
KTIEB
NGĦIXU F’MARIJA
Kitba: Ven. Mikiel ta’ Santu Wistin, O.Carm.
Traduzzjoni: Fra Charlò M. Camilleri, O.Carm.
Edizzjoni: Il-Karmelu
Stampat: Malta 1998
WERREJ
Kelmtejn Qabel
Daħla
Kelmtejn dwar l-awtur
IL-ĦAJJA MFASSLA FUQ MARIJA U MARJANA
F’MARIJA U PERMEZZ TA’ MARIJA
(It-trattat De vita Mariæ-Formi et Mariana in Maria propter Mariam)
Il-ħajja Divina u Marjana
Li tgħix f’Marija
L-Ispirtu jiġbidna lejn Marija
Li tgħix għal Marija
L-imħabba lejn Marija titferra’ f’Alla
Il-perfezzjoni tal-ħajja f’Marija
Il-kontemplazzjoni ta’ Alla u ta’ Marija
Marija u l-għaqda ma’ Alla
Il-kobor tal-ħajja Marjana
Kif tissaħħaħ l-imħabba lejn Marija
Ninbidlu f’Marija
L-esperjenza ta’ Alla u ta’ Marija
L-imħabba ta’ wlied lejn Alla u Marija
Ħalli l-ispirtu ta’ Marija jmexxik
Għeluq
Ħajr
Kotba Konsultati
KELMTEJN TA’ QABEL
F’idejna għandna ktieb li jwassalna għand Ġesù permezz ta’ Marija. Inkiteb fis-sena 1669 u jifforma parti min trattat dwar il-ħajja mistika u kontemplattiva. Dan il-patri Karmelitan, il-Ven. Mikiel ta’ Santu Wistin, jurina kif il-ħajja tagħna tista’ titfassal fuq dik ta’ Marija Omm Ġesù. Dan it-tagħlim huwa propju wirt Karmelitan.
Bosta Karmelitani jiktbu fuq il-Madonna:għandhom jitkbu u jibqgħu jiktbu. Għax il-Karmelitani sa mill-bidu nett ta’ l-eżistenza tagħħom, ħarsu lejn Marija bħala il-mara li twassalhom għand l-Imgħallem Divin. Ħadd daqs Marija ma għex fil-prezenza ta’ Alla. Il-Karmelitan bħal Elija ieħor ifttex il-wiċċ ta’ Alla, u dan tgħallimulna Marija li għexet fis-skiet u l-prezenza t’Alla, tikkontempla l-imħabba tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Il-Ven. Mikiel ta’ Santu Wistin għex ma’ Marija fis-skiet, ifittex li jgħix fil-prezenza ta’Alla. Għalhekk jista’ jkun mudell għalina il-Karmelitani illum.
Ix-xogħol li għandek f’idejk hu frott tal-prezenza ta’Alla u ta’ Marija li fiha kien jgħix dan il-Venerabbli. Dan ix-xogħol hu traduzzjoni b’kelma mexxejja, ħafifa u magħżula ta’ Fra Charlò M. Camilleri, O.Carm. Tibda taqra, u jekk tifmhu ma titilqux minn idejk! Deherli li dan ix-xogħol għandu jiġi stampat biex ikun f’idejn kull min qiegħed ifittex lill-Alla bis-serjeta’. Dan ix-xogħol ma naqrawhx biss iżda naħsbu fuqu u ngħixuh. Dan il-ktieb jurina kif lil Marija, nistgħu nagħmluha aktar trasparenti fil-ħajja tagħha.
Nittamaw li kitbiet oħra ta’ ħutna il-Karmelitani li mxew qabilna fit-triq tal-qdusija jkomplu jaslu f’idejna minn Fra Charlò M., li għalkemm qiegħed fis-snin ta’ l-istudju tat-Teologija, isib il-ħin biex jagħmel dan ix-xogħol li hu ħaġa waħda miegħu.
P. Amadeo J. Zammit, O.Carm.
Provinċjal
Uffiċċju Provinċjali, Il-Fgura
20 ta’ Lulju 1998
Solennità tal-Profeta Missierna San Elija
DAĦLA
L-Ordni Karmelitan huwa Ordni Marjan. B’Ordni Marjan nifhmu mhux biss li hemm devozzjoni speċjali lejn Marija, iżda li l-istil ta’ ħajja u spiritwalita’ huma marbutin b’mod intimu ma’ Marija.
