Arti
Letteratura

KTIEB
L-ISTROFI TA’ L-GĦANJA
BEJN IR-RUĦ U L-GĦARUS
Kitba: San Ġwann tas-Salib, Duttur tal-Knisja
Traduzzjoni: P. Hugh A. Mallia, O.Carm.
Stampat: Ruma 1980
Daħla
F’din id-daħla qasira, ma nistax nagħti għajr ħjiel mill-ħajja ta’ San Ġwann tas-Salib, id-duttur Karmelitan tat-teologija mistika. Biex tikteb ħajtu trid wisq aktar tul minn dawn l-erba’ paġni tassew qosra.
Twieled f’Fontiveros, ħdejn Avila fis-sena 1542. Daħal fl-Ordni Karmelitan fis-sena 1563 u ġie ordnat saċerdot fl-1567, sentejn wara li spiċċa l-Assedju l-Kbir ta’ Malta. F’dik is-sena stess iltaqa’ ma’ Santa Tereża f’Medina del Campo. Minħabba xi tilwim li kien hemm bejn il-Karmelitani u dawk li riedu r-riforma tal-Karmelu, San Ġwann spiċċa fil-ħabs Karmelitan ta’ Toledo. Kien f’dan il-ħabs li kiteb ħafna mill-istrofi ta’ l-Għanja bejn ir-Ruħ u l-Għarus. Wara li ħarab mill-ħabs fis-sena 1578 baqa’ dejjem jgħin lil Santa Tereża fix-xogħol tagħha. Miet Karmelitan f’Ubeda nhar l-14 ta’ Diċembru ta’ l-1591. Il-Papa Klement X għamlu beatu nhar il-25 ta’ Jannar tas-sena 1675; Benedittu XIII ikkanonizzah nhar is-26 ta’ Diċembru 1726 u l-Papa Piju XI iddikjarah duttur universali tal-Knisja nhar l-24 t’Awwissu ta’ l-1926.
Meta wieħed jitkellem mill-Għanja tar-Ruħ ta’ San Ġwann tas-Salib, jinħtieġ li jagħmel distinzjoni bejn l-Għanja bħala poeżija fiha nfisha, u l-Għanja bħala kummentarju miktub minn San Ġwann tas-Salib biex ifisser l-istrofi ta’ l-Għanja li kien kiteb. Dan ix-xogħol ta’ San Ġwann tas-Salib deher stampat għall-ewwel darba snin wara l-mewt tiegħu, kif ukoll wara li kienu dehru għad-dawl ix-xogħolijiet l-oħra kollha tiegħu. Forsi għalhekk li jeżistu ħafna kopji manuskritti ta’ dan ix-xogħol miktubin minn idejn diversi.
Fost il-ħafna kodiċijiet li għadhom jeżistu sal-lum, għandhom importanza kbira dak ta’ San Lukar de Barrameda (magħruf ukoll bħala l-ewwel redazzjoni jew “A”) u dak ta’ Jaen (magħruf ukoll bħala t-tieni redazzjoni jew “B”). Hemm tibdil mhux ħażin bejn dawn iż-żewġ kodiċijiet, kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ l-istrofi kif ukoll għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ordni li fih jidhru u l-kummentarju li kiteb fuqhom l-awtur. Fit-traduzzjoni tiegħi mxejt mal-kodiċi ta’ Jaen, kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ l-istrofi kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ordni li fih jidhru.
Il-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib hija biċċa xogħol iebsa għal min irid jaqlibha f’xi ilsien ieħor. Inżid ngħid li hija wisq aktar iebsa minn traduzzjoni ta’ poeżija ta’ xi awtur ieħor. Ngħidha bla tlaqliq li għalkemm ħdimt fuq li ħdimt biex noħroġ traduzzjoni fidila u fl-istess ħin letterarja, il-biċċa xogħol artistika tibqa dejjem dik fl-oriġinal Spanjol kif ħarġet minn idejn il-qaddis. Dik hija biċċa xogħol ‘unika’ u kull min jitħajjar li jaqlibha f’xi lsien ieħor irid iżomm dejjem f’moħħu li qiegħed jimita artist ieħor li laħaq il-quċċata ta’ l-arti u li l-versi tiegħu jdoqqu b’armonija tas-sema.
