistin) "...... imliet lil qalbi b’tant faraġ spiritwali li fetaħli orizzont ġdid; insejt li ridt nistudja, erġajt sibt il-paċi u l-ferħ li kont ili ma nħoss minn meta daru kontrija......" kompliet Rosina.
Is-sejħa t’Alla għall-ħlejjaq tiegħu hi dejjem taħlita ta’ misteru u ġrajja, ta’ mħabba profonda u tbatija kbira.
Alla biss jaf kemm għaddiet minn tbatija Rosina matul ħajjitha! Bil-qari ta’ l-istorja nistgħu ngħidu li wkoll f’dan Alla ħejja l-kapulavur tiegħu fiha matul is-snin u l-ġrajjiet, ukoll meta l-bniedem ma jistax jifhimhom.
Il-ħajja ta’ Santa Tereża biddlet qalb Rosina f’qasir żmien, tant li fehmitha li ma kellhiex għalfejn tipprova tikseb xi pożizzjoni soċjali għolja, iżda kellha; "nistudja l-affarijiet tas-sema biex nasal f’dak il-post sublimi li t-Tjubija Divina kienet ħejjietli".
Is-sinjali ta’ vokazzjoni bdew jiċċaraw u jinkwadraw ruħhom f’ħajjitha. Min hu ħabib m’Alla, fl-intimità jirnexxilu jara dawn is-sinjali, jirnexxilu jitfa’ ħarstu fil-ġejjieni t’Alla. Mill-qraba kollha ta’ Rosina, Clementina biss, oħtha l-kbira u parrina tagħha li tant kienet tħobbha, irnexxileha tifhimha, tifhem ir-rieda t’Alla u tgħinha. Ommha, missierha u ħutha kienu kollha kontra.
Wara li fehmet il-pjan u r-rieda t’Alla għaliha, Rosina wieġbet b’mod ġeneruż. Issa ma kinitx se taħseb iktar fuq il-ġejjieni tagħha, fuq kif kellu jkun u fejn kellha tkun hi; kienet se taħseb biss biex tikber f’din il-manifestazzjoni intima m’Alla biex timmatura f’personalità adulta. Din il-bidla fil-karattru, ta’ użanzi minsija, affarijiet bla ħtieġa rrifjutati u bit-tfittxija ta’ affarijiet essenzjali, allarmat lill-familja tagħha. Ommha kienet l-ewwel waħda li fehmet din il-personalità ġdida ta’ bintha, u fid-dawl tagħha tal-għatx għall-Ewkaristija, ħallietha tmur il-knisja iktar spiss, daqqa ma’ persuna u daqqa m’oħra.
Kien f’dan iż-żmien ta’ ħajjitha li bdiet il-meditazzjoni profonda biex tikber bħala adulta spiritwalment, minħabba l-ħtieġa li tmantni ‘l-qalbha fit-talb, issostniha bil-Passjoni ta’ Kristu; il-passjoni tal-Mulej, flimkien ma’ l-Ewkaristija u Marija, huma l-bażi tal-maturità tagħha u ta’ l-ispiritwalità tagħha tal-ġejjieni. L-Omm ħanina tieħu lil Rosina f’idha u tmexxiha sakemm tagħraf il-vokazzjoni vera tagħha: li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar tidher ċara.
Impressjonani ħafna l-fatt li kien jidher ċar mill-ewwel li l-vokazzjoni tagħha kienet ‘karmelitana’, u minħabba f’hekk Rosina bdiet tfittex biex tagħmel kuntatt ma’ xi Istituzzjoni Karmelitana.
Kulmin kien jaf lill-Madre tagħna xehed li meta hi kienet tkun żgura minn xi ħaġa u kienet tkun tridha, xejn ma kien iżommha.
Hekk, ċertu saċerdot devot u mimli entużjażmu, laqqagħha mal-Prijura tat-Terz’Ordni Karmelitan, li kien hemm fil-pajjiż: din il-Prijura kienet qariba tal-parrina-oħtha. B’hekk, bl-intervent ta’ Swor Tereża tal-Bambin Ġesù, inkitbet fis-sodalizzju glorjuż li minnu ħarġu tant Qaddisin fl-istorja tal-Karmelu u tal-Knisja.
3. Kunu qaddisin għax Jien ...... Qaddis Aktar ma bdiet tiċċara l-vokazzjoni tagħha aktar bdiet tħaddan it-triq tal-qdusija, u tkaxkar magħha tfajliet oħrajn, imqanqlin bħalha minn sentimenti tajbin ta’ ħniena u entużjażmu reliġjuż...... "...... kont inħoss il-missjoni kbira li l-Omm ħanina tal-Karmelu kienet fasslet għalija, jiġifieri li ningħaqad ma’ oħrajn minn sħabi u nwarrad mill-ġdid il-Karmelu fil-belt tagħna u f’ħafna oħrajn...... Din kienet ħolma...... illużjoni taż-żgħożija?!? Il-grazzja kienet qegħda taħdem f’ruħi. Ruħi bdiet timtela b’komunjoni ħerqana u kariżmi tas-sema!......" Iffaċċjati minn dawn is-sentimenti niskantaw b’liema ċertezza għarfet mill-bidu d-destinazzjoni li Alla kien sejħilha għaliha. Jista’ jkun li ma ratx mill-ewwel il-missjoni sħiħa, iżda żgur fehmet li kienet ir-rieda t’Alla li riditha tibda fil-Karmelu, bħalma sejrin naraw, mixja ġdida ta’ axxetika u ta’ spiritwalità. Rosina kienet dejjem aktar tirrikonoxxi ‘l-Ewkaristija bħala l-għajn ta’ l-ispirazzjonijiet tagħha, li kienu jiżgurawha b’mod kategoriku f’dak li kellu x’jaqsam mal-preżenza tagħha ħdejn Kristu. "F’waħda mit-tqarbiniet doqt l-ewwel tgħannieqa ma’ Ġesù, għadni niftakarha; ma kontx naf nirrakkonta lill-konfessur dak li kont ħassejt, u darba niftakar li kelli r-rigal ta‘ dehra grazzjuża, eżatt wara li kont ħassejt dak il-favur fit-Tqarbina Mqaddsa, u xtaqt inkun naf jekk dan setax jiġri bejn Alla u r-ruħ. Id-dehra ta’ dik ix-xbiha ħallet id-dubji kollha tiegħi....." Meta bdiet tħoss l-imħabba li l-Mulej kellu għaliha, mhux biss ma ħasbitx fiha nnifisha, iżda kibret fiha x-xewqa li tippurifika ruħha billi kienet tħoss li ma kienx jixirqilha post quddiem il-Mulej. U hekk beda kapitlu ġdid f’ħajjitha: il-penitenza, bħala element ta’ purifikazzjoni: "...... ridt nagħmel penitenzi ta’ kull kwalità, u ma kontx nibqa’ lura f’dak kollu li għalija kien jissarraf f’sagrifiċċju: kont insum, kont noqgħod nieqsa minn ħafna affarijiet ta’ l-ikel neċessarji; kont noħloq elf skuża biex ma nurix lill-qraba li kont noqgħod nieqsa biex nagħmel penitenza. Billi ma stajtx ikolli ċilizji għax anqas biss kont naf x’inhuma, kont nivvinta affarijiet żgħar li kienu jagħtuni fastidju waqt li kont nimxi, bħal ġebel irqieq fiż-żarbun, eċċ...... eċċ......". Sabet ruħha disposta għal kollox għall-penitenza, u dan welled prinċipju ieħor, li ‘l quddiem jissarraf f’wieħed mill-pilastri tat-formazzjoni spiritwali tagħha: l-ubbidjenza għad-Direttur Spiritwali tagħha, li lejh kellha tissottometti ruħha kemm setgħet biex takkwista l-approvazzjoni. U sabet diretturi spiritwali li, permezz tal-grazzja tad-dixxerniment spiritwali, għarfu jolqtu l-kordi l-aktar sensibbli ta’ qalbha; il-bqija sar mill-għatx li kellha għall-perfezzjoni f’kuxjenza li kienet taħseb li ma kinux jixirqulha l-favuri t’Alla. B’dawn id-dispożizzjonijiet li, bla tlaqliq ngħid li kienu ‘naturali’, kif setgħet ħajjet Rosina ma tkunx ħajja reliġjuża? Jien konvint b’mod partikolari li l-vokazzjoni titwieled fil-bniedem fil-mument tat-tnissil, ukoll jekk tiċċara iktar ma jgħaddi ż-żmien waqt li Alla, bis-sinjali tiegħu, joħroġha fil-beraħ. Nissogra ngħid li hu kważi istint, kważi naturali daqs in-natura, daqs dan il-karattru, din l-istorja: sal-punt li verament kollox għandu sehem biex vokazzjoni sseħħ: naħseb li l-Mulej, meta jsejjaħ, isejjaħ lil dak kollu li jista’ jikkontribwixxi għal dik il-vokazzjoni; u kollox ‘isir’ vokazzjoni! Għal Rosina sejjaħ il-karattru tagħha, il-ħajriet tagħha, it-talenti tagħha, il-qraba, missierha bir-ras iebsa tiegħu meta ma ridhiex tistudja, ommha li ftit ftit qalbet fuq in-naħa tagħha, ħutha, oħtha-parrina li għenitha, fehmitha u ħarsitha, l-ambjent tagħha, eċċ...... Mill-ħjiel awtobijografiku tagħha nisiltu l-aħħar nota: għas-sejħa t’Alla f’qalbha hi wieġbet bil-ġenerożità u verament ħadmet għall-perfezzjoni: jiġifieri kienet taf tieħu kull benefiċċju mill-grazzja kbira li l-Mulej poġġa quddiemha, għad-dispożizzjoni ta’ ruħha li qatt ma kienet tgħid ‘biżżejjed’. U hekk żviluppat il-ħajja spiritwali tagħha, dejjem togħla ‘l fuq u bla waqfien: telgħa personali ‘l fuq li biha jirnexxilha tkaxkar lill-oħrajn magħha bilmod ilmod. 