Il-kostituzzjonijiet jgħallmuna li l-qima lejn l-Imqaddsa Vergni Marija u d-dmir li nxerrduha huwa ġej mill-istess natura tal-missjoni li l-Ordni għandu fil-Knisja (nru. 85-90). Fit-tieni kapitlu ta’ l-ewwel taqsima f’numru 27, il-kostituzzjonijiet jispeċifikaw li f’Marija “l-Karmelitani jsibu x-xbieha perfetta ta’ dak kollu li jixtiequ u jittamaw li jkunu. Minħabba f’hekk, Marija minn dejjem kienet meqjusa bħala Patruna ta’ l-Ordni, li tiegħu hija imsejħa wkoll Omm u Ġmiel, u li l-Karmelitani dejjem żammew quddiem għajnejhom u f’qalbhom bħala l-Verġni l-aktar safja. Fil-waqt li nħarsu lejha u ngħixu f’familjarita’ spiritwali magħha, aħna nitgħallmu ngħixu fil-preżenza ta’ Alla u flimkien bħala aħwa tal-Mulej. Għax Marija tgħix fostna bħala Ommna u Oħtna, attenta għal-ħtigijiet tagħna u flimkien magħna tistenna u tittama, tbati u tifrah. Il-labtu huwa is-sinjal ta l-imħabba materna, dejjiema u stabbli ta’ Marija lejn l-aħwa Karmelitani.”
It-Trattat dwar il-ħajja Marjana inkiteb mill-Venerabbli Mikiel ta’ Santu Wistin, Karmelitan tar-Riforma ta’ Touraine, magħrufa ukoll bħala ta’ l-Osservanza l-aktar iebsa.
Bħala Karmelitan li jqis l-importanza ta’ l-ideal kontemplattiv ta’ l-Ordni, l-awtur jisħaq f’kitbietu fuq it-talb aspirattiv, jigifieri dak it-talb li ġej mill-qalb, talb li jdur fuq il-preżenza ta’ Alla u li fih jiġi imwarrab il-kliem żejjed, biex fil-ġabra u fis-skiet wieħed jisma lil Alla. Għal dan huwa meħtieg is-safa’ tal-qalb u tad-djalogu ġewwieni ma’ Alla.
L-awtur f’dan it-trattat mistiku jara l-ħajja interjuri mill-aspett Marjan. Bħala Karmelitan jara lil Marija taħdem fina, titlob magħna u wkoll permezz tagħna wliedha. Għalhekk huwa jtenni li l-Karmelitan għandu jkollu l-istess sentimenti ta’ Marija kemm fit-talb u wkoll filli jilbes il-virtujiet tagħha. Għalih il-Karmelitan jenħtieġlu jgħix mhux biss fil-preżenza ta’ Alla imma wkoll f’dik ta’ Marija Ommu hekk li ħajtu tkun mimlija bit-tnejn, b’tali mod li Marija tressaqna lejn Alla waqt li tgħallimna kif għandna nħobbuh u ngħixu għalih. F’dan it-trattat il-Venerabli Mikiel kiteb b’mod teoloġiku l-esperjenza kemm tiegħu u kemm ta’ Marie Petyt, Terzjarja Karmelitana li kienet iżżommu b’konfessur tagħha. Huwa diffiċli tgħid liema partijiet minn dan it-trattat huma l-frott ta’ l-esperjenza ta’ Marie Petyt u liema huma frott ta’ l-awtur.
It-trattat kien jagħmel parti minn opra oħra li l-awtur stess kiteb fl-1669. It-trattat marjoloġiku-mistiku ġie maqlub għal-Latin fl-1671 fil-ktieb:Institutiones Mysticae. F’dan ta’ l-aħħar it-trattat jinsab wara r-raba’ kapitlu ta’ l-istess ktieb aktarx bħala appendiċi jew żieda bl-isem ta’ De vita Mariae-formi et Mariana in Maria propter Mariam, (Il-Ħajja mfassla fuq Marija u Marjana, f’Marija u għal Marija). Hawn għalhekk li l-ewwel taqsima tiegħu tibda b’dawn il-kelmiet:”Qabel ma nieqfu nitkellmu minn dawk il-ħwejjeġ li l-ħniena divina ma stmerrietx tssuġġerilna dwar il-ħajja qaddisa u bħal ta’ Alla, ħsibt li tkun ħaġa tajba li nżidu u nagħtu xi tagħrif fuq kif inġibu ruħna dwar dak li għandu x’jaqsam mal-maħbuba Omm tagħna, minħabba li l-imħabba ta’ ulied tiġbidna lejha”.
