ArtiPittura
ARTISTI MALTIN U GĦAWDXIN LI BIL-ĠENJU TAGĦHOM Daħla
F’ittra li l-Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan kiteb f’nofs is-sena 2000 kien idddikjara l-2001 bħala “Sena Marjana” fl-okkazjoni tas-750 Sena mill-Għotja tal-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu. Fl-istess ittra l-Pirjol Ġenerali kien ħeġġeġ lill-membri kollha tal-Familja Karmelitana biex jgħixu dan il-mument ta’ grazzja u jiċċelebrawh b’attivitajiet adatti. Dak iż-żmien jien kont responsabbli miċ-Ċentru Internazzjonali ta’ l-Informazzjoni ta’ l-Ordni Karmelitan (CITOC) u ħsibt li tkun ħaġa xierqa li għal din l-okkazjoni nipprovdi xi materjal li seta’ jsaħħaħ din id-devozzjoni. Għalhekk issuġġerejt il-pubblikazzjoni ta’ CD b’ġabra ta’ xbihat tal-Madonna tal-Karmnu miġbura mid-dinja kollha. L-idea ntgħoġbot. Bil-għajnuna ta’ diversi persuni l-kollezzjoni tax-xbihat tant kibret li setgħet issir realtà. U mhux biss, imma fl-aħħar kien deċiz li mas-CD joħroġ ukoll ktieb b’madwar 100 stampa ta’ statwi tal-Madonna tal-Karmnu. L-idea tas-CD u l-ktieb kienet oriġinali għax sa dak iż-żmien kienet għadha ma dehritx pubblikazzjoni simili fl-Ordni. F’nofs l-2003 il-Provinċjal talabni nibda websajt għall-Provinċja Karmelitana Maltija. Jiena u nfassal l-iskeletru ta’ l-argumenti biex fuqu nibni l-websajt ħsibt li ndaħħal sezzjoni ddedikata għall-arti, li tiġbor taħtha, fost l-oħrajn, il-pittura. L-idea tiegħi kienet li hawn nippreżenta l-kwadri tal-Madonna tal-Karmnu li jinsabu fil-knejjes u kappelli Maltin. It-tiftix għall-informazzjoni dwar dawn l-opri reġa’ kebbes il-fjamma li kienet xegħlet fija ftit tas-snin qabel, bid-differenza li din id-darba s-suġġett kellu x’jaqsam mal-wirt kulturali u reliġjuż Karmelitan li jinsab fil-gżejjer tagħna. Billi x-xogħol li għandi bħalissa jitlob minni li ngħaddi ħafna żmien Ruma, kull darba li jkolli l-okkazjoni nkun Malta, ngħaddi ħafna żmien infittex tagħrif u kotba, u wkoll indur ma’ Malta u Għawdex nieħu ritratti ta’ kwadri, niċeċ, knejjes u suġġetti oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Ordni Karmelitan. Fir-riċerka li kont qed nagħmel fis-sajf li għadda ġie f’idejja l-ktieb tas-sur Ġużeppi Theuma, L-Arti fil-Knejjes minn Mitt Pittur Malti, Ed. PIN, ippubblikat fil-bidu tas-sena 2006. Huwa ktieb li jiswa mitqlu deheb għat-tagħrif kbir li l-awtur irnexxielu jiġbor. Jiena u nqalleb il-paġni tiegħu stajt nara bid-deher x’patrimonju kbir ħallewlna l-artisti Maltin, b’mod speċjali b’xhieda tad-devozzjoni u l-ispiritwalità Karmelitana fost il-poplu tagħna (b’aktar minn 130 pittura!). Bħalma għidt aktar ‘il fuq, jien kont diġa’ bdejt niġbor xi tagħrif simili għall-websajt tal-Provinċja Karmelitana (ara) u l-ktieb tas-sur Theuma żied iħeġġiġni biex inkompli fit-triq li kont qbadt. Hawn irrid insemmi wkoll l-għajnuna kbira u l-inkoraġġiment li dejjem sibt mis-sur Carmel Bonnici. L-artiklu li ġej, biċċa xogħol tiegħu, huwa inventarju ta' pittura Karmelitana mibni fuq it-tagħrif tas-sur Theuma. Fih insibu l-ħajja fil-qosor ta’ artisti Maltin u Għawdxin, l-opri tagħhom u l-post fejn jinsabu. Żgur li biċċa xogħol bħal din se tkun għal qalb il-Karmelitani kollha u għal dawk li bħali jixtiequ japprofondixxu dan l-argument. Anthony Cilia, O.Carm. Werrej ta’ l-Artisti
Twieled il-Belt Valletta fil-15 ta’ Diċembru 1929 u beda t-taħriġ tiegħu fl-Iskola ta’ l-Arti tal-Gvern. Fl-1962 ingħata borża ta’ studju għal erba’ snin fi Croydon College of Art, l-Ingilterra. Għamel żmien jgħallem l-arti fis-St. Michael Teachers’ Training College. Bejn l-1978 u l-1983 kien l-uniku artist Malti li ħa sehem fl-International Biennale of Graphic Design, f’Brno, fir-Rep. Ċeka. Fl-1987 inħatar Kap tal-Malta Government School of Art. Kellu diversi esibizzjonijiet personali kemm f’Malta kif ukoll f’Inġilterra, l-Italja, l-Istati Uniti u l-Ġermanja. Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu murali għall-British Council f’Malta, St. Michael Teachers’ Training College u G.F. Abela Junior College. Kien ukoll l-awtur ta’ diversi disinji għall-bolli postali. Iżżewweġ lil Rose Pace. Apap Ninu 1928- Twieled ix-Xagħra, Għawdex, fis-16 ta’ Novembru 1928, iben Manwel u Antonia. Beda jitgħallem l-arti mal-pittur Orazio Serge u kompla taħt il-professur Ġużeppi Briffa fejn studja l-arti figurattiva, l-anatomija u d-disinn. Ħa sehem f’diversi esibizzjonijiet kollettivi. Ħadem ukoll diversi xogħlijiet fil-knejjes tal-Maltin fil-Kanada, fosthom it-Titular tal-Kunċizzjoni (Immaculate Conception Church), Arzella tal-Lunzjata u t-Trinità Qaddisa (Holy Trinity Church) fl-Indja, il-Brażil u l-Kenja. Ħadem ukoll ħafna kwadretti għall-kappelli żgħar li ħaduhom magħhom missjunarji Maltin wara żjarat f’pajjiżna. Insibu wkoll mijiet ta’ kwadri reliġjużi f’kollezzjonijiet privati, kemm f’Malta kif ukoll barra.