4. L-ewwel esperjenza reliġjuża Ix-xewqa Karmelitana kibret f’Rosina u saret nar li jaħraq u jimpennja: sħabha wkoll kienu jaqsmu magħha din ix-xewqa li "iwarrdu mill-ġdid il-Karmelu fil-belt tagħha u fl-inħawi", kif qalet hi nnifisha. Għalkemm żgħira, iżda kbira fil-għerf, Rosina ddeċidiet li ssir membru ta’ Terz’Ordni; iżda mhux Karmelitan, iżda Dumnikan, stabbilit f’Scicli (Rg) minn P. Timoteo Longo, O.P., biex tieħu idea tal-ħajja reliġjuża u tad-dixxiplina ta’ komunità. Kienet ċara: meta daħlet fit-Terz’Ordni Dumnikan uriet ix-xewqa tagħha li titgħallem tgħix il-ħajja reliġjuża biex tkun tista’ tgħixha wara flimkien ma’ sħabha, u din id-darba fil-Karmelu. Jeħtieġ jingħad li dak it-Terz’Ordni Dumnikan kien fil-bidu tal-mixja tagħha, bi ftit ideat ċari u xi drabi mħawdin fuq ir-regoli tal-Knisja għall-imsejħin għall-ħajja reliġjuża. B’dan il-mod Rosina, filwaqt li libset ta’ Terzjarja, kienet ukoll postulanta u novizza fl-istess ħin. Dan kollu sar bil-moħbi tal-qraba tagħha; missierha kien ġa mejjet; ħuha l-kbir u ommha qatt ma qablu la ma’ l-idea u anqas mal-bidu tat-twettieq ta’ l-esperjenza karitatevoli meta bdiet tieħu ħsieb ta’ marida bit-tuberkolosi, marda perikoluża, mingħajr prekawzjoni. Il-Mulej ħarisha! Kien dak iż-żmien meta ltaqgħet ma’ Mons. Giovanni Blandini, Isqof ta’ Noto, li kien qiegħed jagħmel żjara lil dik id-dar ta’ formazzjoni. L-Isqof ried ikellimha, u hi, bi kliem sempliċi, qaltlu bix-xewqa u l-ħsibijiet tagħha fuq il-Kongregazzjoni Karmelitana. Biex jagħmlilha l-kuraġġ, l-Isqof berikha. Hawn Rosina kellha mat-18 u d-19-il sena. Saħħitha kienet dgħajfa, u minħabba f’hekk, intbagħtet id-dar. Hemm reġgħet sabet lill-ħelwa Spaccaforno u lill-maħbuba familja tagħha li laqgħetha b’festin. B’kumbinazzjoni, meta reġgħet lura d-dar, Mons. Blandini mar iżur Spaccaforno. Minkejja li d-dehra tiegħu kienet tissuġġerilha l-kuntrarju, Rosina tagħna kienet tant miġbuda minn dan l-Isqof qaddis, li ma kienx jixxaħħaħ fix-xandir tal-Kelma t’Alla, li għażlitu għal ħafna snin bħala l-gwida spiritwali tagħha, u kienet tagħmel dak li kien jgħidilha bi skruplu kbir. Wara ċ-Ċelebrazzjoni qaddisa kien ħuha li ppreżenta lix-xebba Rosina lill-Isqof. Minn dak inhar bejn it-tnejn żviluppat rabta spiritwali b’saħħitha u ta’ siwi kbir fil-mixja li l-Mulej ħejja għall-qaddejja u ħabiba tiegħu. Il-qawwa tar-rabta bejn dawn iż-żewġ ħajjiet kitbet fuqha l-Madre fid-djarju spiritwali tagħha, bid-data 27.11.1925: "...... mindu l-għażiż tiegħi Mons. Blandini għadda għal ħajja aħjar ma kellix aħbaru fit-talb, u dan għalija kien ta’ niket kbir. Iżda tlabt dejjem, kulmeta ftakart fih. Din id-darba rajtu...... O, x’konsolazzjoni kbira ħassejna t-tnejn li aħna! ...... Din kienet laqgħa bejn il-missier u bintu l-maħbuba! Iva, kien iħobbni bl-imħabba ta’ missier. Missieri naturali kien aħrax ħafna, u kien jurini l-imħabba ta’ missier rari ħafna; iżda għal dan il-missier spiritwali kont inħoss sentimenti ta’ bint, u ma naħbix li ħasssejt aktar il-mewt tiegħu milli dik ta’ missieri naturali, kemm minħabba r-raġunijiet li semmejt kif ukoll għaliex meta miet missieri ma kont nifhem xejn". 5. Il-Vokazzjoni Karmelitana Fost l-affarijiet l-oħra li qalet lill-Isqof qaddis Blandini, kien hemm ukoll ix-xewqa li tibda fondazzjoni Karmelitana. Il-Karmelu kien ilu fi Sqallija mis-Seklu XIII: l-istudjużi jżommu ma’ din it-tradizzjoni. Hu veru li għal diversi kunventi l-istorja ddokumentata fl-arkivji turi diversi dati, iżda dawn huma kollha fl-istess seklu. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Karmelu f’Ispica, Padre Lorenzo, li fuqu se nitkellmu ħafna f’dan ix-xogħol, ħallielna dawn in-noti mir-riċerka li għamel: "...... Mill-knisja tal-Karmelu fi Spaccaforno niftakru l-figura nobbli u qaddisa ta’ Padre Salvatore Statella, li kien it-tieni iben ta’ Francesco III, Prinċep ta’ Cassero u Markiż ta’ Spaccaforno, u li twieled fit-18 ta’ Jannar 1678. Meta kien żagħżugħ kien jiddelitta bix-xabla, iżda kien ukoll iħobb il-letteratura, u spiċċa biex ikkonverta bil-ħidma ta’ Fra Girolamo Terzo, il-famuż eremit Karmelitan, li meta miet missieru kien fi Spaccaforno. Dan il-qaddis tar-riforma Karmelitana tefa’ lill-kavallier kelma mhux mistennija, paradossali: ‘Għax ma ssirx qassis, kavallier?’ Andrea, għax hekk kien jismu, studja, sar saċerdot, u fi Spaccaforno bena minn butu żewġ knejjes iddedikati lit-Trinità Qaddisa, għax kien devot ħafna ta’ dan il-misteru. Kien l-ewwel wieħed li daħħal il-‘Kwaranturi’ fil-belt tiegħu; kien iħobb lill-foqra, tant li nistgħu nsejħulu ‘missier il-fqar’, ‘id-difensur ta’ l-orfni, tar-romol u tax-xebbiet fil-periklu’. Dan il-qassis twajjeb sar jaf bil-kunvent tal-Karmelitani, li kien imwaqqaf minn Swor Carmela Montalto, u imħeġġeġ minn din u minn Fra Girolamo Terzo, libes iċ-ċoqqa qaddisa tal-Karmelu. Fl-Ordni ħadem biss għal sentejn, iżda f’dawn is-sentejn waqqaf disa’ kunventi tar-Riforma ta’ Monte Santo. Xi ħadd qabblu ma’ San Ġwann tas-Salib: neża’ minn kulma kellu biex imtela bir-rieda t’Alla. Miet Rimini fit-22 ta’ April 1728." Din il-ħeġġa kienet il-bażi tal-Karmelu fi Spaccaforno. Għalkemm il-kunvent ma kienx baqa’ jeżisti l-ispirtu li kien jeżisti dak iż-żmien wasal sa għand Rosina u sħabha. Ġa semmejna l-bidla f’ħajjitha wara li qrat il-ħajja tas-Serafina tal-Karmelu. L-iSpirtu t’Alla nqeda wkoll bil-qari ta’ "Storja ta’ Ruħ" ta’ Swor Tereża tal-Bambin Ġesù, biex jiġbed lejh għal kollox il-ħajja ta’ Rosina. Pass ieħor importanti kien meta bdiet tersaq b’mod diskret u delikat lejn l-Awtorità tal-Knisja. Blandini kien qagħad jisma’ lil Rosina u inkoraġġiha biex timxi wara leħen Ġesù. L-ewwel esperjenza tal-ħajja reliġjuża ħalliet fiha sinjal profond u xewqa dejjem ikbar biex issir Karmelitana. Issa kellha 19-il sena. Mons. Blandini mar Ispica għaż-żjara pastorali. Dak inhar ukoll bdiet, bejn dawn iż-żewġt erwieħ kbar, korrispondenza frekwenti, għall-ewwel miżmuma b’ċerta għożża, imbagħad bil-prudenza kollha maħruqa. Iżda ejjew inħallu lil Padre Lorenzo jirrakkonta dak li l-Madre qalet waqt lejla fl-1925: "...... Kitba oħra li qegħda f’idejna tissuġġerixxi li, għalkemm minn barra ma kien jidher ebda ħjiel, minn ġewwa kienet tgħix ħajja ta’ kariżmi li m’humiex ordinarji. M’hux il-ħsieb tagħna li nisħqu fuq dan, iżda nixtiequ nirrakkuntaw kif l-attività tagħha żviluppat b’mod konkret, skond il-pjan misterjuż t’Alla. Bejn wieħed u ieħor sentejn wara, Mons. Blandini reġa’ mar Ispica, u staqsa għal Rosa Curcio, li wara li kienet assistiet fl-aħħar mumenti ‘l missierha u ‘l ommha, kienet qegħda tbati minn anemija terribbli li ħallietha bla saħħa u ma kinitx tiflaħ tqum mis-sodda. Meta l-Isqof sar jaf, bagħat jgħid lil Rosina biex tmur għandu, u din, malli wasletilha l-kelma ta’ dan l-Isqof qaddis, riedet tmur għandu