Mikiel ta’ Santu Wistin jista’ jitqies bħala l-prekursur ta’ Luigi Maria Grignon de Montfort, li kiteb it-trattat dwar il-vera devozzjoni lejn Marija. Dak li San Luigi de Montfort għallem aktar tard, kien diga’ qiegħed jiġi mgħix mill-Karmelitani fil-qima tagħhom lejn Marija. Ħasra li trattat bħal dan tal-Venerabbli Mikiel ta’ Santu Wistin huwa ftit li xejn magħruf, meta tqis li l-istudjużi jqisuh bħala l-aktar opra importanti ta’ dan l-awtur Karmelitan. Fil-fatt l-awtur baqa’ magħruf fl-Ordni Karmelitan u barra minnu proprju għal dan it-trattat tant importanti. IL-ħajja li jipproponi fih hija mixja interjuri ta’ fidi u telqa f’ idejn Alla u f’idejn Marija. Id-distakk mill-ħwejjeġ materjali li jfixkluna mill-mixja tagħna wara Kristu, huwa l-kondizzjoni waħdanija għall-Karmelitani u mhux, li jrid jitla’ l-għolja tal-kontemplazzjoni li mbagħad turi l-frott tagħħa fil-ħajja u anke fl-appostolat fejjiedi.
Dan it-trattat għandu jinqara f’dan id-dawl ta’ l-ispiritwalita Karmelitana. Ħafna drabi l-awtur juża versi mill-Iskrittura, xi wħud b’riferenza diretta għal Kristu, u jadattahom għal Marija biex isaħħah l-argumenti tiegħu. Dan jista’ jidher żejjed u mhux f’postu. Iżda mhux il-każ li ninterpretaw ħazin l-awtur. Moħbija wara dan hemm teoloġija u Marjoloġija fina ħafna, proprja tal-Karmelu li huwa kkonsagrat kemm lil Alla u lill-Verġni Marija. Għalhekk huwa juża dan il-metodu sabiex juri li meta wieħed fil-mixja tiegħu wara Kristu, iżid (biex ngħidu hekk) devozzjoni b’saħħitha u flokha, bħala mixja wara l-passi ta’ Marija, dan ma jkunx qiegħed jitbiegħed mit-triq it-tajba. Anzi jkun beda triq żgura li twassal għand Kristu, għax Marija bħala d-dixxiplu perfett ta’ Kristu u għalliema spiritwali tagħna ma tista’ twassalna mkien għajr għand binha Ġesù. Hija dik il-Mara, Omm, Oħt li dejjem attenta għall-ħtiġijiet li jkollna bżonn fil-mixja wara Kristu.
F’din il-mixja tgħidilna l-istess kliem li qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidilkom Ħu”. Din hi t-tweġibha tagħha lilna wliedha li nhar is-16 ta’ Lulju nġeddu l-impenn tagħna lejha meta ngħidulha: “Nimxu warajk kull fejn teħodna Vergni Marija” żgur li hi twassalna sal-quċċata tal-Karmelu fejn hemm tgħammar it-Trinita Qaddisa
Fra Charlò M. Camilleri, O.Carm.
16 ta’ Lulju 1998
Tifkira Solenni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu.
KELMTEJN DWAR L-AWTUR
Ivan Van Ballaert twieled fi Brussell nhar il-15 ta’ April 1621, ġo familja mżejjna b’ħafna wlied: tmien subien u tlett ibniet, li kollha saru saċerdoti u reliġjużi, fosthom tnejn Karmelitani.
Huwa daħal Karmelitan fl-1637 f’Louvaine fejn ipprofessa fl-14 ta’ Ottubru 1640 bl-isem ta’ Mikiel ta’ Santu Wistin. Ordna saċerdot fl-1645 u bħala patri li kien jispikka fil-qdusija u l-ħajja ta’ talb ġie magħżul biex jaqdi l-ufficcji ta’ surmast tan-novizzi, pirjol, assistent tal-provinċjal, provinċjal u kummissarju ġenerali.
