ArtiEssej
IT-TILA Daħla Kienet għal żmien twil mitluqa u żdingata! Il-qalb imsawra għal sekli sħaħ fix-xeħta tal-Karmelu, sabet ruħha moħbija taħt sura oħra li ma kinetx tixraq! Kienet tidher mejta, bla ħajja! Imma, le, dan ma kienx minnu; kienet tistenna biss li mill-ġdid, xi darba, terġa’ toħroġ fil-beraħ għal dak li għalih kienet maħluqa. Meta dan seħħ, reġgħet bdiet tilqa’ lil kull min ried jagħti tifħir u sebħ lill-Mulej fis-skiet u l-ħemda. Fis-skiet u l-ħemda kellu jerġa’ jibda jitrawwem l-ispirtu Karmelitan. Imbiegħda mill-għagħa u l-ħamba fl-ibliet u l-irħula, ir-ruħ għatxana għal Alla l-Ħaj, issa sabet rokna oħra fejn taħt il-ħarsien ta’ Omm Alla u Omm il-Karmelu, setgħet tersaq iżjed qrib tal-Ħallieq.
In-natura hija kollha kemm hi sabiħa. Hija titlef biss mis-sbuħija tagħha bl-indħil bla sens u t-tbagħbis tal-bniedem. Meta mħollija għal riħha, jew ta’ l-inqas irrispettata u maħduma kif jixraq, hija ħjiel u mera tal-kobor tal-Ħallieq. L-istaġuni juru bl-aqwa mod possibbli kemm in-natura hija sabiħa. L-inħawi tal-knisja tal-Lunzjata joffru apprezzament mill-aqwa ta’ l-istaġuni. Ix-Xitwa Wieħed jista’ jaħseb li l-istaġun tax-Xitwa, iżjed u iżjed f’dawn l-inħawi mwarrba, inissel xi stmerrija u forsi xi ftit tal-biża’ wkoll. Kollu minnu li jista’ jkun li tħossok iżjed maqtugħ u waħdek, imma fl-istess ħin ma tistax ma tarax is-seħer li ġġib magħha x-Xitwa. Qisu li f’dawk ix-xhur n-natura tistiednek biex tidħol iżjed fil-fond tal-ħsieb. Hemm min jgħidlek li fix-Xitwa kollox mejjet jew rieqed, imma kemm hu tassew minnu dan? Ħares ftit lejn l-għelieqi, u tilmaħ madwarek kollox iħaddar, u fuq kollox mhux aħdar wieħed, tafx! Qisu għandek palette ta’ pittur imżewwaq b’leħħiet ta’ lewn aħdar differenti. Ix-xita hija dik li żżomm l-uċuħ tar-raba’ f’dak l-istat; u kemm taraha sabiħa x-xita! Mhux biss għax il-bidwi jkun jistennieha bil-ħerqa, imma m’hemmx dehra isbaħ tax-xita tlanġas fil-kampanja! U xi ngħidu għall-ħoss ta’ l-ilma jgelgel f’dak is-skiet kollu? Is-sħab li jġib ix-xita, ukoll isebbaħ id-dehra. Tarah jiġma’ fuq ix-xefaq u jinfirex mal-medda tas-sema, joħloq quddiem għajnejk xbihat li l-immaġinazzjoni biss tista’ tarahom! It-tfaqqigħ tas-sajjetti u t-tkarwit tar-ragħad jista’ jkun li jnisslu xi ftit tal-biża’, l-aktar fejn ikun hemm xi siġar, imma is-sajjetti mhux biss huma spettaklu ta’ sbuħija, imma wkoll wirja tal-qawwa tan-natura. Il-leħħa li ddawwal kullimkien, titfi f’dak il-ħin id-dwal li jnemnu fl-irziezet jew fid-djar imbiegħda, li mbagħad jerġgħu jibbru fid-dalma ta’ wara. Il-ħlejjaq donnhom ikunu daħlu f’qoxrithom, u ma tismax ħosshom...; mhux għax mejtin! Il-Rebbiegħa Malli x-Xitwa tibda tnin, dlonk tidħol ir-Rebbiegħa li toħloq kuntrast qawwi ma’ l-istaġun ta’ qabilha. Issa żgur li ma tistax tgħid li dan huwa staġun mejjet! Ara ftit kemm jiżdiedu lwien fil-kampanja; mhux biss għax siġar li kienu xeddew il-weraq tagħhom issa reġgħu bdew iħaddru, imma feġġew ukoll ħafna fjuri bl-ilwien imżewqa tagħhom. Is-siġar tal-frott, l-aktar dak irqieq, ukoll qed iwarrdu, u xi wħud qed jonfħu l-frott tagħhom ukoll. Issa l-palette ma fihx l-aħdar biss; issib l-abjad, l-isfar, l-aħmar, il-blu, il-vjola, u tant ilwien oħra li n-natura taf toffri. Toqgħod tgħid, ħafna mill-fjuri u l-ilwien tagħhom huma kollha ta’ dak li nħobbu nsejħulu “ħaxix ħażin”! Iż-żrieragħ li nżergħu fix-xhur ta’ qabel, fosthom