L-għamla ta’ strofa li uża San Ġwann tas-Salib, magħrufa fil-metrika bħala ‘canzone’, bir-rima komplikata li għandha hija iebsa biex taqliba għall-Malti. Fl-ilsien Malti, ir-rima trid tħallas qares għaliha u waqtiet, kif jgħidu uħud mill-aħjar poeti tagħna, magħha jiċċarċar id-demm. Nimxi pass ieħor ‘il quddiem: San Ġwann, kif diġa għidt, ma kitibx il-poeżija biss u ħalliena bil-jedd f’idejna li nifhmu kif irridu dak li kiteb. San Ġwann rabatna għal kollox ma’ dak li ħareġ mill-pinna tiegħu għaliex ikkommentah huwa stess u qallek xi jfisser. Min jidħol għal biċċa xogħol li jaqleb f’xi lsien ieħor il-poeżija ta’ San Ġwann irid qabel xejn jistudja sewwa dak li ried jgħid hu fil-kummentarju tiegħu u mbagħad jibda x-xogħol tat-traduzzjoni. Ma tistax taqbiżlu xi ħsieb jew tħalli barra xi kelma jew tuża tifsira oħra tagħha minħabba r-ritmu jew ir-rima. Kollox għandu t-tifsira tiegħu fid-duttrina mistika ta’ dan id-duttur tal-Knisja. Kien għalhekk li ħdimt bla rima fit-traduzzjoni tiegħi u għamilt kemm stajt biex naqleb għall-metrika tagħna l-versi tal-‘canzone’ ta’ San Ġwann tas-Salib.
Niżżiħajr ‘l Alla li temmejt din il-biċċa xogħol li ilha s-snin iddur miegħi fuq l-iskrivaniji tiegħi minn naħa għall-oħra tad-dinja, issa nlesti biċċa u issa norqom xi biċċa oħra. Kienu ħafna dawk li għamluli l-qalb biex nissokta u ta’ dan nibqa nafulhom. Jalla min jaqra dawn l-Istrofi jitħajjar biex jistudja u jgħix il-ħajja ta’ għaqda m’Alla li jitkellem minnha. Dan kien il-qofol tat-tagħlim kollu ta’ San Ġwann tas-Salib u din kienet dejjem ix-xewqa tiegħu.
P. Hugh A. Mallia, O.Carm.
Ruma, 1 ta’ Mejju 1980
B’dedika
lill-mibkijin
Mons. Redent Gauci
u
Patri Ewġenju Tonna
Karmelitani
li t-tnejn xtaqu ħafna
li jaraw mitbugħa
din it-traduzzjoni
noffri
b’tifkira.
h. a. m.
|
L-ISTROFI TA' L-GĦANJA BEJN IR-RUĦ U L-GĦARUS
L-Għarusa
- Ah! fejn twarrabt tinħeba,
Maħbub, u ma smajtnix għalik nitniehed?
Bdejt tiġri qisek ċerva,
Wara li kont ferejtni;
Jien ġrejt warajk ingħajjat, u kont ħrabtli.
- Ragħajja, intom li tiġru
Hemm fuq, minn dura għall-oħra fil-quċċata,
Jekk xi darba tiltaqgħu,
Ma’ min ħabbejt għall-aħħar,
Għidulu: Qed tinfena, tbati w tmut.
- Ħa nfittex lil imħabbti,
Ser niġri ma’ l-għoljiet u qalb ix-xmajjar,
Ma niġbor l-ebda fjura,
Ma jbeżżgħunix id-dbejjeb,
U naqbes il-fortizzi u l-fruntieri.
(mistoqsija lill-ħlejjaq) * [* Dawn il-kummenti dehru biss
fl-ewwel redazzjoni ta’ l-Għanja]
- Oh! boskijiet u msaġar,
Imħawla minn idejn il-Maħbub tiegħi!
Oh! mergħa kollok ħdura,
Bil-fjur ifuħ imnaqqxa,
Għiduli jekk rajtuhx għaddej minn fostkom!
(tweġiba tal-ħlejjaq) *
- Eluf ta’ grazzji jxerred
Minn qalb l-imsaġar għadda kollu għaġġla,
U waqt li ħares lejhom,
Bil-ħarsa biss li għandu
Ħallihom imlibbsin bl-oħla sbuħija.
(L-għarusa) *
- Ah! Min jista’ jfejjaqni!
Fittex agħtini kulma int fis-sewwa,
U la toqgħodx tibgħatli
Mill-lum ‘il hemm ħabbara,
Ma jafux jgħidu dak li rrid naf jiena.