Kien bniedem ta’ karattru ħelu li jieħu interess fil-ħajja ta’ l-aħwa li magħhom kien jgħix. Xhieda ta’ dan għandna l-fatt li kien jsejjħulu “l-omm tal-provinċja”. Bniedem spiritwali, mogħti għall-meditazzjoni u ħajja mgħixa fil-preżenza ta’ Alla, bniedem li jħobb is-skiet u s-solitudini, bniedem li għex ħajja semplici mogħtija għall-istudju tat-teoloġija mistika. Minħabba l-qdusija ta’ ħajtu kien direttur spiritwali mfittex minn diversi persuni. Il-ħajja kontemplattiva tiegħu kienet tħalli frott appostoliku kbir fost dawk li jiltaqa magħhom.
Mogħti kif kien għall-ħajja ta’ għaqda ma’ Alla u membru tar-Riforma ta’ Touraine, kien jinteressah biss li jgħix l-ideal kontemplattiv u mistiku tal-Karmelu. Kien għalhekk li daħlet il-mistika Marjana, li dwarha kiteb dan it-trattat. Kollox beda mit-terzjarja Karmelitana Marie Petyt! Bħala penitenta tiegħu kienet hi li kkonvinċietu bis-sehem importanti ta’ Marija fit-triq tal-ħajja spiritwali. Qabel hu kien interessat biss li jgħix ħajja qaddisa skond l-ispirtu tar-Riforma ta’ Touraine.
Meta sar provinċjal ried li f’kull kunvent tal-provinċja jkun hemm kopja tax-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu magħrufa bħala l-Madonna s-Samra, li għadha tinsab sal-lum fis-Santwarju Karmelitan f’Napli. Din ix-xbieha, skond it-trdizzjoni hija l-ewwel xbieha tal-Karmnu, miġjuba minn fuq il-Karmelu fis-seklu 13. Il-Liturġija tas-Sigħat għalih kienet ukoll mezz ta’ għaqda ma’ Marija, kien iħobb jiftakar li Marija fuq din l-art kienet titlob bl-istess Salmi.
Kien hu li reġa daħħal id-drawwa qadima fl-Ordni li meta tkun qiegħed tikteb, tniżżel fuq it-tarf tal-folja l-isem ta’ Marija. Kollox fid-djar Karmelitani kellu jitkellem fuq il-Madonna, preżenti f’nofs il-patrijiet ħutha sabiex mill-abbundanza ta’ qalb il-Karmelitan jitkellem fommu, jiktbu l-idejn, u saħansitra l-ħitan tal-monasteri u d-djar jgħajjtu, iħobbu u jfaħħru fis-skiet lil Marija.
Bħala iben den ta’ Marija qala’ l-grażżja li jidħol fil-ferħ tas-sema, nhar it-2 ta’ Frar 1684, festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, li dak iż-żmien kienet ukoll il-festa tal-Purifikazzjoni ta’ Marija. Hu li għex magħqud ma’ Marija u mat-Trinita Qaddisa fuq din l-art, mar igawdihom fis-sema.
IL-ĦAJJA MFASSLA FUQ MARIJA U MARJANA
F’MARIJA U PERMEZZ TA’ MARIJA
(It-trattat De vita Mariæ-Formi et Mariana
in Maria propter Mariam)
IL-ĦAJJA DIVINA U MARJANA
Qabel ma nieqfu nitkellmu minn dawk il-ħwejjeg li l-ħniena Divina ma stmerrietx tissuġġerilna, dwar il-ħajja qaddisa u bħal ta’ Alla f’ Alla, ħsibt li tkun ħaġa tajba li nżidu u nagħtu xi tagħrif fuq kif inġibu ruħna dwar dak li għandu x’jaqsam mal-maħbuba Omm tagħna, minħabba li l-imħabba ta’ ulied tiġbidna lejha.