Azzopardi Preziosi Salvatore - tmiem is-seklu 19 Dan il-pittur ma nafu xejn dwaru u milli jidher il-kwadru tal-Karmnu hu l-uniku xogħol tiegħu fil-knejjes tagħna. Ismu ma jidher fl-ebda reġistru ta’ żmienu u s’issa għadu mistur wara dan il-kwadru.
Dwar dan il-pittur nafu ftit. X’aktarx li twieled il-Belt Valletta fl-1835 u tħarreġ taħt Giuseppe Hyzler. Fl-1852 irrestawra l-Via Sagra tal-Oratorju tas-Sagrament fil-Knisja tal-Portu Salvu, il-Belt. Jista’ jkun li għamel xi żmien Ruma.
Bellanti twieled l-Imdina. Għalkemm il-professjoni tiegħu kienet dik ta’ avukat, kellu ġibda kbira lejn l-arti. Infatti studja l-arti f’Firenze, Venezja u Ruma. Kien disinjatur tajjeb u kompla wara Pietru Paolo Caruana bħala professur ta’ l-arti fl-Iskola tat-Tpinġija. Iżżewweġ lil Luisa Sciortino. Tul il-ħidma tiegħu għamel ħafna akkwarelli, inċiżjonijiet u fiż-żejt. Kien pittur tajjeb ħafna.
Twieled l-Isla fil-11 ta’ Diċembru 1835, iben Antonju u Karmena Pappalardo. Kien l-iżgħar fost ħamest aħwa. Studja Ruma taħt id-direzzjoni ta’ Minardi. Ovidi, fil-ktieb tiegħu Tommaso Minardi e la sua Scuola, Ruma, jgħid li “Iż-Żwieġ ta’ San Ġużepp” impitter minn Bonnici kien imfaħħar ħafna minn Minardi. Xogħlijiet ta’ Bonnici jinsabu wkoll f’Messina, Napli, Ruma, l-Eġittu u t-Turkija.
Dwar dan il-pittur ma nafu xejn.
Twieled Ħal Tarxien fis-6 ta’ Lulju 1907, iben Alfred Bonnici u Marija Karmela Calì. Fl-età ta’ 19-il sena studja fl-Iskola ta’ l-Arti tal-Gvern. Għallem għal xi żmien fl-Iskola Teknika u fil-Liceo u kien restawratur fil-Mużew Nazzjonali. Pinġa ħafna kwadri, l-aktar dwar il-Madonna. Għall-ħidma tiegħu b’risq l-arti, fl-1985 nħatar membru Kavallier tal-Grazzja Maġisterjali mill-Ordni ta’ San Ġwann. Ħadem ħafna f’raħal twelidu kemm bil-kitbiet tiegħu kif ukoll fl-għaqdiet parrokkjali. Miet fis-6 ta’ Awissu 2002 u kien midfun fiċ-Ċimiterju ta’ Ħal Tarxien.
Bonomo Giovanni Battista 1790-1859 Skond Pietro Paolo Castagna dan il-pittur Malti twieled il-Birgu. Ma nafu xejn aktar minn hekk.
John Martin Borg twieled il-Gżira fl-24 ta’ Frar 1953, iben Karmenu u Rita Schembri. Ħa l-edukazzjoni fl-arti fil-Malta School of Art taħt Harry Alden, il-Kav. Esprit Barthet (1967-1972) u l-Kav. Vincent Apap (1977-1981). Fl-1977 iggradwa mill-Università ta’ Malta bħala spiżjar. Xogħlijiet tiegħu jinsabu fid-diversi mużewijiet u kollezzjonijiet privati kemm f’Malta kif ukoll barra. Hu akkwarellista tajjeb ħafna. Kien l-ewwel Malti li fl-1995 esibixxa xogħol fir-Royal Water Colour Open Exhibition, f’Londra. Ix-xogħlijiet tiegħu jinsabu f’postijiet prominenti bħall-World Health Centre f’Geneva u fil-Commonwealth Centre u f’The Royal Collection ta’ Londra. Hu miżżewweġ lil Doris Fearne u għandhom erbat itfal.
Martin Borg twieled ir-Rabat fis-6 ta’ Novembru 1957 u ġie mgħammed il-Ħamrun, iben Joseph u Lorenza Mamo. Bejn l-1970 u l-1975 attenda l-Malta School of Arts. Fis-27 ta’ Settembru 1979 ingħaqad ma’ l-Ordni Tereżjan u ġie ordnat saċerdot fid-9 ta’ Lulju 1987. Kiteb Il-Labtu tal-Madonna (1996) u bosta xogħlijiet oħra ta’ natura spiritwali. Ħadem bosta xogħlijiet ta’ disinn u rakkmu fid-deheb u l-ganutell għal diversi knejjes f’Malta u Għawdex u fuq bandalori, fosthom għall-baned ta’ San Lawrenz, il-Birgu, ta’ Lourdes fil-Qrendi u ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.