il-qamħ, ħarġu n-nebbieta u xirfu sewwa fuq il-wiċċ tal-ħamrija. Ix-xemx bdiet tidher u ddawwal iżjed; ma tantx taħraq u taf tmelles. Imbagħad xi ngħidu għall-ħlejjaq, speċjalment it-tjur u l-għasafar. Bdew jibnu l-bejtiet tagħhom u l-għanja tan-namra tibda tidwi ma’ kullimkien. Din ma ddumx ma tiżżewwaq mat-tpespis tal-frieħ fil-bejtiet tagħhom, fil-waqt li spiss tara l-omm u l-missier iħufu jaraw li jsibu x’jitimgħu liż-żgħar tagħhom. Dawn biss fihom għaxqa, li tittellef biss meta tibda l-kaċċa u l-isparaturi jibdew jiksru l-armonija ta’ skiet in-natura. Imbagħad xi wħud hekk imsejħa “kaċċaturi” ma jaħmlux rixa ttir; għal dawn it-talin kollox huwa “kaċċa”! Dawn, iva, itellfu ħafna l-armonija li fiha tħobb tgħix in-natura! Kieku mhux għax għat-tfaqqigħ tas-snieter, tista’ tgħid li donnu li s-skiet naturali qisu kiber biex jagħti lok għall-ħsejjes ħelwin li tqajjem xi żiffa fil-weraq tas-siġar; tħaxwix li jakkumpanja l-għana u t-tpespis. Ix-xita naqset bil-bosta, għalkemm kultant jidher xi ftit sħab li jwassal l-ilma, li f’xi żmien tant jitqies ta’ ħtieġa għall-uċuh tar-raba’, li malajr jgħidulek li dik il-bexxa tiswa daqs karru ta’ deheb fin! Ir-Rebbiegħa hija staġun li jistiednek tiftaħ għajnejk għall-ħajja. Is-Sajf It-tmellis tax-xemx fir-Rebbiegħa jibda jċedi għal raġġi iżjed qawwija li jġibu magħhom is-sħana, u jibdew l-uff u l-aħħ! Jidħol is-Sajf. Ix-Xemx titqawwa ġmielha u tibda taħraq u tbaskat. Hekk l-ilwien fil-kampanja jerġgħu jinbidlu u l-uċuh jieħdu xejra oħra. Issa l-imkatar ta’ l-għelieqi mifruxin fuq il-wied ħadu l-bixra ta’ xi tapit imżewwaq b’ilwien li jvarjaw minn kannella għal kulur il-kafè bil-ħalib, minn isfar ċar għal dak kemxejn iżjed skur u qawwi. Il-kulur dehbi tal-qamħ lest għall-ħsad ikompli jagħti bixra speċjali lil din is-sbuħija naturali ġdida. Veru li ma tantx tissogra toqgħod fix-xemx, imma din hija li ssajjar il-bajtar tax-xewk u ta’ San Ġwann! Il-frott jgħin biex ir-riħa tfuħ ukoll tinbidel; issa mhux ir-riħa tfuħ tal-fjuri, imma hija riħa tajba wkoll ġejja mill-frott misjur, mill-ħuxlief u ħaxix niexef, u tal-ħamrija maħruta friska. Din tinxtamm l-aktar filgħaxija, meta s-sħana tax-xemx tiżreġ tkun naqset, u jaqa’ dak il-frisk fejjiedi li jgħidlek oħroġ barra għat-tgawdija. U hemm xi tgawdi! Dwal qawwija madwarek ma hemmx, u allura tista’ tagħmel waħda minn tiegħek. Inxteħet mimdud għall-qiegħa ta’ l-art sħuna, u ħares ’il fuq lejn is-sema nieqes mid-dawl tax-xemx. Imma dwal tara bil-miljuni; kemm hu sabiħ is-sema skur miksur mid-dawl tal-qamar, u numru bla għadd ta’ kwiekeb ipetptu qishom imsiebaħ fin-niċeċ tagħhom jew fuq l-imnara! Hekk tassew sabiħ is-sema, mingħajr lanqas ħajbura waħda u miżgħud b’daqstant dwal ċkejknin. Donnok tixtieq li tinqata’ mill-art u tmur tkompli tfittex sliem akbar hemm fuq! Hemm xi artist li bil-kapaċità kollha li jkollu, jasal li jpitter sema bħal dak? Il-Ħarifa Is-sħana tibda tonqos xi ftit; beda jidher xi sħab ’l hawn u ’l hemm; il-ħidma fl-għelieqi kibret xi ftit ukoll. Resqet il-Ħarifa, li għaliha forsi jista’ jingħad li ġie l-bnazzi qabel it-tempesta, forsi għax malli din tidħol, malajr wieħed jibda jaħseb għall-istaġun tal-maltemp! Issa ħafna mill-għelieqi huma maħruta u forsi miżrugħa wkoll. Għal darb’oħra l-irwejjaħ tal-ħamrija mdemmla u mqallba jimlew l-arja. Hawn għal darb’oħra għandna tiżwiqa ta’ lwien oħra. Din id-darba huma varjazzjoni