minnufih, għalkemm imwieżna minn ħabiba li għamlet karità magħha u minn waħda minn ħutha. Tad-dar ħarsu lejn din l-imġieba tagħha bħala dillirju tal-ġenn. Bl-aħħar sforzi, Rosina fl-aħħar waslet. L-Isqof wennisha, u kliemu kienu balzmu għal ruħha u mediċina għall-marda tagħha, għax ħassitha aħjar mill-ewwel. Fl-aħħar tal-laqgħa l-Isqof - li kien studja fil-fond l-istat psikiku-mistiku tagħha, bi prudenza kbira u b’imħabba sublimi - ħabbrilha li ma kellhiex tbati aktar mill-anemija; mhux biss, iżda li ‘l quddiem kienet se tkun b’saħħitha biżżejjed biex tmur taħdem u taqla’ l-għixien għaliha u għas-sorijiet sħabha." Kollox mar tajjeb?! Ma jidhirx, għax ma damux ma bdew il-provi. Għalkemm ħajjitha kienet iddedikata għat-talb, għar-riflessjoni, għall-manteniment spiritwali, bħal Marija wara t-tħabbira ta’ l-Anġlu, Rosina bdiet tfittex postha fil-ħajja tal-Knisja: riedet mhux biss li tkun inkarnata, iżda li tkun tidher. Bħalma għamlet ma’ Tereża, l-għaqda intima m’Alla ħolqot fiha u rfinat dejjem aktar spirtu ta’ ċaħda tar-realtajiet li kienu madwarha, u għamlet lilha nnifisha għotja sħiħa. Il-personalità u l-attivitajiet tagħha ġibdu lejha s-simpatija ta’ xi tfajliet ta’ mparha li magħha bdew jesperimentaw bil-ħajja komunitarja, l-ideal reliġjuż. Fi ħsiebna għandna lil Maddalena Pisana, wara Swor M. Caterina, u Rosa Giunta, wara Swor M. Maddalena. Kienu l-ewwel tnejn li qasmu ma’ Curcio dan l-ideal ‘tal-ġenn’. Wara daħlu magħhom ukoll Swor M. Nazzarena u Swor M. Gertrude. Swor Maddalena qalet: "Dak iż-żmien is-sejħa Karmelitana bdiet dejjem timmatura, il-ħeġġa u t-talb ma kinux jonqsu. Iddeċidew li jibdew jgħallmu lit-tfajliet tal-post, ħjata u rakkmu, iżda l-aktar kif jitolbu; dan kien l-għan prinċipali...... Wara ftit id-Direttur tat-Terz’Ordni stedinhom biex jieħdu sehem fil-festa tal-Madona tal-Grazzja, u huma marru. Kien dak inhar meta sirt naf għall-ewwel darba lil Madre Crocifissa...... L-entużjażmu ta’ dawn it-tfajliet daħal fija, u filwaqt li ebda waħda mill-familji reliġjużi ma kienet tiġbidni, ħassejt xewqa kbira biex nidħol fit-Terz’Ordni...... Il-Madre, allura, fehmet ix-xewqa tiegħi, u qalet ‘l ommi: ‘Agħtina waħda minn uliedek!’ U d-deċiżjoni ttieħdet dak il-ħin. Mort...... u...... bqajt hemm...... Niftakar li kollox kien sabiħ, minkejja n-nuqqas ta’ qbil inevitabbli...... Iżda bl-imħabba għat-talb u l-penitenza konna negħlbu kollox, u l-paċi kienet terġa’ ssaltan......" L-ideal tagħha, imħawwar b’tant ċaħdiet, tant tbatija, tant penitenza, ma setax ma jnissilx fil-kleru ammirazzjoni u attenzjoni. Tfajla oħra minn pajjiżha riedet tissieħeb ma’ Rosina, iżda ma kinitx sejħa vera u ma damitx ma ssarrfet f’xewka li kabbret il-valur ta’ Rosa tal-Karmelu. It-tfajla riedet lil Rosina taħsibha bħala, iżda Rosina, imnebbħa b’mod sopranaturali, ma damitx ma ntebħet x’pezza drapp kienet dik it-tfajla, u għalhekk ma ntrabtitx magħha. Dan wassal biex, b’għira malizzjuża, it-tfajla ferrxet fuq Rosina u sħabha kalunnji ħoxnin. Dawn ħadu mal-pajjiż kollu, li minnufih inqasam fi tnejn: adwk li kieneu jżommu ma’ l-innoċenti u dawk mal-ħatja. Rosina urtat ruħha tgħidx kemm, iżda m’għamlet xejn biex tagħlaq dak il-ħalq velenuż, għax kienet tafda kollox fil-ħniena t’Alla. Mhux hekk għamel ħuha. Kiteb lill-Isqof Mons. Blandini biex, bl-awtorità tiegħu, iwaqqaf dan l-għidut u jiddefendi l-ġieħ t’oħtu u ta’ sħabha. Mons. Blandini indaħal mill-ewwel b’deċiżjoni għarfa, li wara rriżultat providenzjali: bagħat fil-post lill-futur Isqof dei Marsi, Padre Pio Bagnoli, bħala ko-Viżitatur. L-għidut waqaf verament, għax Padre Bagnoli, Piju fl-isem u fl-imġieba, malajr għaraf kif kienu l-affarijiet eżattament. Rosina fehmet li f’dawn iċ-ċirkostanzi hi kienet oġġett ta’ l-imħabba profonda t’Alla għaliha, għal ħbiebha, għall-ideat tagħha tal-ġejjieni, u fetħet qalbha għal kollox għal Padre Pio, li min-naħa tiegħu, kien imnebbaħ biex jiddixxerni f’ruħha, u inkoraġġiha biex tkompli fit-triq li kienet qabdet; għax hu wkoll, sakemm seta’, fid-dawl tar-rispett li kien igawdi mill-Isqof Mons. Blandini, kien se jmexxi l-kawża tagħha. Padre Pio għandu jkun imfakkar ukoll, u fuq kollox, għall-indikazzjonijiet prezzjużi fl-aċċettazjoni ta' kandidati oħrajn: umiltà, imħabba, għaqda m’Alla, sottomissjoni, spirtu ta’ sagrifiċċju. Għal Madre Crocifissa, dawn saru kriterji veri u propji ta’ dixxerniment, għax kif qal Padre Pio fit-3 ta’ Diċembru 1909, l-unika raġuni għall-ħajja flimkien hi biex isiru qaddisin. Il-Viżitatur għamel rapport lill-Isqof Mons. Blandini li, min-naħa tiegħu, għamel kuraġġ u ammira aktar lil Rosina. Padre Bagnoli taha parir li hi wettqet minnufih: appartament ġdid li jesa’ aktar xebbiet. Kemm hi vera, kiteb Padre Lorenzo, l-istqarrija mnikkta ta’ l-Imgħallem: "Ebda profeta m’hu milqugħ f’pajjiżu". Ispica kenet il-benniena ta’ Rosina, iżda bħala benniena għall-Fondazzjoni Karmelitana l-Providenza kienet ippjanat lil Modica. 6. Il-Polara: L-ewwel benniena F’Modica (Ragusa) kien hemm monasteru mitluq minn xi Karmelitani. Rosina, li marret iżżur xi qraba li qatt ma kienet rat qabel, marret iddur dan il-monasteru abbandunat, flimkien ma’ tnejn minn sħabha. Mulej, int taf toħroġ it-tifħir minn fomm it-tfal u t-trabi: malli xi tfal raw it-tliet iħbieb, bis-sempliċità kollha, bdew jgħajtu: "O, il-missjunarji! Waslu l-missjunarji!" Din kienet profezija; iktar minn awgurju. Il-Madre tgħidx kemm ħadet gost tisma’ dan il-kliem, għax fih rat l-iżvilupp ta’ l-idea tagħha. Qalbha bdiet taqbeż ġo fiha. Bdew iduru (biex ngħidu hekk) il-monasteru: kċina, kamra tax-xogħol, refettorju: kollox fi stat tal-biki. F’daqqa waħda, viżjoni! Soru, soru xiħa, tistenna: ħasbet li dawk it-tlieta, libsin kannella b’velu jgħattilhom rashom, setgħu jagħtu ħajja ġdida lill-monasteru. Ma kienx il-pjan t’Alla; Rosina kemmxet xofftejha. Kienet tkun biċċa xogħol sabiħa, fost il-ħafna, li Modica kienet iġġedded fl-istorja reliġjuża tagħha, għanja fil-monasteri, fil-knejjes, iżda fuq kollox fil-fidi. F’Modica, iva; iżda mhux f’dan il-monasteru se jaqa’ biċċiet! Għallinqas mhux għalissa! L-istorja, wara, kellha tafda lis-sorijiet ta’ Madre Crocifissa dan il-monasteru, rinnovat, imżejjen, imsebbaħ, bix-xogħol tas-Sur Federe Romano, figura nobbli ta’ Modica, li kellu jkollu sehem kbir fil-ħajja u fil-ħidma ta’ Rosina Curcio. Il-Mulej ried lil dawn l-erwieħ sbieħ f’Modica, mhux f’Ispica. Meta marret lura Rosina ma ħasbitx f’ħaġ‘oħra ħlief f’dan il-monasteru. Kienet għarfet li f’Modica kien hemm skop sħiħ għall-ħidma tagħha. Tkellmet fuq hekk ma’ waħda miz-zijiet tagħha, li laqqgħetha mal-venerabbli Kanonku Vincenzo Romano. Dan, bniedem rett u qaddis, ma’ dawn il-valuri kellu wkoll devozzjoni kbira lejn l-Omm tal-Karmelu. Mingħand is-Sinjorina Carmela Polara l-Kanonku Romano kien wiret fondazzjoni biex iwaqqaf u jsostni servizz soċjali, orfanatrofju, u kien qiegħed ifittex xi sorijiet kapaċi biex imexxu dan ix-xogħol. Il-Providenza bagħtitlu quddiemu lil Rosina, li uriet