Twieled Birkirkara fit-12 ta’ Mejju 1901. Ta’ età żgħira, bit-tħabrik tal-Maġġur A.E. James, ingħaqad ma’ The St. Elmo School fejn hemm beda l-edukazzjoni artistika tiegħu taħt Ġuże’ Duca li kien jgħallem id-disinn. Fl-1923 nannuħ ikkommissjonah jagħmel ritratt tal-Prepostu ta’ Birkirkara, Dun Alfons Borg, u dan tant ingħoġob li kien mistieden ipinġi żewġ panewijiet għall-Kappella tal-Madonna tal-Ħerba. Fl-1925 attenda fir-Regia Accademia di Belle Arti f’Ruma u meta ġie lura ngħata mill-ewwel ix-xogħol taż-żewġ panewijiet għall-knisja ta’ l-Agostinjani ta’ Għawdex, li jinsabu fil-kor. Fl-1931 iżżewweġ lil Rożina Muscat minn Birkirkara u kellhom sebat itfal. Fl-1965 ingħata t-titolu ta’ Kommendatur ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Miet fit-13 ta’ Jannar 1987.
Buhagiar Gian Nicola 1698-1752 Twieled Ħaż-Żebbuġ fis-17 ta’ Mejju 1698, iben Pasquale Buhagiar u Eleonora Buttigieg. Kien pittur imxaqleb lejn il-Barokk, ispirat minn Mattia Preti. Gian Nicola madankollu fittex il-formazzjoni artistika tiegħu mkien ieħor u x’aktarx lejn id-direzzjoni ta’ l-aħħar stil ta’ Ġużeppi d‘Arena. Il-kurżità artistika tiegħu wasslitu biex jakkwista l-istil Barokk Naplitan. Fl-1719 iżżewweġ lil Anna Marija Cachia u kellhom tlett itfal: Marija, Eleonora u Ferdinandu, li sar qassis. Kien ħabib ħafna tal-pittur Francesco Zahra hekk li dan talbu jkun il-parrinu fil-magħmudija ta’ bintu Blandina. Miet fil-21 ta’ Marzu 1752 u ġie midfun fil-Knisja tal-Karmnu, il-Belt.
Jidher li dan il-pittur twieled Bormla. Meta kien għadu żgħir mar joqgħod il-Belt ma’ ħuh. Mill-arkivji tal-Katidral ta’ l-Imdina nsibu li tħarreġ taħt Neriku Regnaud. Għalkemm l-arti tiegħu jonqosha sforz immaġinattiv, hu kellu bażi artistika aħjar mill-imgħallem tiegħu għaliex kien kompetenti ħafna u prolifiku ferm. Fil-knejjes Maltin insibu bosta xogħlijiet ta’ dan il-pittur.
Kien magħruf bħala Tuse’ u twieled iż-Żejtun fit-8 ta’ Jannar 1912, iben Ġovanni u Maria Caruana. Studja l-arti ma’ l-iskultur Manwel Xuereb u l-pitturi Lazzaro Pisani u Caruana Dingli. Għamel kors ta’ erba’ snin fl-Accademia di Belle Arti f’Ruma u rebaħ il-premju tal-konkors Carderon imniedi mill-British Accademy. Iżżewweġ lil Giaele Gatt. Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu d-dekorazzjoni tas-Sala l-kbira fil-Berġa ta’ Aragona. Xogħol fit-Teatru Manoel u f’kollezzjonijiet privati. Miet fis-6 ta’ Jannar 1994 u kien midfun fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid.
Twieled l-Isla fil-21 ta’ Diċembru 1889 u ngħata l-isem ta’ Benedittu. Fit-12 ta’ Settembru 1907 ingħaqad ma’ l-Ordni Tereżjan fejn fl-1 ta’ April 1917 kien ordnat saċerdot. Dilettant fil-pittura, għamel żmien ekonomu tas-Semi-Provinċja. Direttur tal-Kulleġġi ta’ l-Aspiranti Tereżjani f’Tas-Silġ meta nfetaħ għall-ewwel darba fit-13 ta’ Novembru 1934. Miet Bormla fit-13 ta’ Ġunju 1939.
Il-knejjes Maltin huma xhieda tal-versalità u l-abbiltà ta’ Giuseppe Calì, il-pittur prolifiku u fundatur ta’ l-iskola moderna ta’ l-arti Maltija. Twieled il-Belt Valletta fl-14 ta’ Awissu 1846, iben Raffaele (artist u mużiċista) u Giovanna Padiglione, it-tnejn Naplitani. Kien mgħammed fil-Knisja tal-Portu Salvu, il-Belt. Ta’ sbatax-il sena, bi spejjeż ta’ Guglielm Eynaud, mar jistudja l-arti fl-Accademia di Belle Arti ta’ Napli man-neoklassiku Giuseppe Mancinelli. Fl-1871 iżżewweġ lil Perennia Pace mill-Isla u kellhom għaxart itfal. L-ewwel biċċa xogħol kbira tiegħu kienet il-mewt ta’ Dragut li llum tinsab fil-Mużew ta’ l-Arti, il-Belt. Barra li kien pittur ċelebri kien ukoll skultur, inċiżur, minjaturista u ritrattista. Miet fl-1 ta’ Marzu 1930 fid-dar nru. 9, Triq Sant’Andrija, il-Belt, u kien midfun fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid.
Calì Ramiro Raffaele 1881-1945 Twieled Tas-Sliema fis-6 ta’ Settembru 1881, iben Ġużeppi u Perennia Pace. Kien aljiev ma’ missieru Ġużeppi Calì u għalkemm ma kellux it-talent tiegħu xorta waħda rnexxielu jaħdem xogħol tajjeb għall-knejjes ta’ Malta. Għamel xi żmien jgħallem l-arti fil-Liceo ta’ Malta. Iżżewweġ lil Marija Corleo u rtira bil-pensjoni fl-1940. Miet fit-23 ta’ Jannar 1945.