Mela, kif diġa għedna drabi oħra, huwa neċessarju li ngħixu ħajja bħal ta’ Alla, jiġifieri ħajja li taqbel ma’ dak li jogħġob lil Alla skond dak li titlob ir-rieda mqaddsa tiegħu. Hekk ukoll jaqbel li ngħixu ħajja bħal ta’ Marija, jiġifieri li taqbel ma’ dak li jogħġob lil Marija, Omm Alla.
Għalhekk, dawk kollha li jistqarru li huma wliedha għandhom ifittxu li bir-reqqa kollha jwettqu dak li jogħġob lil Alla u lill-maħbuba Omm. Għandhom jaraw li f’dak kollu li jagħmlu, jitfgħu ħarsithom lejn Alla u lejn l-Omm qaddisa tiegħu u b’ferħ u ħeġġa jwettqu dak kollu li jogħġob lilhom u joqgħodu attenti sabiex jaħarbu dak kollu li jweġġagħhom.
Biex tgħix ħajja sopranaturali u qaddisa, hija meħtiega l-grazzja sopranaturali, jiġifieri l-Ispirtu Qaddis li jgħarbel lir-ruħ, jidħol għaliha, jieqaf magħha u jmexxiha. Sewwasew minħabba l-koperazzjoni fidila tar-ruħ, u kemm minħabba dawn il-ħidmiet ta’ l-Ispirtu, ir-ruħ namrata ma’Alla tgħix ħajja sopranaturali u qaddisa.
Issa kif ħasbu tajjeb Missirijiet il-Knisja, Alla ma ried jagħti l-ebda grazzja lill-bnedmin jekk qabel ma tgħaddix minn idejn Marija. Huma jsejjħulha l-għonq tal-Knisja, li minnu jgħaddu, lejn il-membri l-oħra, il-grazzji kollha u l-barkiet tas-sema, li joħorġu minn Kristu, ir-Ras tal-Knisja. Minħabba f’ hekk il-grazzji kollha tal-Mulej huma wkol grazzji ta’ din l-Omm l-aktar maħbuba. Jidher ċar li mhux il-grazzja jew l-ispirtu ta’ Alla biss jaħdem u joħloq ħajja qaddisa f’erwieħ bħal dawn, imma wkoll il-grazzja u l-ispirtu ta’ Marija li jaħdem u joħloq fihom il-ħajja Marjana.
S. Ambroġ kien jixtieq li l-ispirtu ta’ Marija jgħix fina b’dan il-mod, meta kien itenni:”tkun f’kulħadd ir-ruħ ta’ Marija biex tfaħħar lill-Mulej, ikun f’kulħadd l-ispirtu ta’ Marija biex jifraħ f’ Alla s-Salvatur tiegħu”. U ma’ dan inżid: jalla li l-ispirtu ta’ Marija jkun fina, sabiex ngħixu fih. Hekk kif l-ispirtu tagħha jkollu post fina, hu stess jaħdem għalina u jkun il-bidu tal-ħajja qaddisa f’ ruħna.
Marija stess tfisser b’fomm il-Knisja: “It-tifkira tiegħi oħla mill-għasel”(cfr. Sir 24, 20). U wkoll “Dawk li jaħdmu bija- jġifieri bil-grazzja mogħtija bl-interċesjoni tiegħi – ma jidinbux” (Sir 24, 22); Min isib lili jsib il-ħajja u jikseb l-imħabba tal-Mulej” (Prov. 8, 35).
Xi mkien ieħor tgħid: “Fija tinsab kull grazzja ta’ ħajja u verita” - jiġifieri, għal dawk kollha li f’ ħajjithom ifittxu li jħobbu lil Alla jsibu – “fija kull tama ta’ ħajja u qawwa”. Ħadd, ikun f’liema stat ikun, ma jista’ jaqla’ xi grazzja jew ikollu xi tama għall-ħajja tas-sema jew ta’ perfezzjoni nisranija jekk mhux permezz ta’ Marija, jekk mhux bil-ħidma ta’ Omm mimlija bl-imħabba.
B’dan il-mod ir-ruħ fidila tidra tgħix bil-mod il-mod il-ħajja bħal ta’ Alla u bħal ta’ Marija minħabba li din il-ħajja toħroġ mill-istess Spirtu ta’ Alla u ta’ Marija, jiġifieri mill-grazzja ta’ Alla mogħtija lilna permezz ta’ Marija.