mill-ewwel li kienet disposta. Il-Kanonku anqas biss ried jemmen li kellu quddiemu Terzjarji, u fuq kollox Karmelitani! L-id providenzjali t’Alla kompliet tmexxi l-ġrajjiet ta’ Rosina skond il-pjan ta’ mħabba! Il-Kanonku Romano aċċetta bil-qalb l-għajnuna ta’ Rosina, u għamel xi bidliet fil-proġett biex bena appartament għas-sorijiet li kellhom jieħdu f’idejhom il-monasteru "Carmela Polara" Meta x-xogħol fil-kwartier Sant’Anna kien avvanzat u l-kmamar kienu lesti, kien wasal iż-żmien biex jitilqu, iħallu djarhom, iħallu arthom, iħallu l-kumditajiet kollha. Tnejn minn sħab Rosina ngħaqdu magħha u telqu lejn Modica. Dan it-tluq nistħajlu dak ta’ Abram, li ma kellu xejn żgur ħlief il-wegħda t’Alla. Il-Polara kellu jkun il-bidu ta’ mixja twila, li fl-istorja għadha ma waslitx fit-tmiem tagħha, mhux għax għadha ma waslitx fl-art imwegħda, iżda għax f’din l-art qegħda tiżviluppa l-għeruq tagħha. Il-monasteu laqa’ l-ewwel tifla orfni fil-ġurnata ta’ l-Erbgħa: Carmela. Il-Kanonku, b’ċerta serjetà sempliċi, talab il-Barka t’Alla u raxx fuq kollox l-ilma mbierek. U hekk bdiet ħidma kbira, bħal f’Nazaret! Għalhekk, il-Polara hi l-ewwel benniena tal-Kongregazzjoni. 7. Il-Vestizzjoni, kważi b’kumbinazzjoni, f’Katanja Kollox f’postu, mela?! Mhux għal kollox, għax Rosina kellha ideat ċari ħafna. Riedet ir-rikonoxximent uffiċjali tal-Knisja, li fi ħdanha riedet tnibbet u tkabbar il-ħidma tagħha. Mons. Blandini feraħ ħafna lill-Kanonku Romano għal kif kien mexxa l-ġrajja. Mons. Blandini kien jaf sewwa l-pesonalità, is-serjetà u l-kuxjenza retta ta’ Rosina. Il-bidu kien jipprometti ħafna. It-Terzjarji bdew jgħixu tajjeb il-ħajja flimkien: orarju, talb komunitarju, il-piccola regola. Kienu jindirizzaw il-ħidma tagħhom ukoll għall-għan prinċipali: "jedukaw lit-tfajliet żgħażagħ l-aktar fil-bżonn u abbandunati". Ippressat mill-Kanonku Romano u minn Curcio, Mons. Blandini xtaq jagħti r-rikonoxximent tiegħu, iżda l-prudenza kienet tissuġġerilu biex jistenna; sadattant Rosina u sħabha setgħu jingħaqdu ma’ xi Terz’Ordni li kien ġa kellu l-approvazzjoni. Rosina ġa kienet ippruvat min-naħa tagħha. L-ewwel kienet marret għand Padre Simone Bernardini, Vigarju Ġenerali tal-Karmelitani ta’ l-osservanza l-antika; imbagħad marret għand is-suċċessur tiegħu Padre Pio Mayer. It-tnejn kienu indirizzaw lil Curcio lejn is-Sorijiet Karmelitani tal-kunvent tal-Grazzja, f’Bologna. Kien interessat ukoll Padre Pio Bagnoli, li kien ilu jaf lil Rosina u ‘l sħabha. Waqt żjara f’isem l-Isqof, Padre Pio ssuġġerixxa l-isem ta’ Terzjarji oħrajn li kienu f’Campi Bisenzio, ħdejn Firenze. Lejn l-aħħar tas-sena 1912 Rosina bdiet vjaġġ. Qabel ma telqet afdat il-komunità f’idejn waħda minnhom. Il-komunità issa kienet bdiet tikber, fis-sliem u l-kalma, tant b’żgħażagħ li xtaqu jgħixu l-ħajja reliġjuża kif ukoll b’orfni li kienu jeħtieġu qalb li tħobbhom. Tnejn minn sħabha akkumpanjawha f’dan il-vjaġġ ta’ tama. Fuq dan il-vjaġġ kitbet ittra lil Padre Grammatico, Provinċjal ta’ Sqallija: "...... Dak il-vjaġġ twil swieni ħafna sagrifiċċji (niftakru li saħħet Rosina kienet dgħajfa) u l-imberkin Sorijiet tant talbu affarijiet impossibbli li kelli nerġa’ lura b’idi f’idi, ħlief għal marda li laqqadt minħabba l-kesħa li kien hemm." Fi triqha lura waqfet għand ħuha, Katanja. Din il-waqfa kienet providenzjali: fil-knisja tal-Karmnu f’Katanja kienet qegħda ssir il-Vestizzjoni tat-Terzjarji Karmelitani, bil-velu u l-għotja tar-ras b’kollox. Għal din il-Vestizzjoni kienu jattendu ħafna nies minn kull klassi soċjali. Ħuha, li kien ir-Rettur tal-Fakultà ta’ l-iStudji Umanistiċi fl-Università, li tant għenha moralment u materjalment, ħa lil Rosina għall-Vestizzjoni. Waqt ir-rit Rosina għażlet l-isem li bih ma baqgħetx magħrufa iktar bħala Rosina minn dak inhar, iżda ‘Swor Maria Crocifissa’, skond ix-xewqa tagħha. Kienet ħadet l-istess isem fil-Vestizzjoni fit-T.O.C. (Terz'Ordine Carmelitano) ta’ Ispica fil-15 ta’ Lulju 1893. Minn issa ‘l quddiem aħna wkoll nibdew insejħulha Madre Crocifissa, jew Madre, biss. Kemm kien kbir il-ferħ tagħha meta libset il-libsa sħiħa ta’ Terzjarja! U kemm kienet kbira s-sorpriża mħallta mal-ferħ meta sħabha raw quddiemhom lil Rosina liebsa b’dak il-mod! Għall-ewwel darba sejħulha ‘Madre’, u b’hekk ikkonfermaw u kkonsagraw fis-sempliċità vokazzjoni, mhux ta’ mexxejja, iżda ta’ servizz bl-imħabba. Il-libsa, iżda fuq kollox ruħha mġedda u iktar miftuħa għat-tama, imlew lil Madre Crocifissa b’ħeġġa ikbar fil-ħidma tagħha. 8. Mons. Vizzini: Raġel tal-Providenza Dawn l-avvenimenti ta’ grazzja setgħu iħallu lil Madre Crocifissa waħidha? L-ewwel xewqa instintiva kienet li testendi stedina lid-Direttur Spiritwali tagħha, Mons. Blandini. Iżda Mons. Blandini ma setax: kien qiegħed imut. Il-Madre, bint spiritwali umli u ubbidjenti, ma kienx baqagħlha x’tagħmel ħlief titlob għall-Isqof ‘tagħha’, li reġa’ lura għand il-Missier fit-3 ta’ Jannar 1913. In-niket tad-Djoċesi kien kbir, iżda ikbar kien in-niket ta’ Madre Crocifissa, li kienet tilfet dawl u mexxej. Hawn it-triq tal-Providenza kienet tidher imtebbgħa b’lewn li ma kienx jiftihem. Bħala Isqof ta’ Noto, Djoċesi antika ta’ Sqallija, kien elett Mons. Giuseppe Vizzini, li sa dak inhar kien Professur ta’ l-Università Apollinare ta’ Ruma. F’dan il-kapitlu tal-ħajja tal-Madre rridu niddedikaw attenzjoni speċjali għall-ħidma ta’ dan id-Dinjitarju tal-Knisja, mingħajr ma nidħlu fejn m’għandu jidħol ebda bniedem: ġudizzju fil-mertu. Minn Mons. Blandini għal Mons. Vizzini ma kienx jidher li kien se jkun hemm xi bidla kbira; ukoll jekk, naħseb li Madre Crocifissa, fl-intelliġenza tagħha, qatt ma ħasbet biex tibni ma’ l-Isqof il-ġdid l-istess rabtiet li kellha mal-‘Padre tagħha’, li kien bdiha fil-ħajja spiritwali, kien daħħalha fit-triq tal-qdusija. Żewġ Isqfijiet, żewġ karattri inevitabbli, żewġ modi personali differenti ta’ kif jaraw l-avvenimenti. Ejjew naċċettaw il-finijiet retti ta’ Mons. Vizzini, ukoll jekk jistgħu jkunu aċċettati wkoll il-kliem jaħraq ta’ dawk li sabu ruħhom fl-argument. Iżda ejjew nimxu bl-ordni. X’kienet id-differenza bejn dawn iż-żewġt erwieħ kbar? Sempliċement din: L-Isqof ried lil Curcio u sħabha biex jagħtu l-ħajja lil fundazzjoni Dumnikana li kienet għadha kemm twaqqfet, u li tagħha Mons. Vizzini kien jippretendi li hu l-fundatur. L-ispirtu profond ta’ Rosina Curcio kien Karmelitan, sa mill-bidu ta’ ħajjitha, jista’ jingħad. B’rispett, iżda soda, hi waqfet għall-pressjoni ta’ l-Isqof, u ma ċedietx. Iżda dan kien ifisser tbatija kontinwa, li kellha tispiċċa biss bil-mewt ta’ dan l-Isqof. Il-Madre stess, minn S. Marinella, kellha tiddefendi lil sħabha li kienu baqgħu fil-Polara. Iżda kif kienu sejrin l-affarijiet fil-konservatorju? Din li ġejja hi ittra fuq hekk: “Conservatorju Polara - Modica, 30 ta’ Settembru 1916. Il-Kummissjoni Amministrattiva tal-Konservatorju ‘Carmela Polara’, meta rat u kkunsidrat kemm hu sejjer tajjeb fl-ekonomija, fil-morali u fid-dixxiplina dan l-istitut, afdat