Twieled il-Belt Valletta fit-12 ta’ Diċembru 1828, iben Antonio u M’Teresa Cachia. Beda t-taħriġ fl-arti ma’ Giuseppe Hyzler u kompla bl-ideal tan-Nazzareni sa l-għatba tas-seklu għoxrin. Kien ukoll ritrattista tajjeb u kiteb ukoll artikli dwar l-arti f’Malta. Ix-xogħol tiegħu, għalkemm dgħajjef, kien komplet u eżatt. Għamel xi żmien jgħallem il-Liceo u l-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Ma’ kienx miżżewweġ u miet San Ġiljan fit-12 ta’ Awissu 1915. Kien midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid.
Twieled il-Belt Valletta fil-5 ta’ Frar 1922. Beda l-istudji tiegħu fl-arti fl-Iskola ta’ l-Arti tal-Gvern (1936-1947) u tħarreġ taħt il-Kav. Ċensu Apap u l-Kav. Edward Caruana Dingli. Bejn l-1948 u l-1950 studja fl-Ecole Nationale de Beaux Arts f’Pariġi. Fl-1954 iżżewweġ lil Tereża Tanti u kellhom ħamest itfal. Fl-1960 rebaħ borża ta’ studju għal Bath Accademy of Arts fl-Ingilterra u fl-1964 kompla fl-Accdemia Pietra Vannucci ta’ Perugia. Wieħed mill-membri fundaturi tal-Grupp Artisti Atelier ’56. Bejn l-1956 u l-1976 kien għalliem ta’ l-arti fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u wara l-1979 inħatar uffiċċjal ta’ l-arti u l-artiġjanat. Kellu diversi esibizzjonijiet f’Malta kif ukoll f’Pariġi, Londra, Edinburgh, New York, Hamburg, Frankfurt, Tripli u Venezja. Fl-1996 ingħata l-Midalja tal-Qadi tar-Repubblika.
Twieled ir-Rabat, Għawdex fit-2 ta’ Diċembru 1940, iben Wistin Camilleri u Frances Cauchi. Studja taħt Ġanni Battista Conti, Ġużeppi Briffa u Ġużeppi Caruana. Fl-1960 irċieva d-diploma Press Art School of London. Studja wkoll f’Firenze, f’Perugia u f’Ruma. Mis-snin sittin sat-tmeninijiet kien artist li l-aktar ħadem fl-arti sagra kemm f’Malta kif ukoll barra. Fl-1965 rebaħ il-premju organizzat mill-Kavalieri ta’ Malta għall-kwadru li juri l-Assedju l-Kbir 1565. Fl-1968 inħatar Kavalier tal-Ordni ta’ San Ġwann. Hu miżżewweġ lil Mary Rose Bezzina.
Twieled il-Belt Valletta fis-27 ta’ Diċembru 1905. Pittur u dekoratur. Studja f’Malta taħt Robert Caruana Dingli u f’Ruma fil-British Accademy (1925) fejn wara sar għalliem. Taħt Lipinski ħadem ħafna disinji tajbin. Fl-1927 rebaħ borża ta’ studju tal-Gvern u mar Londra jistudja l-arti, fejn kiseb ċertifikat miċ-Chelsea School of Arts and Crafts. Fl-1929 kien maħtur surmast tad-disinn fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Miet fis-17 ta’ Awissu 1986.
Caruana Ġużeppi Marija 1899-1964 Twieled iż-Żejtun fl-24 ta’ Diċembru 1899, iben Franġisk Saverju Caruana u Marjanna Bonnici. Tgħallem l-arti taħt l-artist Lazzaro Pisani u Ġużeppi Duca. Studja fir-Regia delle Belle Arti, fil-Liceo dell’Arte Moderna u fil-British Accademy ġewwa Ruma. Fl-1946 iżżewweġ lil Olimpia Caruana iżda ma kellhomx tfal. Waqt li kien vakanza f’Malta għamel operazzjoni f’għajnejh, iżda ma rnexxietx u għall-erbgħin sena baqa’ jpinġi b’għajn waħda. Ipprova jżomm dan is-sigriet għaliex ħaseb li ħadd m’hu se jikkommissjona pittur b’għajn waħda. Għamel żmien jgħallem l-arti mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Wara x-xogħol li għamel fis-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar, il-popolarità tiegħu kibret u ħadem ukoll xi xogħol fl-Irlanda. Wara l-gwerra mar joqgħod Raħal Ġdid (227, Triq Żabbar) fejn ħadem l-aħħar xogħlijiet għas-saqaf tal-knisja ta’ Ħaż-Żabbar. Miet iż-Żejtun fl-14 ta’ April 1964 u kien midfun fiċ-Ċimiterju ta’ Santu Rokku, li hemm mal-knisja ta’ San Girgor.