- Dawn il-ġerrejja kollha,
Jgħiduli bil-eluf tal-grazzji tiegħek,
U aktar iferuni,
W għaxxewni qisni mejta
B’xi kliem li ma nifhimx li qed itemtmu.
- Kif tibqa tgħix, ja ħajja,
La m’intix tgħix hemmhekk fejn hija ħajtek,
Biżżejjed biex tmut bihom,
Il-vleġeġ li qed taqla’,
Minħabba dak li taf dwar min iħobbok?
- Għaliex jekk int ferejtha
Daqshekk lil din il-qalb m’erġajtx fejjaqta?
La kont diġa’ sraqthieli,
Għaliex ħallejtha hekk,
U tlaqt mingħajr ma ħadt li sraqtli miegħek?
- Itfili d-dwejjaq l’għandi,
Għax ħadd ħlief int ma jista’ jneħħihomli,
U ħa jarawk għajnejja,
Għaliex inti d-dawl tagħhom,
U għalik biss irrid li nibqa’ nżommhom.
- Neħħi l-istar minn fuqek
W joqtluni d-dehra u s-sbuħija tiegħek;
Ara kif għal dil-weġgħa
Ta’ l-imħabba, m’hemmx duwa
Ħlief dik li tħossu ħdejk u tara s-sura.
- Oh! Għajn bħall-kristall safja,
Kieku fil-fidda tar-riflessi tiegħek,
Isawwarli bil-ħeffa
Dawk il-għajnejn mixtieqa,
Li ġewwa fija għandi biss ħjiel tagħhom!
- Maħbub begħdhom ftit minni;
Irrid nittajjar.
L-Għarus
Erġà ejja, ħamiema,
Għaliex iċ-ċerv imweġġa’
Mill-għoli qed jiġġarraf,
Fil-fewġa ta’ titjirek qed jiffriska.
(L-għarusa) *
- Maħbub, inti l-muntanji,
Inti l-widien li jħaddru sfieq u ħiemda,
Inti l-gżejjer imbegħda,
Inti x-xmajjar li jdamdmu
Inti t-tħaxwix ta’ żiffa mellisija.
- Inti l-lejl fil-ħemda
Kif jibda biex ibexbex iż-żernieq,
Biċċa mużika siekta,
Inti l-ħamba tal-beraħ,
Int ċena li taħjik, timlik bl-imħabba.
- Morru, aqbdulna l-volpi
Għaliex il-ġnejna tagħna ġa qed twarrad,
Sabiex mill-ward li niġbru
Indommu bħal prinjola,
U kollha jibżgħu jinżlu minn fuq l-għolja.
- Ehda, ja riħ li jmewwet,
Ejja, ja lbiċ, qajjem mill-ġdid l-imħabba,
Onfoħ fil-ġnejna tiegħi,
Tajjar miegħek il-fwieħa:
Ħalli l-Maħbub jitgħaxxaq qalb il-fjuri.
- Oh! Ninfi tal-Ġudeja,
Sakemm fil-ġonna kollha ward u fjuri
Jibqa’ l-għambar ifewwaħ,
Ibqgħu fil-ħbula tagħna,
Taqbżux il-ħajt biex tmorru bnadi oħra.
- Inħeba, Maħbub tiegħi,
U ħalli wiċċek jara l-muntanji,
U tħalli ‘l ħadd jintebaħ;
Aħjar tħares lejn ħbiebha
Dik li qed tgħix iddur gżejjer imbegħda.
(L-għarus) *
- Tajr ħafif tas-sema,
Iljuni, ċriev, intom dajni qabbieża,
Għoljiet, widien u xtut,
Ilma, irjieħ u sħana,
Biża’ li jisgħar tul il-lejl imdallam.
- F’ġieħ il-leħen tal-liri,
U l-għana ħlejju tas-sireni nraħħam:
Tibqgħux titlewmu aktar,
Tersqux lejn il-ħajt tagħha,
Biex hekk l-għarusa torqod aktar hienja.
- Diġa’ daħlet l-Għarusa
Fil-ġnien li jgħaxxaq li fih xtaqet tidħol,
Fejn bil-qalb qed isserraħ
U tikser ħelu għonqha
Fuq id-dirgħajn ħelwin tal-Maħbub tagħha.
- Taħt id-dell tat-tuffieħa,
Hemmhekk wegħduni illi għad tkun tiegħi,
Hemmhekk jien tajtek idi
U hemm int kont meħlusa
Fejn darba qabel kienet waqgħet ommok.