għal ftit taż-żmien f’idejn ir-Rev. Swor Crocifissa Curcio, imwielda Rosina, jagħti vot ta’ fiduċja u rikonoxximent lill-istess Curcio għall-onestà u l-ħeġġa tagħha, li huma ikbar mill-possibbiltajiet naturali ta’ ħajjitha. Ħlief, biex niftehmu, il-ġrajjiet u ċ-ċirkostanzi li ħadd m’għandu kontroll fuqhom. L-isbaħ kliem li seta’ jingħad biex ikunu rrikonoxxuti l-merti hu: "...... ikbar mill-possibbiltajiet naturali ta’ ħajjitha......". Minn dan tista’ tkun mifhuma l-imħabba li biha Madre Crocifissa u sħabha kienu daħlu għall-inkarigu u qdew il-missjoni tagħhom. L-ewwel li ffirma dan il-vot ta’ fiduċja kien il-Kanonku Vincenzo Romano, li ħares u sostna din il-ħidma sakemm miet. Iktar ma’ l-ħidma t’Alla bdiet tagħmel progress, iktar il-bniedem ried jagħmlilha bsaten fir-roti. Antagoniżmu falz, jekk fil-Knisja t’Alla jista’ jkun hemm antagoniżmu, daħal bejn iż-żewġ ambjenti tat-Terzjarji Karmelitani u tat-Terzjarji Dumnikani. Din kienet istituzzjoni mwaqqfa fil-belt, iżda, mingħajr gwida, ma setgħetx tieħu ruħ. F’Madre Curcio l-Isqof ra id soda għal istituzzjoni bħal din, u bis-saħħa stedinha biex tieħu f’idejha t-tmexxija ta’ dak il-kunvent, wara li analizza d-dispożizzjoni tajba tagħha għall-ħajja reliġjuża. Il-Madre ċaħdet l-istedina, u ma ħallitux jikkonvinċiha. L-Isqof ma ħax gost, u minflok issielet kontra l-istituzzjoni l-ġdida, ipprova jiddefendi lil dik li kien hemm qabel, u għamel dan b’ħiltu kollha, kultant b’esaġerazzjoni. Kien jurtah ukoll il-fatt meta kien jara li n-nies kienet tippreferixxi lit-Terzjarji Karmelitani. Dan ta lok għal qlajja fost ix-xjuħ kemm tal-Karmelitani kif ukoll tad-Duminkani: Is-Superjura tal-Karmelitani kienet ħalliet il-kunvent Dumnikan għax ma kinitx tiflaħ għall-ħajja reliġjuża u riedet twaqqaf dar ġdida. M’hux veru. Il-ħajja ta’ Santa Tereża kienet ħawditha, u għalhekk riedet din l-ispiritwalità. Konvinċenti kienu iktar il-‘Karmelitani’, minħabba li d-‘Dumnikani’ ma tantx kienu jniżżluha li s-Superjura tagħhom kienet titkellem kontra Curcio mingħajr ma kienet tafha. Ix-xjuħ tad-Dumnikani ħarbu u talbu li jidħlu mal-Karmelitani. Il-Madre ma riditx taċċettahom, fuq parir ukoll tal-Konfessur li kien ħabib ta’ Mons. Vizzini u wisq probabbli kien jaf kif kienu jħarsu lejha u lejn sħabha. Iżda fl-aħħar aċċettat xi wħud minnhom. Il-ġlieda kienet dejjem tikber, u n-nies ta’ l-affari tagħhom li ddefendew lill-Madre ma kinux ftit. Insemmi fuq kollox lis-Sur Fedele Romano, neputi tal-meqjum Kanonku li kellu l-istess isem. Zijuh innifsu kien afdalu l-inkarigu biex jieħu ħsieb l-affarijiet tal-Polara. Dan ix-xogħol hu għamlu tant tajjeb li llum ukoll, il-Polara għadu monument għall-ħeġġa tiegħu. Naħseb li din kienet it-tbatija li ħasset l-aktar! Il-Madre ma setgħetx tkun iktar twajba mas-saċerdoti li l-Mulej laqqagħha magħhom biex ikunu gwidi għal ħajjitha. Insemmu r-Rev. Patri Kapuċċin Franċiż, Padre Gondrand. Dan l-imbierek tgħidx kemm għadda minn nkwiet f’ħajtu, u għalhekk kien jifhem lill-Madre iktar minn kulħadd. Taħt it-tmexxija tiegħu għarfet b’mod grandjuż lil dik l-iStilla żgħira li wara saret l-iStilla tal-Pontifikat ta’ Piju XI: Tereżina tal-Bambin Ġesù. Kien hu li afda lil Madre Crocifissa f’idejn Padre Lorenzo, u kien ferħan se jtir meta dan ta’ l-aħħar wassallu l-aħbar tal-progress li kienet qegħda tagħmel il-familja reliġjuża li kienet għadha kif twieldet. Inħass kuntent ħafna wkoll meta bagħat ittra mill-Greċja li fiha radd ħajr lill-Mulej għall-iżvilupp tal-Kongregazzjoni, u fakkar lil Madre Crocifissa li dan il-miraklu kien sar f’inqas minn għoxrin sena! Għall-kuntrarju r-Rev. Dun Pira, Salesjan, ma fehemx wisq mill-ħajja u mill-kobor tal-Madre. Jista’ jkun li kien influwenzat mill-Isqof, inkella ma daħalx fil-kwistjoni sewwa. Jibqa’ l-fatt li, bħall-Isqof, dan akkuża ‘l-Madre b’illużjonijiet u b’fantasiji, filwaqt li l-Madre kienet takkuża ruħha b’nuqqas ta‘ korrispondenza mal-grazzja tal-Mulej. Meta kienet marida kien jiċħdilha t-tqarbina, u ma kienx iħalli la lilha u anqas lil sħabha jnaddfu l-knisja, għax kien jibża’ mill-Isqof. Dan il-persunaġġ kellu xi ħaġa misterjuża fih. Il-Madre ħafritlu, bħalma kienet taħfer lil kulħadd, u kienet dejjem titlob għalihom. 9. Lejn il-Karmelu Sadattant, waqt li dawn il-kunflitti kienu fl-aqwa tagħhom il-Madre dejjem baqgħet tixtieq twaqqaf familja ġdida Karmelitana: iżda b’karatteristiċi li fuqhom nitkellem iktar ‘il quddiem. B’qalb ħerqana, iktar milli bil-pinna, bdiet iddur issa lejn dak u mbagħad lejn l-ieħor, biex issib li min seta’ joffri l-għajnuna lil din il-familja li kellha titwieled fit-‘taqbida’. Fl-1923 l-id tal-Providenza ntweriet fl-ex-Provinċjal tal-Karmelitani ta’ Sqallija, Patri Alberto Grammatico, li kien kappillan ta' Traspontina, Ruma. Bejnu u l-Madre għaddiet korrispondenza fit-tul. F’dan ix-xogħol se nagħtu spazju wiesa’ lil din il-korrispondenza, għax tgħinna nifhmu xi ftit aħjar il-pjan t’Alla. Kien Patri Pio Bagnoli li ħeġġeġ lill-Madre biex tikteb u wriha kif kellha timxi biex taqta’ xewqitha: Rev. Patri Provinċjal, Il-kitba meqjuma tiegħek nebbħitni b’tama ġdida għat-twaqqif ta’ komunità ġdida f’Messina. Ikkonvinċejt ruħi, jiena wkoll, li hu diffiċli fiċ-ċirkostanzi attwali, iżda lilek mhux se jonqsuk mezzi oħrajn biex din il-familja tant ikkuntrarjata ma tintilifx. Anzi għandi fiduċja sħiħa fit-tjubija tiegħek ta’ missier, u persważa li int se tistudja b’attenzjoni kbira fuq kif jistgħu jkunu salvati dawn uliedek li rrinunċjaw għal kollox u għal kulħadd biex jibqgħu fidili lejn l-Ordni li għażlu huma mindu kienu żgħar. L-istorja ta’ din l-istituzzjoni żgħira hi xi ftit twila u kkomplikata, iżda jien se ngħidha fil-qosor. Il-konfessur u direttur tiegħi kien Mons. Blandini, li kien jafni tifla. Wara li tħarriġt fit-tul u tlabt għall-ideal li kont inħoss inebbaħni, jiġifieri li ningħaqad ma’ xi ħbieb tiegħi tat-tfulija li kienu mnebbħin bħali, u ngħixu flimkien biex nitqaddsu aħna u nqaddsu ‘l-proxxmu tagħna, l-Isqof li semmejt, bi qbil mar-Rev. Patri Beccaro u Mons. Pio Bagnoli, li miegħu kelli x-xorti li nżomm korrispondenza twila, konvinti mir-rieda ċara t’Alla għamluli kuraġġ, minkejja l-ostakli, biex nibda malajr ngħix flimkien ma’ sħabi, kif konna ilna nixtiequ nagħmlu, ukoll jekk f’dar mikrija. Il-Patri u Isqof ‘tiegħi’ berikni flimkien ma’ l-ewwel xebbiet minn sħabi, u xtaqilna kull grazzja tas-sema. Dan l-Isqof qaddis kellu ideal kbir għal din "iż-żerriegħa tal-mustarda" (kif kien isejħilna), li kellha ssir siġra kbira u tifrex il-friegħi tagħha fuq Sqallija kollha. L-irwiefen li qamu kontra tiegħi u kontra sħabi, wara li bdejna l-ħajja komunitarja, kienu tant kbar, li kkonvinċew lill-Isqof tagħna biex jibdlilna l-ambjent u l-belt. Ma domniex ma sibna din id-dar; kienet propju addattata għall-ideal tagħna. Offrewhielna bla ħlas; anzi offrewlna fondazzjoni żgħira biex inkunu nistgħu nżommu xi orfni ċkejknin fiha. L-Isqof ħa pjaċir li konna sibna kollox għal qalbna; u għall-ġid tat-twaqqif