Kien it-tifel ta’ Pietro Paolo Caruana u twieled Ruma. Il-parrinu tiegħu kien Tommaso Minardi u għalkemm ma kellux xi talent partikulari, irnexxielu, bis-saħħa ta’ missieru, li jingħata xi kummissjonijiet. Studja l-arti fl-Accademia di San Luca ġewwa Ruma. Il-kwadru l-aktar notevoli tiegħu hu L-Adorazzjoni tal-Maġi fil-knisja tad-Dumnikani l-Belt. Dan il-kwadru hu maħdum b’ċerta ebusija teknika li Raffaele qatt ma rnexxielu jegħleb. Kien ritrattista aħjar minn pittur ta’ l-arti sagra u l-personalità tas-suġġett kien joħroġha tajjeb. L-arti kienet swietlu ħafna diżappunti u fl-aħħar telaq il-pittura u ħadem xogħol ta’ disinjatur u perit mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Twieled Ħaz-Żebbuġ fil-31 ta’ Diċembru 1582, iben Duminku Felici u Giovanna Ferchauni. Iżżewweġ darbtejn u wara t-tieni żwieġ tiegħu mar joqgħod il-Belt fejn baqa’ sakemm miet. Ismu oriġinali hu mniżżel fir-reġistru bħala Giulio Felici u billi x’aktarx kien ta’ statura qasira ġie mlaqqam il-Cassarino (Il-Qasir). X’aktarx li kien dixxiplu ta’ Caravaggio u l-personalità artistika tiegħu turi li kien influwenzat ħafna minnu, għalkemm jidher li ma fehmux għal kollox. Għamel xi kopji ta’ Caravaggio li ffirmahom G.N.F.D.C., li jistgħu jsissru Giulio Nato Felici Detto Cassarino. Cassarino beda bħala Manerista u sab bħala patrun lil Fra Pedro Urrea Camaras, Prijur tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann u dan tah ħafna xogħol għall-istess knisja. Ħafna mix-xogħlijiet tiegħu qabel kienu jiġu attribwiti lil Lionello Spada li llum naħsbu li lanqas biss ġie Malta. Oħrajn kienu jiġu attribwiti lil Mario Minnitti. Miet il-Belt Valletta fl-14 ta’ Mejju 1637.
Għad hawn xi dubju jekk D’Arena kienx Malti jew le iżda tant għex f’Malta li xogħlu hu żgur Malti. Iben Mattew u Appolonja (skond l-arkivju tal-Parroċċa tal-Portu Salvu, il-Belt). Jidher li tħarreġ taħt Mattia Preti u rnexxielu jakkwista t-teknika u l-istil tiegħu. Kien magħruf bħala r-Romano, x’aktarx għaliex għamel xi żmien Ruma. Fl-1666 iżżewweġ lil Olimpia, bint il-pittur Silvestro Querio u kellhom tlett subien. Olimpia mietet fl-1681 u Giuseppe reġa żżewweġ fl-1685 ma’ Tereża Mancini. Għamel żmien joqgħod fi Triq Żekka, il-Belt, faċċata tal-Knisja tal-Karmnu. Miet fis-7 ta’ Lulju 1719 wara marda twila li ħallietu għama, u kien midfun fil-knisja tal-Karmnu, il-Belt Valletta.
De Domenico Suor Maria 1650-1708 Twieldet fl-1650, bint Onofrio u Giovanna li kienu sinjuri Naplitani li ġew jgħixu Malta. Meta kibret ingħaqdet mal-Ordni Tereżjan tal-Karmnu u billi l-familja tagħha kienet ħbieb ma’ Mattia Preti bdiet titgħallem minnu l-linja artistika. Għenet lil Preti jpinġi l-figuri femminili fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, u pinġiet ukoll f’diversi knejjes fil-Belt Valletta, Ħaz-Zebbuġ, il-Qrendi, Ħ’Attard u Għawdex. Dejjem kellha x-xewqa li tmur Ruma u meta Don Carlo minn Rosella ġie Malta fl-1682 dan ipperswadiha li tmur miegħu u ma’ martu Ruma u tkompli tistudja hemm. F’Ruma tħarrġet taħt Maratta fl-Accademia di San Luca fejn ħadmet ukoll xi skultura. Mietet Malta u kien midfuna fil-kappella ta’ Santa Katarina fil-knisja ta’ San Lawrenz, il-Birgu.
Dan il-pittur misterjuż kellu talent artistiku qawwi u kompla b’konvinzjoni l-istil tal-Manneriżmu barra minn żmienu. Dingli x’aktarx kien il-muftieħ għall-iżvilupp ta’ l-arti Maltija fis-seklu 17, imma l-personalità artistika tiegħu għad trid tiġi mistħarrġa. L-influwenza tiegħu jidher li kellha effett kbir fuq Stefano Erardi.
Pittur u kantant liriku. Twieled Ħal Qormi fil-21 ta’ Jannar 1871. Bejn l-1885 u l-1889 studja d-disinn taħt il-pittur Ġużeppi Calleja. Fl-1890 għallem l-arti fl-iskola ta’ Bormla u fil-Liceo fejn dam sakemm irtira fl-1925. Sa dan it-tant, fl-1915 iżżewweġ lil Marjanna Agius. Kien ritrattista tajjeb u pitter ħafna personalitajiet Maltin u barranin, fosthom serje ta’ ritratti tal-Kummissarji Ċivili Ingliżi u Gvernaturi li wħud minnhom għadhom isebbħu l-uffiċċji tal-Palazz, il-Belt. Għamel ukoll diversi xogħlijiet sagri fil-knejjes. Barra milli kien pittur tajjeb kien ukoll baritnu magħruf u l-kapaċità tiegħu fil-kant kienet apprezzata ħafna fil-knejjes Maltin. Miet San Pawl il-Baħar fl-24 ta’ Ottubru 1948.
Stefano kien iben Sebastjan Erardi u Paulica Xerri, li żżewġu fil-Knisja ta’ San Pawl, il-Belt, fil-25 ta’ Jannar 1629 u kellhom erbat itfal. Stefano twieled il-Belt Valletta fl-1630. Kien minn familja sinjura li oriġinat minn Franza. Stefano beda l-karriera tiegħu bi stil Mannerista li kien ġa għadda żmienu. Probabbilment huwa għamel xi żmien l-Italja. Għalkemm imita lil Preti, qatt ma ċeda għal kollox mill-istil tiegħu. Fl-4 ta’ Frar 1669 iżżewweġ lil Katarina Buttigieg li mietet żgħira fis-17 ta’ Diċembru 1676. Stefano reġa’ żżewweġ, din id-darba lil Anġelica Caruana li kienet armla ta’ Raffaele Paolucci u li kien ħallilha wirt għani. Stefano miet fis-6 ta’ Ġunju 1716 u kien midfun fil-knisja tal-Franġiskani Minuri (Ta’ Ġieżu), il-Belt. Fit-testment tiegħu ħalla l-għodda tal-pittura u xi tpinġijiet lil ibnu Alessio.
