QUDDIEM IL-MADONNA TAL-KARMNU
ta’ Patri Anastasju Cuschieri, O.Carm.
Li kont warda kollni fwieħa
B’weraq sbieħ qatt ma jidbielu,
Minn ħdejk qatt ma kont nitbiegħed,
O Reġina tal-Karmelu.
Li kont għanja qatt ma tiskot,
Li kont leħen ta’ qanpiena,
Ismek dejjem kont intenni,
Omm u Xbejba ta’ kull hniena.
Li kont sħaba lewn il-fidda,
Li kont kewkba kollni dija,
Ħadd minn ħdejk ma kien jaqlagħni,
O wiċċ ħelu ta’ Marija.
Li tant qlub kelli ġo fija
Daqs kemm ramel fih il-baħar,
Lilek biss kont inħobb dejjem,
B’ismek biss kont jien niftaħar.