tal-komunità l-ġdida tlabt il-barka tas-Superjuri, u jiena stess mort Firenze, jew aħjar fid-dar ċentrali f’Campi Bisenzio biex ninnegozja l-affiljazzjoni ma’ dawk l-imberkin Sorijiet Tereżjani. Iżda wara tant sagrifiċċji li swieli dak il-vjaġġ, l-imberkin Sorijiet talbuni tant affarijiet impossibbli li kelli nwettaq minn qabel, li kelli nerġa’ lura idi f’idi, ħlief għal marda li biha tgħidx kemm batejt, ikkawżata mit-temperatura kiesħa ta’ hemmhekk. Bil-ħniena lħaqt erġajt rajt u għedt b’kollox lill-Patri u Isqof maħbub, għax hu wkoll kien marid, anzi fl-aħħar ta’ ħajtu. Din il-familja kkuntrarjata, b’hekk, sfat orfni. Irrakkuntajt kollox lill-Isqof attwali, u hu wegħdni affarijiet kbar; iżda r-realtà kiene tant kuntrarju!...... Intom, il-Patrijiet ta’ l-Ordni tiegħi, intom tant ‘il bogħod; iżda kieku f’din id-Djoċesi kien hawn xi komunità tal-Karmelitani żgur li s-soluzzjoni għall-problema diffiċli tagħna kienet tinstab aktar malajr. Mons. Vizzini m’għandux tort; id-diffikultajiet li jippreżenta huma konvinċenti. Iżda kieku kellu l-ideal tagħna, kif kellu l-mibki Mons. Blandini, kien jegħleb id-diffikultajiet kollha, kif wara kollox kien għamel mas-Sorijeit Dumnikani, li għalihom ħadem ħafna. Lil dawn kien sabhom f’kundizzjonijiet li kienu se jfarrkuhom u jħolluhom, waqt li issa, bil-ħidma tiegħu, jinsabu f’kundizzjonijiet tajbin ħafna, u waqqfu ħafna djar. Jogħġbok tikteb xi ħaġa lil Mons. Vizzini fuq dan, kif tajtni x’nifhem li se tagħmel fil-meqjuma ittra tiegħek? Agħmel kif jissuġġerilek l-għaqal imdawwal tiegħek; kienu ħafna li wrewni li se jiddefendu l-kawża tiegħi u mbagħad ma waslu mkien. Iżda l-proverbju jgħid li billi tipprova m’int se titlef xejn. Fiduċjuża fl-interess li int, Patri, għandek għal dawn l-ulied tal-Karmelu abbandunati, filwaqt li bl-umiltà kollha nbus il-Labtu mqaddes, nitlob għalija u għal ħuti s-Sorijiet tal-ħajja komunitarja l-barka ta’ missier. Modica, 29.3.1923 Il-Madre ferrgħet ix-xewqa tagħha f’tant qlub, f’dik ukoll ta’ l-Isqof ta’ Trapani, Mons. Raiti, bit-tama li ssib post li ma jkunx proviżorju u fejn l-istituzzjoni li kienet għadha titwieled setgħet tkun indipendenti u awtonoma fil-ħidma appostolika fil-Knisja t’Alla. Il-bogħod, il-bidu ekonomiku diffiċli, ir-riżorsi limitati: bidu diffiċli li jaqta’ qalb l-inizjattiva. Ma rnexxilhiex. Padre Grammatico f’dan l-istadju sar il-ħolqa li għaqqdet żewġt iqlub ‘il bogħod minn xulxin, li ma kinux jafu lil xulxin, iżda li kellhom f’qalbhom l-istess għan. Kien fiż-żmien tal-konflitti, meta Padre Grammatico kien Kappillan ta’ Santa Maria in Traspontina, Ruma, u kellu bħala vigarju Patri Karmelitan mimli entużjażmu. Dan kien Padre Lorenzo Cristiano van den Eerenbeemt, li kien ħabib intimu ta’ Padre Grammatico, tant li miegħu fetaħ qalbu u għarrfu bix-xewqa tiegħu: li jgħin il-missjoni ta’ Ġava billi jwaqqaf fergħa femminili Karmelitana li, mimlija b’din l-ispiritwalità, tkun tista’ tgħin lill-Patrijiet. Padre Lorenzo nnifsu ried imur missjunarju, iżda ma ngħatax il-permess għax kien Professur tal-Kotba Mqaddsa fil-kulleġġ tal-formazzjoni tal-Karmelitani Sant’Albert, Ruma. L-imħabba li kellu għal Tereża ta’ Lisieux kienet iġġiegħlu jħoss li hu kien maħluq għall-missjoni. B’dan l-ispirtu beda jfittex Terz’Ordni li seta’ jipprovdi għall-ħtiġijiet missjunarji. Iżda ma sabx. Padre Grammatco, li kien jaf bix-xewqa tant għal qalb Madre Crocifissa, għadda l-ittra tagħha lil Padre Lorenzo. Wara li qara l-ittra, Padre Lorenzo għamel mill-ewwel kuntatt ma’ Madre Corcifissa: “Ruma, 23 ta’ Ġunju 1924. Ksibt l-indirizz tiegħek mingħand ir-Rev. Padre Grammatico, Professur fil-kulleġġ internazzjonali tagħna, fejn qiegħed jien. Ili ħafna nixteiq inwaqqaf Terz’Ordni regolari Karmelitan għall-missjonijiet (b’missjoni nifhem ukoll dik fil-pajjiżi fejn hemm l-emigranti tagħna). Staqsejt lis-Sorjiet Karmelitani tagħna ta’ Bologna biex nara jekk dawk is-Sorijiet ridux iħaddnu wkoll din l-attività. Weġbuni li għalissa ma jistgħux jaqtgħuli xewqti, u għalhekk, wara li kellimt lil Padre Grammatico, qed nikteb lilek biex nara hux possibbli nibda din il-ħidma qaddisa u tal-ħniena bl-għajnuna tiegħek. Biex niġu għall-prattika: hawn, Ruma, jista’ jkun li jkolli l-għajnuna finanzjarja u morali ta’ persuna li għandha l-mezzi, li hi devota u attiva fl-organizzazzjoni. Barra minhekk, ġa għandi żewġ jew tliet vokazzjonijiet ċerti (u għall-ġejjieni m’għandix qalbi maqtugħa). Ma’ dan għandi l-appoġġ tas-Surperjuri u ta’ ħafna Saċerdoti Rumani oħrajn. Mingħandek, għalhekk, nixtieq: Rev. Madre, qrajt l-itra li int bgħatt lil Padre Grammatico sena ilu: naħseb li jekk ngħaqqdu flimkien l-isforzi tagħna, ix-xewqa qaddisa tiegħek tista’ ssir realtà. It-Terz’Ordni tiegħek ikollu fil-Knisja ġejjieni kbir. Inżid ngħidlek li, billi jien għandi ħafna ħbieb barra minn pajjiżna, din il-ħidma tista’ ssir b’mod faċli internazzjonali, kif inhi internazzjonali l-Knisja t’Alla. Nittama li int ma tweġibnix ‘le’. Ir-raġuni li għaliha nħossni mqanqal lejn din l-istituzzjoni ġdida hi li Santa Tereża u Tereża ż-żgħira kellhom xewqa kbira li jaqdu ‘l Alla fil-missjonijiet, u għax fil-missjonijiet hemm verament ħtieġa kbira ta’ erwieħ qaddisa. Ili ġa sena nikteb u nittama f’Alla għal din il-ħidma qaddisa, li għandha tħaddan id-dinja kollha, il-ġnus kollha, ukoll iċ-ċiviltajiet il-fqar. Nitolbok għalhekk li tweġibni malajr kemm jista’ jkun, biex jekk int ma tkunx tista’ taqtagħli xewqti jkolli żmien biżżejjed biex navviċina li xi ħadd ieħor, jew xi istitut ieħor, billi fi ftit jiem se jkolli nħalli Ruma. Afda din il-ħidma kbira fil-Mulej, fl-Omm Verġni tagħna, fil-Qaddisin kollha ta’ l-Ordni, fil-glorjuż Appostlu Missjunarju San Franġisk Saverju. Insellimlek, Rev. Madre, fis-Salvatur li ġie biex isalva d-dinja kollha, u nafda din l-ittra lill-Verġni Marija. L-umli ħuk f’Ġesù Kirstu. Fuq il-Madre din l-ittra twila kellha l-effett ta’ balzmu fuq il-feriti numerużi li kienu għadhom miftuħin; tant li wieġbet mill-ewwel: “Marija! Rev. Patri, Il-meqjuma ittra tiegħek tat-23 waslitli, u jien ilqajtha bil-ferħ, tant li għadni ma nistax nemmen...... Qrajtha u erġajt qrajtha: fl-aħħar sibt Patri mill-Ordni qaddis tagħna li jrid jaqsam miegħi l-ideal kbir tiegħi!? Int, Rev. Patri, ilek sena tikteb u tafda f’Alla din il-ħidma qaddsia li għandha tħaddan id-dinja kollha, iżda jien ili noħlom b’dan l-ideal kbir minn tfuliti. Batejt kull tfixkil u persekuzzjoni, u ħafna iktar, mis-Superjuri Ekkleżjastiċi, għax huma jsejħu x-xewqat tiegħi ‘illużjoni’ u ‘affarijiet li qatt ma jistgħu jseħħu. Għaddewna minn kull prova iebsa, lili u lis-Sorijiet twajbin sħabi, biex jaqtgħulna qalbna, iżda fit-talb u l-ħarsien tal-Veġni Qaddisa tal-Karmelu sibt is-sigriet biex nippersevera sa llum, u nibqa’ nbati l-abbandun tagħhom. Ridt nurik fil-qosor l-ostakli li sabet ix-xewqa tiegħi, biex niċċaralek il-kondizzjoni tiegħi, għax nibża li int ġejt għandi għax taħseb li jien nirrappreżenta komunità ta’ xebbiet reliġjużi