Twieled il-Furjana u studja taħt Giuseppe Hyzler f’Malta u taħt Tommaso Minardi f’Ruma. Kellu opinjoni kbira tiegħu nnifsu u ftaħar mal-Kapitlu tal-Katidral ta’ l-Imdina li hu kien jikkorrispondi spiss ma’ Overbech u Minardi li kien bgħatilhom xi tpinġija u dawn faħħruhom ħafna. Il-pittura tiegħu madankollu hi tajba u eċċitanti.
Dwar dan l-artist nafu biss dak li rrakkonta Patri Pelaġju fejn semma li dan il-pittur ħadem ma Mattia Preti għalkemm l-elementi li Farrugia tgħallem minn Preti m’humiex daqstant evidenti, għax il-pittur jagħtihom xeħta popolari, waqt li l-kulurit tiegħu hu aktar ħaj u liberat milli nsibu fil-Barokk tas-seicento Malti. Din l-influwenza ġdida forsi jafha lil Alessio Erardi u lill-artisti tal-ġenerazzjoni wara Preti, jiġifieri wara l-1710.
Twieled l-Isla. Missieru jidher li kien Grieg, minn Rodi, u kellu konnessjonijiet ma’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Ommu kienet Maltija. Bartilmew, barra li kien pittur kien ukoll arkitett u ddisinja n-navi tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt, kif ukoll il-Kappella Ardente li kienet tintrama fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Kien influwenzat ħafna minn Caravaggio li studjah kemm f’Malta kif ukoll f’Ruma. Miet fl-1641, iżda r-reġistrazzjoni tal-mewt tiegħu għadha ma nstabetx.
Twieled Malta, għalkemm ta’ dixxendenza Ġermaniża u ngħaqad man-Nażżareni f’Ruma. Din kienet għaqda ta’ pitturi taħt it-tmexxija ta’ Friedrich Overbeck (1789-1896). Kienu jikkunsidraw il-pittura storika, speċjalment dik sagra, bħala l-quċċata ta’ l-arti vera u kienu għalhekk ispirati mill-affreski ta’ l-erbatax u l-ħmistax il-seklu. Dawn l-artisti bdew jgħixu f’komunità qrib Ruma, jilbsu l-iswed u xagħarhom twil. L-esperiment ma rnexxiex u għalhekk il-komunità spiċċat fix-xejn. Fl-1823 Hyzler reġa’ lura Malta u fetaħ skola ta’ l-arti. Fil-Mużew ta’ l-arti, il-Belt, insibu awto-ritratt tiegħu liebes l-iswed u b’xagħru twil fl-istil tan-Nazzareni. Miet fi Frar ta’ l-1858.
Twieled il-Ħamrun fl-Ewwel tas-Sena ta’ l-1915. Fl-età ta’ 19 il-sena beda kors ta’ erba’ snin fil-Malta Government School of Arts, il-Belt, taħt id-direzzjoni ta’ Edward Caruana Dingli. Fl-1938 rebaħ borża ta’ studju mingħand il-Gvern u mar Ruma fejn kompla l-istudji tiegħu fir-Regia Accademia di Belle Arti taħt il-Professur Carlo Siviero. Ġie lura Malta fl-1940 lejliet li l-Italja daħlet fit-Tieni Gwerra Dinjija. F’din is-sena f’Anton bdew jidhru l-ewwel sinjali ta’ marda fatali. Huwa żżewweġ lil Maria Pitrè de Martino fl-1 ta’ Ġunju 1944 u kellu tifla waħda. Inglott wera nteress partikolari fl-arti sagra, iżda miet ħesrem fl-età ta’ tletin sena. Xogħlu jinkludi żejt, pastel, inka u lapis. Ħadem ritratti, xeni folkloristiċi, arti reliġjuża u suġġetti nteressanti, bħal studji tal-gwerra u arti morta. Xogħlijiet tiegħu jinsabu fil-knejjes Maltin, fil-Mużew ta’ l-Arti, il-Belt, u f’ħafna kollezzjonijiet privati ma’ Malta kollha. Miet f’Tas-Sliema fil-15 ta’ Awissu 1945.
Twieled l-Isla fis-7 ta’ Mejju 1803, iben Mikiel Anġlu u Maddalena Gilbert. Għex flimkien ma’ żewġ ħutu fil-post fejn kellu wkoll il-ħanut tax-xogħol f’numri 37-38 Triq San Ġiljan, l-Isla. Kien pittur u inċiżur iżda kien ukoll mużiċista. Meta kien żgħir impressjona ħafna lill-għalliema tiegħu tant li l-Gvernatur, Sir Thomas Maitland, kien irrakomandah għal borża ta’ studju barra minn Malta. Fil-fatt Tommaso studja fl-Accademia di Belle Arti, f’Ruma taħt Minardi u Overbeck. F’Ruma kien patronizzat mill-Prinċipessa Donna Vittoria Barberini. Meta ġie lura Malta, kien imqabbad ipinġi f’diversi knejjes. Madiona kien jiftaħar li kellu edukazzjoni fil-mużika u kien kitarrista tajjeb. Sfortunatament, billi tilef d-dawl ta’ għajnejh, il-karriera tieghu ntemmet ħesrem. Miet fis-6 ta’ April 1864.
Dan il-pittur kien alliev ta’ Giuseppe Hyzler u hu wkoll mexa mal-prinċipji tiegħu. Pinġa xogħol tajjeb u espressiv u xi drabi xogħlu kien bi żball attribwit lil Hyzler. Pinġa wkoll xi akkwarelli ta’ Malta bil-lejl.