ġmielha b’ħamrija ħamra u oħra taflija; minn kannella l-aktar skur għal dak aktar ċar, qisha xi kutra li kienet taħdem in-nanna minn xi biċċiet li kienet tiġma’. Dan minħabba l-kwalitajiet differenti ta’ ħamrija li tinstab hawn fil-kampanja. L-istess ħitan tas-sejjieħ li jdawru kull ħabel, qishom il-ħjata li tgħaqqad flimkien kull maktur ta’ ħamrija. Af li, tassew li n-natura taf toħroġ l-aħjar u l-aqwa, anke minn dak li forsi aħna ma narawhx daqshekk sabiħ! L-għeneb qed jingħasar għall-imbid, u tgħaddi minn fejn xi magħsar ma tistax ma xxommx ir-riħa ta’ dmugħ il-għenba! Inżul ix-xemx
Kapolavur Il-Pittur ta’ din it-tila immensa, ma telaq xejn għal riħu jew ibbaża fuq il-kumbinazzjoni! Kollox meqjus, kollox f’postu, kollox maħdum bir-reqqa! Ħu r-raġġi tax-xemx li jiddu fuq in-nida li tiffriska l-ħxejjex; lanqas is-sħab ma jtellifhom! Ħares ftit ’l hemm, lejn dik il-għolja. Hemm dik il-mogħdija li twassal sal-quċċata tagħha; tista’ tqisha t-triq li twassal għar-rieda ta’ l-Awtur, it-trejqa li twassal għall-ogħla tjubija. Filwaqt li l-għajnejn jimirħu lejn dik in-nixxiegħa fiddiena li tgelgel fil-wied b’ilma ħaj u safi, tistħajjilha qegħda twassal il-barkiet u l-grazzja ta’ Alla l-Imbierek. Mhux ta’ b’xejn li s-siġar u l-arbuxxelli li jixorbu minn dak l-ilma u jikbru madwarha, jagħtu frott bnin u bil-kotra, kultant ħafna iżjed milli wieħed jista’ jobsor! Il-frieħ ta’ l-għasafar fil-bejtiet tagħhom, b’ħalqhom imbewwaq lest biex jilqa’ dak li jġibulhom il-kbar, huma xhieda tal-Providenza ta’ Alla. Ma nistax ma nħarisx lejn dik il-merħla nagħaġ fil-mergħa! Inissluli fija sliem u serħan il-moħħ; arahom għalenija jimirħu ’l hawn u ’l hemm taħt il-ħarsien tar-ragħaj. Miegħu m’għandhomx għalfejn jibżgħu; qishom jafu li hu mhux biss iwennishom, imma dejjem ifittex li jsibilhom l-aħjar mergħa biex jibqgħu dejjem felħana. Trid u ma tridx tiftakar li f’mergħat kollhom ħdura jqegħedni u fejn nixxigħat ta’ l-ilma jeħodni! Fil-għoli taħt sema li qed jieħu l-bixra ta’ l-għaxija, nilmaħ dik il-kuċċarda tisseqqer u titliegħeb mal-mewġa tar-riħ; dik il-ħlejqa tfakkar fil-kliem ta’ konsolazzjoni li l-qawwa Tiegħu ma tonqos qatt! Għeluq F’din il-pittura hekk kbira u sabiħa, nilmaħ roqgħa li mhux dejjem hija daqstant ċara, anzi qisha tieħu xejra oħra ma’ kull jum, ma’ kull sena li tgħaddi. Nara f’din ir-roqgħa ftit imċajpra, il-ħajja tal-bniedem. Il-pinzell għadu dejjem fl-idejn kapaċi ta’ l-Imgħallem, li b’daqqa jew tmellisa tal-pinzell waħda wara l-oħra, ikompli jaħdem fuq dan il-kapolavur tiegħu. Il-pinzell ma jerħieh qatt minn idu u ma jieqaf qatt, lanqas ma juri għaġġla fil-ħidma wtieqa tiegħu. Hu x’inhu, mhix ħaġa daqshekk ħafifa li wieħed jagħraf sewwa u fil-fond la għerfu u lanqas ħsiebu! Din it-tila hija maħduma b’sengħa u perfezzjoni, mirquma u mlewna bl-isbaħ lwien oriġinali, ma tinsabx magħluqa f’xi mużew ta’ l-arti; mhux biss hija ewlenija u ta’ kobor bla qies, imma tista’ titgawda minn kulħadd u kullimkien. Kull min iħares lejn dan il-kapolavur żgur li għandu jitqanqal biex jieqaf, jgħarbel, jaħseb, u japprezza l-ħila u l-kobor ta’ dan l-Imgħallem li żgur m’hawnx aqwa minnu. Kbar kemm huma kbar mgħallmin bħal Caravaggio, Waterhouse, Raffaello, jew Gainsborough, qatt ma jwasslu lanqas sa difrejn subgħajh! Dawk kollox “ikkupjaw”; Hu biss jibqa’ dak li ħoloq, fassal u pitter l-oriġinal. P. Karm Ferrante, Karmelitan |