(L-għarusa) *
- Is-sodda tagħna twarrad
Imħarsa dawra mejt b’għerien l-iljuni,
Miksija porpra għanja,
Mibnija b’tajn is-sliema,
B’elf tarka tad-deheb fin inkurunata.
- Mixjin fil-passi tiegħek,
Iż-żgħażagħ ferħanin mat-triq jiżżeffnu;
U malli jħossu x-xrara
W l-inbid ta’ l-oħla benna,
Ifewħu kullimkien bil-balżmu t’Alla.
- Fil-kmajra ġewwenija
Doqt ix-xorb tal-Maħbub u x’ħin niġġerra
Ħriġt fil-wesa’ sabiħa,
Xejn aktar ma stajt nifhem
W inqtajt mill-merħla li kont miexja magħha.
- Kien hemm li straħt fuq sidru,
Kien hemm li wrieni l-għerf ta’ ħlewwa bnina,
U jiena tajtu mħabbti
Bla żammejt xejn għalija,
Kien hemm li wegħdtu illi nkun għarustu.
- Ruħi qaddejja tiegħu,
Kulma għandi għalih biex naħdem fix-xogħol tiegħu;
M’għadnix issa aktar nirgħa,
Jew nagħmel xi xogħol ieħor,
Għaliex fl-imħabba biss ser naħli saħħti.
- U jekk fil-beraħ magħkom
Minn dak inhar ‘il hawn ħadd qatt ma rani,
Sejħuli wkoll mitlufa;
Li malli bdejt inħobb
Nintilef ridt u sibt li kont mirbuħa.
- Bil-fjuri u l-iżmeraldi,
Li nsibu malli ssebbaħ l-għodwa friska,
Ejja nagħmlu girlandi,
Li fetħu għal imħabbtek,
U ndommu kollox b’xagħra waħda tiegħi.
- Minħabba x-xagħra waħda
Li inti rajt fuq għonqi qegħda tmewweġ,
Għal żmien ħarist lejn għonqi
U ħarstek hekk inqabdet,
Li bqajt ferut minn waħda minn għajnejja.
- Waqt li kont tħares lejja,
Għajnejk imlewni bis-sbuħija tiegħek,
Ħassejt li tassew tħobbni,
W għalhekk kien jisthoqqilhom
L-imħabba kbira li f’għajnejk raw tiegħi.
- M’għandekx għalfejn tistmerrni,
U jekk dan lewni issibu xi ftit smajjar,
Issa sirt aktar nogħġbok,
Għax meta ħarist lejja
Imlejtni bis-sbuħija u l-ħlewwa tiegħek.
(L-għarus) *
- Diga l-ħamiema bajda
Lura lejn l-arka ġriet iġġorr il-werqa,
U ġa l-ħamiema ż-żgħira,
Lil ħabibha li xtaqet,
Sabitu fil-widien mimlija ħdura.
- Kienet tgħix weħeda,
Fis-skiet ukoll diġa’ il-bejta sawret,
Fis-skiet qed imexxiha
Waħeda dak li xtaqet,
Fis-skiet ukoll qed jgħix, ferut bl-imħabba
(L-għarusa) *
- Ejja, Maħbub, nifirħu,
U mmorru ħa naraw sbuħitek tilma
Fuq il-muntanja w l-għolja
Li jnixxi l-ilma safi,
U nidħlu ‘l ġewwa fejn il-ħdura hi sfieqa.
- U ’l fuq, sa fejn l-għerien
Tal-ġebel qawwi tal-quċċata naslu,
Dawk li moħbija għal kollox,
U hemm ‘l ġewwa nidħlu,
U nduqu l-most li ngħasar mir-rummiena.
- Hemm fuq imbagħad turini
Dak li minn għandek ruħi dejjem xtaqet,
Imbagħad fil-waqt tagħtini
Hemmhekk, O ħajja tiegħi,
Dak li diġa kont tajtni l-jum ta’ qabel:
- In-nifs ta’ l-arja safja,
Tar-rożinjol il-għana mimli ħlewwa,
Il-bosk u s-seħer tiegħu,
Fid-dalma tal-lejl sieket
Bi fjamma li taħlik mingħajr ma tweġġa’.
- Lil din ħadd ma kien raha,
W Aminadab ma riedx li juri wiċċu
L-assedju issa spiċċa,
U tal-kavallerija
Għad-dehra ta’ dak l-ilma niżlu jħarsu.
|
|