Pittriċi dilettanta. Twieldet il-Belt Valletta fl-20 ta’ Jannar 1906 u tgħammdet jumejn wara fil-Parroċċa tal-Portu Salvu, il-Belt. Ġorġina kienet bint l-Imħallef Giovanni Battista Mifsud u Carmela Rolando Speranza. Għamlet xi żmien toqgħod Marsaxlokk. Fl-1938 iżżewġet lil Edgardo Barbara Camilleri u marret toqgħod Tas-Sliema. Mietet fil-31 ta’ Marzu 1982 fl-Isptar Santa Katarina, Ħ’Attard, u kienet midfuna fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid.
Twieled Ħaż-Żebbuġ fil-15 ta’ Diċembru 1854, iben Wistin u Ġużeppina Sciortino, iz-zija ta’ Antonio Sciortino. Beda l-istudji tiegħu ma’ Mikiel Bellanti u Nazju Cortis fejn dan ta’ l-aħħar akkwistalu borża ta’ studju (1870-1874) fl-Accademia di San Luca u l-British Academy ġewwa Ruma. Kien influwenzat ħafna minn Luigi Fontana li għamel id-disinn ta’ l-istatwa ta’ San Filep, Ħaż-Żebbuġ. Fl-1885 fil-Colonial Exhibition li saret f’Londra rebaħ midalja tal-fidda għax-xogħol tiegħu ‘Il-Mewt ta’ Abel’ li kienet intlaqgħet tajjeb ħafna. Meta ġie lura Malta kien kważi demoralizzat b’attakk tal-malarja u waqaf ipinġi. Kien kontemporanju ta’ Ġużeppi Calì u bejniethom iddominaw l-arti ta’ żmienhom u komplew jispiraw lill-pitturi Maltin sa tmiem il-Gwerra. Għallem fl-Iskola Primarja ta’ Bormla. Miet fir-residenza tiegħu tas-sajf f’San Pawl il-Baħar fil-31 ta’ Awissu 1932.
Twieled Bormla fil-5 ta’ Frar 1873, iben Rafel u Ġianna. Għamel xi żmien il-Libanu fejn bena kulleġġ għat-tfal f’Bixxerri. Fl-1903 ingħaqad ma’ l-Ordni Tereżjan bħala fra. Fl-1912 attenda l-Accademia di Belle Arti f’Ruma, fejn wieħed mill-kwadri tiegħu li jirrappreżenta l-Beata Anna ta’ San Bartilmew, tpoġġa fil-Pinacoteca Vaticana. Fl-1925 mar Haifa, fil-Palestina, fejn kesa l-ħitan bl-irħam u pitter il-koppla tal-Knisja ta’ Stella Maris. Fl-1932 pitter il-‘Ħidma ta’ San Stiefnu’ (15-il affresk) f’Beit Jamal, qrib Ġerusalemm. Barra li kien pittur prolifiku għamel ħafna xogħol ta’ skultura. Miet wara marda twila fit-28 ta’ Awissu 1958.
Twieled Birkirkara fid-19 ta’ Diċembru 1922 u studja l-arti fl-Iskola ta’ l-Arti tal-Gvern. Ingħata borża ta’ studju biex jistudja fil-College of Artsand Technology, Leicester u fil-Kennington School of Arts ta’ Londra. Fl-1950 ġie lura Malta wara li kien għamel studji oħra f’Pariġi, Firenze u Venezja. Kellu ħafna esibizzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll fi New York, Ruma, l-Awstralja u Franza. Għamel murali kbar għall-postijiet pubbliċi kif ukoll għal-lukandi. Għamel ukoll xi disinji għall-bolli postali, fosthom dak li jfakkar l-40 sena mit-twaqqif tal-GWU fl-1983. Portelli kien ko-fundatur tal-Grupp Artistiku Malti u xi xogħlijiet tiegħu jinsabu fil-Mużew ta’ l-Arti, il-Belt Valletta. Kien miżżewweġ lil Rose Attard. Miet fit-13 ta’ Marzu 2004 u midfun fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid.
Ma tantx għandna tagħrif dwar dan il-pittur imma jidher li twieled Malta għall-ħabta ta’ l-1692. Hawn ħafna taħwid dwar ismu u jissemma bħala Arrigo, Errico, Arnaud, Arnau, Arnaux u saħansitra Reno! Kien artist indifferenti iżda fix-xogħol tiegħu hemm ħlewwa superfiċjali li tingħoġob. Uħud mill-kwadri li qabel kienu attribwiti li saru minn artisti oħrajn illum nafu li saru minnu. Kien pittur prolifiku ħafna u barra x-xogħlijiet li nsibu fil-knejjes, hemm bosta oħrajn f’kollezzjonijiet privati. Regnaud kompla d-dekorazzjoni tas-saqaf għall-knisja tal-Vitorja, il-Belt, li kien beda Alessio Erardi. Fl-1730 iżżewweġ lil Grazuilla Azzupardi, mara sinjura minn Ħaż-Żebbuġ. Fl-1754 insibuh jgħix fil-limiti tal-knisja tal-Portu Salvu, il-Belt.
Twieled iż-Żejtun fit-23 ta’ Awissu 1960, iben David u Ġuża Briffa. Pittur u restawratur. Beda l-istudji tiegħu fl-arti fil-Malta School of Art (1974-1981) u kompla fil-Malta School of Art Diploma (1987-1991). Sudja wkoll l-Italja, Fortezza di Basso, Firenze (1990) u fl-Istituto Antonio di Stefano, Sqallija (1992). Kompla fiċ-Centru Malti għar-Restawr sas-sena 2000 fejn iggradwa u ġie fl-ewwel post. Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu mural fil-fergħa tal-Bank of Valletta, Rabat. Ħadem ħafna xogħol astratt u ħa sehem f’diversi esibizzjonijiet kollettivi. Fl-1985 iżżewweg lil Rita Mangion.