Dan isir b’tali mod u manjiera li meta r-ruħ tfittex lil Alla u tasal sabiex tgħix f’kull ħin il-ħajja Divina, jingħatalha li tgħid: “Ngħix, imma mhux iżjed jien , iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2, 20) flimkien ma’ Marija. Jew aħjar l-Ispirtu ta’ Ġesù u ta’ Marija “li jgħammar fija, qiegħed jagħmel l-opri tiegħu” (Ġw 14, 10). Mela hu “L-istess spirtu wieħed” (1 Kor 12, 11) ta’ Ġesù u ta’ Marija li jaħdem fir-ruħ.
F’dan is-sens jista’ jingħad li Marija għandha s-Saltna fir-ruħ, u t-tron tagħha qrib dak ta’ Binha Ġesù, b’ tali mod li meta fir-ruħ, tikber is-saltna ta’ Kristu hekk ukoll tikber u twarrad is-saltna ta’ Marija. Imbagħad isseħħ fir-ruħ il-kelma tas-salmista li jgħid: “F’lemintek is-sultana” (Salm 45, 10), għaliex is-saltna ta’ Ġesù u s-saltna ta’ Ommu jwarrdu bla distinzjoni fir-ruħ. Ġesù u Marija jsaltnu flimkien ġewwa fiha.
LI TGĦIX F’MARIJA
Inkomplu. Fit-taqsima ta’ qabel din urejna kif wiehed għandu jgħix f’Alla l-ħajja qaddisa u bħal ta’ Alla; issa jmiss nuru kif din il-ħajja tista’ tingħax f’Marija.
Biex wieħed jgħix f’Alla, jenħtieġlu jaċċetta l-iebes b’qalb tajba u b’imħabba, b’konverżjoni sħiħa, bil-ġabra, b’ġibda ta’ l-ispirtu lejn Alla f’ dak kollu li jgħaddi minnu kemm fir-ruħ u kemm fil-ġisem, mill-bnedmin u mill-ispirti hżiena.
B’hekk jimita l-Feddej, li kien iħalli lill-Missier li jgħix fih, iwettaq dak kollu li huwa kien jagħmel. Bl-istess mod aħna nistgħu ngħixu f’Marija, Ommna l-aktar maħbuba. Fil-ħidma u fit-tbatija, nippruvaw inżommu u nkabbru fina l-imħabba ta’ ulied lejn Marija, bħal lejn Omm l-aktar maħbuba. Dan iġib miegħu turija ta’ mħabba tar-ruħ lejha u lejn Alla.
Xi minndaqqiet din il-ħajja Marjana tidher ġejja mill-Ispirtu s-Santu, permezz ta’ turija ta’ mħabba lejn Marija, li mbagħad mingħandha tmur lejn Alla. Hekk jingħad li ġara lil Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. . . Fit-telfa ta’ mħabbitha lejn Alla, kienet ta’ spiss tressaq talb imħeġġeġ u sentimenti ta’ bint, taħdit intimu mimli mħabba lejn il-Verġni Omm Alla, bħal lejn Omm l-aktar ħelwa, u dan anke waqt l-estasi li bla dubju ta’ xejn kienu frott ta’ l-Ispirtu s-Santu. Eżempji oħra bħal dawn jinsabu fil-ħajja ta’ bosta qaddisin, bħal ngħidu aħna San Bernard, San Pier Tumas, San Ġużepp Hermann.
Dispożizzjoni bħal din tiġi mill-ħidma diretta u spontanja ta’ l-Ispirtu ta’ l-imħabba fir-ruħ u mill-ħafna atti ta’ mħabba murija lejn l-Omm ħelwa tagħna. Hekk kif titħarreġ f’din id-dispożizzjoni, ir-ruħ iżżomm fiha t-tifkira u l-ġibda lejha, kważi bi-istess mod li bih hija tħoss ġo fiha l-preżenza ta’ Alla kollha qima u mħabba. Dan l-eżerċizzju ma jaqta’ xejn ta’ din il-fidi ħajja u mħabba sħiħa, iġġib fir-ruħ dispożizzjoni kontinwa li tgħix kullimkien, kull ħin u kull mument fil-preżenza ta’ Alla, hekk li tibda tferra’ fih sentimenti ta’ mħabba safja tant li jkunilha kważi impossibbli li tinsa lil Alla.