Karemlitani ġa ffurmati fil-veru spirtu ta’ l-Ordni qaddis tagħna. Ilna magħqudin flimkien, jien u s-Sorijiet twajbin sħabi, ħmistax-il sena (bil-kunsens ta’ l-Isqof Blandini, id-direttur spiritwali tiegħi). L-Isqof mhux biss kien ibierek l-ideal tiegħi, iżda għamlu wkoll tiegħu, għax kien jgħidli li jien kont iż-żerriegħa tal-mustarda li kellha ssir siġra kbira li tifrex il-friegħi tagħha fid-dinja kollha. Dan ir-Rgħaj tajjeb ma damx ħaj wisq wara l-bidu tal-ħajja komunitarja tagħna, u ħalla kollox nofs xogħol; lil din il-familja ta’ Marija ħalliha miftuħa beraħ għal kull xorta ta’ tempesta, għalkemm sa llum għadna nipperseveraw u nittamaw dejjem. L-Isqof attwali ma riedx jaf bija u bil-komunità tiegħi, għax fid-Djoċesi tiegħu ma jirdx jaħlaq Kongregazzjoni oħra, billi aħna qegħdin ‘il bogħod mill-Patrijiet ta’ l-Ordni tagħna, u għalhekk, mitluqin f’dan l-abbandun, aħna nitolbu u nagħmlu kull xorta ta’ xogħol tan-nisa. Jekk int trid tinqeda b’din il-komunità nofs kedda għal biċċa xogħol tant diffiċli, niġi jiena stess, flimkien ma’ xi Sorijiet tiegħi. Il-kundizzjonijiet ta’ saħħti m’humiex tajbin daqs kemm kienu fl-imgħoddi, minħabba t-tilwim kontinwu. Il-formazzjoni u l-kapaċitajiet tiegħi huma limitati ħafna. Ix-xewqat tiegħi, li sa llum fnewni għax dejjem sibt l-ostakli kontrihom, huma kbar. B’danakollu, jekk int kuntent bija, naċċetta minn issa, u filwaqt li nerħi ruħi fil-Qlub iMqaddsa ta’ Ġesù u ta’ Ommi tal-Ħniena, inwieġbek: ‘Ecce Ancilla Domini’. Nista’ ngħin biex nagħti bidu għal din il-Ħidma kbira, megħjuna minnek u mill-Patrijiet twajbin, li fuqhom dejjem ħlomt iżda li, sa llum, qatt ma ltqajt magħhom, biex niggosta l-kobor ta’ l-Ordni qaddis tiegħi. Int ktibtli li ma tibżax mill-ġejjieni, u anqas jien; iż-żerriegħa għad tagħti l-frott. Alla jinqeda bil-ħwejjeġ inutli biex jiddi fil-kobor tiegħu. Semmewli ħafna fondazzjonijiet, iżda sa llum qatt m’aċċettajt għax kollha kienu ‘l bogħod mill-Patrijiet ta’ l-Ordni qaddis tagħna. Kemm hu diffiċli jinfirex it-Terz’Ordni! Nistenna mingħandek biex inkun nista’ nirregola ruħi, għax nippreferixxi xi proġett tiegħek jekk int taċċetta l-kundizzjonijiet tiegħi. F’dawn il-jiem se nagħmlu talb speċjali lill-għażiża Tereżina tagħna biex tidħol għalina għand il-Qalb iMqaddsa ta’ Ġesù u taqlagħlna l-grazzja li nwasslu sa tmiemhom il-pjani tiegħu. Bil-qima nbus il-Labtu Mqaddes, u l-istess jagħmlu s-Sorijiet tiegħi u t-tfal li nieħdu ħsieb. Nitolbok il-barka tiegħek. Swor Maria Crocifissa Curcio |
10. Padre Lorenzo u Madre Crocifissa Kif tistgħu taraw l-aċċenti ta’ dawn iż-żewġ ittri huma b’mod ċar aċċenti ta’ proġett li kellu jitwettaq għax ried hekk Alla, u fuq kollox fih il-mottivi li mexxew il-ħajja kollha fuq din l-art ta’ Madre Crocifissa u Padre Lorenzo. - Hemm il-ħolma ta’ żewġt iqlub; ħolma tagħhom it-tnejn: Is-Saltna t’Alla li tinfirex. Dan kollu kien imħallat ma’ fiduċja silenzjuża u bla tarf li kienet ġejja mill-provi li fil-ħajja tal-Madre saż-żmien li qed nitkellmu fuqu ma naqsu qatt, u anqas ma naqsu f’ħajjet dawn it-tnejn min-nies. X’kellu jwieġeb Padre Lorenzo? Kemm hu sorpriża l-fatt li l-“qaddisin" jaqblu mill-ewwel!! Qishom kienu ilhom jafu ‘l xulxin is-snin: qishom kienu ġa miftehmin, tant li l-Patri saħaq fuq is-saħħa tal-Madre u qalilha biex toqgħod attenta għax, (u dan hu importanti ħafna) hu kien se jaċċetta l-preżenza tagħha għax: "...... għalija biżżejjed qalbek u l-kliem tiegħek......" Iż-żewġ ideali huma simili għal kollox, ukoll jekk il-Patri insista aktar fuq il-ħidma fil-missjoni għal din l-istituzzjoni ġdida. Madre Crocifissa kienet dejjem taħseb fuq dan il-binarju, u l-missjoni kienet għaliha l-mod li bih tlaħħam l-imħabba kbira u universali. L-għanijiet li qanqlu liż-żewġt iqlub kienu ċari. Iżda l-Patri ried jespirmi sentiment bil-miktub: “Rev. Madre, kompli itlob lill-Mulej u lill-kbira u żgħira Tereża. Int taf, bl-esperjenza, kemm l-inizjattivi tajbin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet, u minkejja li bħalissa kollox jidher sejjer tajjeb, nistenna li l-għadu ta’ dak kollu li hu tajjeb joħolqilna xi gwaj. Iżda nittamaw fl-imħabba bla tarf tal-Qalb ta’ Ġesù u fl-għażiża Omm Verġni tagħna li negħlbu kull ostaklu. Wara kollox din hi ħidma t’Alla, u jekk irid Hu din l-inizjattiva tinbet u twarrad u timmoltiplika ruħha. Aħna mhux se nagħmlu dan għall-glorja tagħna, iżda biex insalvaw ‘l-erwieħ. Il-glorja għandha tingħata lilu biss, li minnu ġej kull ġid u kull ħsieb tajjeb......" (Ittra ta’ 1.7.1924.) Hu tajjeb li nisħqu minn issa fuq il-fatt li hawn bdiet dik il-ħbiberija spiritwali qawwija, li ngħatat ir-ritmu mill-qdusija tat-tnejn min-nies, u li kellha tgħin lill-Patri u lill-Madre biex jikbru jum wara ieħor fil-grazzja t’Alla. Din il-ħbiberija tidher ċara iktar ‘il quddiem, meta nistudjaw il-ħajjiet paralleli ta’ dawn iż-żewġ persunaġġi. Din l-esperjenza ta’ grazzja kienet l-ewwel, u forsi l-unika, komunikazzjoni li huma kellhom jipprattikaw bejniethom. U għalhekk, l-ittri ta’ bejniethom, iktar milli korrispondenza kiesħa, issarrfu fl-għotja ta’ wieħed lill-oħra, biex imbagħad it-tnejn taw lilhom infushom lill-Mulej u lill-Knisja. Il-Madre wieġbet: “...... Qed noħlom, jew jiena mqajma? Le, dan veru; fl-aħħar qed naqra l-ħeġġa, l-entużjażmu, l-ispirtu Karmelitan. Dan hu l-Patri ta‘ l-ideal ta’ tfuliti li qed jiktibli tant imdawwal; li qiegħed jagħmel tiegħu il-ħsibijiet u l-għanijiet tiegħi...... Patri, li ħa gost, kitibli fuq qalbi u fuq il-kliem fqir tiegħi! It-tjubija tiegħek tħawwadni u tkattar fija l-fiduċja fil-Qalb Ewkaristika...... Qalb Madre Crocifissa bdiet tinfetaħ għal din il-manna ġdida. L-għotja sħiħa tagħha, li kellha tagħmel minnha Karmelitana mudell, bdiet ittella’ fil-wiċċ il-personalità tagħha, li kienet magħmula minn intuwizzjonijiet spiritwali u axxetiki, iżda fuq kollox kuraġġ kbir. Iktar ma jgħaddi ż-żmien il-mixja spiritwali tagħha kellha tkun ikkratterizzata b’ħeġġa u maturità akbar, u f’ċertu sens kellha tkun iktar raġunata jekk wieħed iħares lejha mill-punt sopranaturali u ekkleżjali fl-istess ħin. Hawn ta’ min wieħed jisħaq, minn naħa, fuq id-disponibbiltà tagħha għall-ħidma tal-grazzja t’Alla, u minn naħa oħra, fuq l-influwenza ċara li Padre Lorenzo kellu fuqha, bil-formazzjoni tiegħu axxetika, teoloġika, bibblika. Żewġt iqlub li qishom twieldu wieħed għall-oħra, wieħed ma’ l-oħra, flimkien għall-oħrajn. Flimkien fis-smiegħ ta’ l-Assolut biex il-wieħed jifhem permezz ta’ l-oħra l-pjan u l-proġett t’Alla, li kellhom iwettqu flimkien. U dawn iż-żewġ fidili li kellhom iwettqu l-pjan t’Alla fittxew ukoll il-kunsens tal-Knisja. Padre Lorenzo ma tilifx żmien biex jagħmel dan, u kkomunika fuq hekk mal-Madre fl-ittra li bgħatilha minn Napli, bid-data ta’ l-14 ta’ Awissu 1924: “...... Inħabbarlek li għandi l-permessi kollha mill-Awtorità Ekkleżjastika biex inwaqqaf din l-Istituzzjoni. Il-Kardinal Pompili, Vigarju ta’ Ruma, ħallieni għal kollox fil-libertà. Għalhekk, minn dik in-naħa m’għandix