Twieled il-Ħamrun fil-25 ta’ Diċembru 1961, iben Frans u Manwela Caruana. Attenda l-Kulleġġ ta’ l-Agostinjani, il-Pieta, u kompla fis-Seminarju tal-Virtù. Ftit wara ngħaqad ma’ l-Ordni Kapuċċin fejn ġie ordnat Saċerdot fit-23 ta’ Ġunju 2000. Nataniel ipinġi ikoni fuq stil Grieg però b’enfasi totalment Maltija, b’kuluri vivaċi u friski u kompożizzjoni sempliċi u nadifa. Billi l-istudji tiegħu jżommuh barra minn Malta, ħalla wkoll xogħlijiet sbieħ fil-Greċja kif ukoll f’Cortona, l-Italja, fejn jinsab bħalissa (2005).
Twieled Bormla fid-9 ta’ Mejju 1885, iben Francesco u Marjanna Attard. Missieru miet meta Gianni kien għadu żgħir. Minħabba f’hekk beda jgħix għand il-familja ta’ ħu missieru Emmanuel. Il-qassis Dun Ġużepp li kien ammira ħafna x-xogħol tiegħu u rrakkomandah lill-pittur Attilio Palombi, li f’dak iż-żmien kien qed ipitter fil-knisja ta’ San Pawl, il-Belt. Matul l-apprentistat ma’ Palombi, Gianni ħadem xi affreski għall-knejjes u kompla wkoll xi xogħlijiet ta’ Palombi meta dan beda jitlef id-dawl. Fl-1907 mar Ruma u attenda l-Accademia di Belle Arti u l-British Accademy li tagħha kien ukoll sar membru. Studja taħt Mario Spinetti, A. Brischi u S. Borgogelli. Fl-1912 ġie lura Malta u fetaħ studju fi Triq San Duminku, il-Belt, fejn ħadem ħafna akkwarelli u pittura fiż-żejt. Fl-10 ta’ April 1913, Ġianni żżewweġ lill-mudella tiegħu, Marija Chretien. Barra li kien pittur tajjeb kien ukoll karikaturista u ħadem xogħol umoristiku fil-ġurnal ‘Il-Ħmara’. Fl-1976 ingħata midalja tad-deheb mis-Soċjetà ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ bħala rikonoxximent. Gianni Vella miet f’Buġibba fit-3 ta’ Settembru 1977 u midfun fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid.
Dwar dan il-pittur ma nafu xejn ħlief dak li jissemma fl-Istorja ta’ Malta ta’ P.P. Castagna. Jista’ jkun li kien alljiev ta’ Antoine Favray. Hu dokumentat li pitter diversi ritratti tal-Granmastru De Rohan, fosthom wieħed imdaqqas (1784) għall-Lingwa tal-Bavarja, li llum ma għadux jeżisti.
Zahra Francesco Vincenzo 1710-1773 Twieled fil-15 ta’ Diċembru 1710, fl-Isla, u ġie mgħammed fil-Parroċċa fl-istess jum. Iben Pietro Paolo (imlaqqam Ta’ l-Iskarpellin) u Augustina Casanova. Fl-1735 kien diġa’ stabbilit u ħadem xogħlijiet ta’ importanza fil-Knisja ta’ San Pawl, il-Belt. Jidher li fforma l-istil tiegħu minn Skola Naplitana għalkemm dan s’issa għadu mhux dokumentat. Billi kien hemm relazzjoni familjari ma Ġann Nikola Buhagiar, jista’ jkun ukoll li tgħallem miegħu. Wara li Francesco żżewweġ lil Tereża Fenech fi Frar ta’ l-1743, kellhom mill-inqas ħamest itfal. Ġann Nikola kien il-parrinu fil-magħmudija ta’ Blandina, waħda minn ulied Zahra. Meta Antoine de Favray ġie Malta fl-1744, Francesco Zahra sar ħabib tiegħu u għamlu wkoll xi xogħlijiet flimkien. Wara li żżewweġ mar joqgħod il-Belt minn fejn għamel karriera kbira u pinġa għadd kbir ta’ xogħlijiet li jinsabu mxerrda ma’ Malta kollha tant li kien wieħed mill-ftit artisti lokali li qatt ma jidher li kellu diffikultajiet finanzjarji. Jibqa’ wieħed mill-aqwa artisti Maltin. Miet fid-19 ta’ Awissu 1773 u midfun fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, Valletta.
Twieled Bormla u tħarreġ taħt Tumas Madiona. Miet fis-7 ta’ April 1864.
Zammit Cordina Joseph 1929-2004 Joseph Zammit Cordina twieled il-Ħamrun fl-24 ta’ Settembru 1929, iben Carmel u Vinċenza Cordina u attenda l-Liċeo u s-Saint Michael’s Training College. Fl-1939 attenda l-Iskola ta’ l-Arti, il-Belt, fejn studja d-disinn taħt Ċensu Apap, u l-iskultura taħt Antonju Micallef. Il-pittura studjaha taħt Ġużeppi Briffa, Esprit Barthet u Emvin Cremona. Għamel żmien bħala għalliem u wara ngħaqad mad-Dipartiment tal-Informazzjoni u li School Broadcasting Unit. Diversi xogħlijiet tiegħu jinsabu wkoll f’kollezzjonijiet privati. Fil-Każin tas-Soċjetà Sant’Andrija, f’Ħal Lija, insibu wkoll kwadru tal-Kan. Benedittu Fsadni (1960) li kien Kappillan ta’ Ħal Lija. Joseph iżżewweġ lil Mary Yvonne Borda Grimaud (u kellhom tifel, Stephen). Miet fil-11 ta’ Diċembru 2004.
|