minhiex nibża’......" Padre Lorenzo, miskin, ma kienx jaf li ħafna mid-diffikultajiet, bħal ġojjelli tal-Providenza, kellhom jinbtu, appuntu, minn dik in-naħa......! X’kien it-tħassib ta’ Madre Crocifissa? U x’kien dak ta’ Padre Lorenzo? Jista’ jkun li dan ta’ l-aħħar ried jgħaġġel xi ftit. Dan jidher mill-fattt li inkoraġġixxa u aċċetta malajr vokazzjonijiet oħrajn, li kienu għaddew mill-prova, biex ikabbar il-fondazzjoni, billi kien hemm min iridha titwaqqaf malajr. Jista’ jkun ukoll li, fl-aħħar, kien qed jara t-tmiem ta’ stennija twila: “Il-Mulej - qal il-Patri - stenniek ħmistax-il sena; forsi issa wasal iż-żmien tat-twettieq......" Għall-kuntrarju, il-Madre, għalkemm ma kinitx tara s-siegħa u l-mument biex tibda x-xogħol mal-Patri twajjeb, u minkejja li issa kienet tħossha tajba wara vaganza qasira terapewtika, kienet iktar prudenti. Bħala prioritá assoluta kienet għażlet, mhux tant il-fondazzjonijiet ġodda, daqskemm - tgħid hi: "...... Għalissa m’hux prudenti li nitferrxu, minkejja l-offerti konvenjenti kollha. Wara formazzjoni fl-ispirtu reliġjuż Karmelitan, li nakkwistaw bl-għajnuna tal-Verġni Qaddisa u tal-Patrijiet, imbagħad niftħu t-tined tagħna......" Hu ovvju, allura, li wara dik l-għażla ta’ priorità, tissaħħaħ il-fidi u tikber it-tama: "...... Patri, it-twettieq tal-pjani divini, iż-żerriegħa midfuna għal tant snin li kienet tidher ikkundannata biex tintrifes u tispiċċa, issa se ssir siġra kbira li tifrex il-fiegħi tagħha fid-dinja kollha. Dan kien l-awgurju profetiku tal-għażiż tiegħi Mons. Blandini......" L-għeruq ta’ l-ispirtiwalità tagħha rridu nfittxuhom fuq kollox fil-konvinzjonijiet li jinħallu fuq: "...... id-dmugħ morr iżda mbierek u t-tilwim: iva, veru: għaddew ħafna u ħafna snin, nista’ ngħid li minn tfuliti. Malli akkwistajt l-użu tar-raġuni u fhimt l-ipirazzjoni tas-sema, tlaqt il-logħob u kollox warajja, u ddedikajt ruħi għat-talb li minnu kont nakkwista l-qawwa misterjuża......" Din il-“qawwa misterjuża", li semmiet, hi l-qawwa tat-tkabbir tal-bidu. Iżda, fl-istess ħin, turi wkoll l-għan aħħari: “...... U għalhekk jiena lesta biex nimxi warajk u nitlef kollox, biex insib kollox fir-rieda t’Alla!......" F’dan il-kliem issib l-ewwel bażi ċ-ċaħda tagħha; ix-xewqa li tisparixxi quddiem ir-rieda divina. 11. Napli-Arenella: Villa Avallone Sadattant fix-xefaq bdiet tinbet l-dea li l-Istitut il-ġdid ikun organizzat tajjeb. Il-Patri talab lill-Madre n-nisġa tar-Regola tat-Terz’Ordni l-ġdid; u meta kien Napli ta ħjiel li f’dik il-belt jiftaħ dar tan-novizzjat għall-formazzjoni tal-vokazzjonijiet il-ġodda. Fis-6 ta’ Settembru 1924 il-Patri kien, appuntu, Napli, f’Villa Avallone ta’ l-Arenella. Mar hemm flimkien ma’ l-istudenti tal-Kulleġġ Sant’Alberto ta’ Ruma, għas-sajf. Skond Padre Lorenzo, il-Patri Ġeneral kien lest li jagħti l-kunvent fejn kienu qegħdin joqogħdu lill-Istitut il-ġdid u għad-dar tal-formazzjoni għan-novizzi u għall-postulandi. L-Istitut seta’ jkun allokat hemm sakemm isib dar f’Ruma, li dak iż-żmien ukoll kienet meqjusa bħala l-benniena tal-Kristjaneżmu, u għalhekk belt fil-ħolm ta’ kull fondazzjoni, minħabba li allokazzjoni f’din il-belt kienet meqjusa b’pass tajjeb lejn rikonoxximent mill-Awtorità Ekkleżajstika. Il-Patri stieden lill-Madre biex tmur Napli, "ukoll jekk kellu joħroġ l-ispejjeż hu", biex tkun tista’ tiftihem mal-Pirjol tal-Karmelu Maġġuri li, skond il-Patri, "...... jibqa’ l-ewwel post tal-pellegrinaġġ ta’ Napli......" Fil-Polara ta’ Modica, fejn sadattant l-affarijiet kienu mexjin, ukoll jekk mhux mingħajr diffikultajiet oħrajn, setgħet tħalli Soru li kienet kapaċi li tmexxi minflok is-Superjura. Il-Patri tkellem b’deċiżjoni kbira, u saħansitra semmielha data, it-30 ta’ Settembru, jum iddedikat għat-tifkira tal-Qaddisa żgħira kbira, biex isir il-ftuħ uffiċjali tad-dar tal-formazzjoni, "ikkonsagrata għall-Istituzzjoni l-ġdida". L-ispirazzjoni divina timla l-kitba tal-Madre li, waqt li titkellem fuq il-Fondazzjoni l-ġdida, tkompli turi l-karattru tagħha. Filwaqt li l-Patri beda jqiegħed ġebla fuq oħra, il-Madre bdiet taħseb fuq l-għaqda ta’ bejniethom: “...... Huma ċerti t-tamiet sbieħ li qrajt fl-ittra tiegħek ta’ dan ix-xahar, u fihom inħoss il-ferħ kbir li se nħoss f’qalbi meta, fi ftit ġranet oħra, ikolli x-xorti li nara l-ħolm tat-tfulija tiegħi isir realtà. Nieħu gost naqra li int, Rev. Patri, int żgur għal kollox li l-ideal tiegħek kien dejjem dak tiegħi; u jekk ma qatgħetlix qalbi l-prova terribbli ta’ l-abbandun tas-Superjuri, tista’ taħseb issa, meta sibt lilek, Rev. Patri, li f’idejk l-Awtur ta’ kull ġid ħalla din il-familja Karmelitana li għadha kif twieldet! Il-Patri, min-naħa tiegħu, wieġeb hekk: “Rev.da. Madre, il-kuraġġ u l-fiduċja tiegħek u, b’mod speċjali l-offerta kbira li għamilt, isabbruni. Il-Mulej jaf li jien ma nixtieq xejn aktar milli nkun strument f’idejh: ħa jagħmel minni li jrid......" Il-qbil bejn it-tnejn, kif għedt qabel, kien issarraf f’sinkroniżmu ukoll meta kienu jkunu ‘l bogħod minn xulxin; b’mod speċjali fuq il-kontenut, fuq il-konklużjonijiet, fuq il-prospettivi. Fl-24 ta’ Settembru 1924 Padre Lorenzo rċieva pakkett postali, li kien fih il-Kostituzzjoni. Kien sodisfatt ħafna, tant li qal: “...... Kuntent ħafna meta nara li l-ideat tiegħi jaqblu ħafna mal-Kostituzzjoni tiegħek......" Sadattant bdiet tikber ix-xewqa fit-tnejn li jsiru jafu lil xulxin mill-qrib. Lill-Madre beda jinkwetaha l-ħsieb li tmur tiftaħ id-dar il-ġdida u l-Patri jkun ‘il bogħod. Il-ħsieb li kellu jkun hemm il-Patrijiet l-oħrajn ma kienx jikkalmaha. Il-Patri, min-naħa tiegħu, kompla: “...... F’dawn il-ġranet jien qed nistennik f’Napli...... Ejja, u imqar ibagħtli telegramm biex tgħidli fi x’ħin se tasal Napli......" Inqalgħet problema: il-wegħda tad-dar taret mar-riħ. Kien meħtieġ jaraw dar oħra, u l-Madre biss setgħet tgħid kinitx tajba bħala dar tal-formazzjoni jew le. Tbatija u nkwiet; iżda tamiet ġodda wkoll: il-Patri Ġeneral kien qed jivvjaġġja fl-Irlanda, u minn hemm bagħat jgħid li hu kien jagħti l-kunsens tiegħu lill-Opra l-ġdida. 12. L-Ewwel Laqgħa Fl-aħħar il-jum li fih iltaqgħu għall-ewwel darba wasal. Meta saru jafu lil xulxin personalment it-tnejn ħassew delużjoni kbira: Min jaf għaliex il-Mulej ried li din l-ewwel laqgħa ta’ bejniethom isseħħ f’Napli, belt ta’ taħlit stupend ta’ karatteristiki?!? Napli, fejn is-sema ċelesti hu maħrut u msoqqi bir-raġġi ta’ xemx li, flimkien mal-baħar, tpinġi xenarju meraviljuż tal-ġenna, u fejn din is-sbuħija, flimkien mal-paċenzja sekolari tal-Partenopei, jirnexxilha taħbi b’delikatezza fina t-tbatija intima li jidher li hi parti essenzjali mill-karattru Naplitan. Madre Crocifissa, Padre Lorenzo; taħlita ta’ sema u baħar. Filwaqt li s-sema joffri lit-tnejn telgħa ‘l fuq għal ħajjithom, il-baħar jiddisinnja dimensjoni għall-Opra tagħhom. "It-toroq tagħkom m’humiex it-toroq tiegħi, - jgħid il-Mulej - ix-xewqat tagħkom m’humiex ix-xewqat tiegħi......" (Is. 55: 8.) Din il-ħasda ħassewha fil-bidu biss |