Hekk ukoll, il-veru iben ta’ Marija, b’ imħabba ta’ iben, jidra jżommha f’moħħu bħala Omm tassew maħbuba. B’hekk jindirizza lejha l-ħsibijiet u x-xewqat kollha tiegħu, tant li jkun impossibbli għalih li jinsa lil Alla jew lill-maħbuba Ommu.
San Pier Tumas ta’ l-Ordni Karmelitan u Patrijarka ta’ Kostantinopli, rawwem fih din id-drawwa. F’kull ma’ kien jagħmel, ukoll fl-appostolat, kien jibqa’ magħqud ma’ Marija b’imħabba ta’ iben, billi ra fiha Omm kollha mħabba. Huwa kien iżejjen bl-imħabba lejha u għall-ġieħ tagħha dak kollu li kien jagħmel. Min-naħa tagħha hi qatt ma naqset li tibqa’ miegħu, tfarrġu u tagħmillu kuraġġ, b’dik l-imħabba tagħha ta’ Omm.
L-ISPIRTU JIĠBIDNA LEJN MARIJA
Kollox imur tajjeb meta l-Ispirtu ta’ Alla, jigifieri ta’ l-imħabba qaddisa, inissel fir-ruħ din il-ġibda ta’ wlied lejn il-maħbuba Ommna. In-natura tagħna tistħajjilha mibdula, hekk li tidher imlibbsa bl-innoċenza, bl-umiltà, bl-imħabba u b’atteġġjamenti oħra ta’ iben lejn l-aktar maħbuba u ħelwa Ommu, tant li t-taħdit tiegħu ma’ Marija jkun mimli innoċenza.
Minħabba li “l-imħabba ta’ Alla tnisslet fil-qalb permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li ngħatalha”, (cfr. Rm 5, 5), dan i-istess spirtu jaħdem fir-ruħ, iħeġġiġha, imexxiha u jgħajjixha. Għalhekk nistgħu ngħidu li din ir-relazzjoni tar-ruħ ma’ Marija, m’hija xejn ħlief il-frott ta’ l-imħabba ta’ Alla li jiġbed lir-ruħ b’imħabba kbira lejn Marija.
Hekk kif ir-ruħ tersaq lejn Marija, mill-ewwel tintrefa’ lejn Alla mingħajr diffikulta’. F’dan jidher li l-imħabba lejn Alla u lejn Marija huma marbutin flimkien bħala ħaġa waħda, sabiex ir-ruħ li tingħaqad ma’ Marija tistrieħ għal dejjem f’ Alla. Dan ifisser li, huwa “l-istess Spirtu” (1 Kor 12, 11) li meta jrid u kif irid inissel din l-imħabba lejn Alla u lejn Marija. Huwa dan l-Ispirtu li jidrob bl-imħabba lir-ruħ, hekk li jagħmilha bħala għarusa mistrieħa f’dirgħajn il-maħbub tagħha; bħal tarbija innoċenti quddiem l-Omm l-aktar ħelwa tagħha.
L-iben ta’ Marija mingħajr il-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu jew ta’ l-imħabba divina, ma jista’ qatt jinġibed lejha b’dik l-imħabba sempliċi u ħelwa, għall-kuntrarju mħabbtu tkun aktar ġejja mir-raġuni u limitata. Mingħajr din il-ħidma, lanqas jekk tkun trid ma tista’ qatt tgħix fis-sempliċità u fl-imħabba. Iżda b’din il-preżenza ta’ l-Ispirtu ta’ Alla fir-ruħ, li jaħdem kif irid u meta jrid, il-ħajja ta’ qdusija tkun ġenwina. (cfr. 1 Kor 12, 11)
Nistgħu ngħidu għalhekk, li fir-ruħ jgħixu żewġ persuni li jaħdmu id f’id, daqqa wieħed u daqqa l-ieħor, hekk li r-ruħ stess tistagħġeb kif f’qasir żmien tħoss dawn il-ġibdiet qaddisa tant differenti minn xulxin. Biex din l-esperjenza ħelwa ma titmewwitx, ir-ruħ għandha tagħti kas ta’ dak li tħoss b’tant sempliċità, mingħajr ma tfixkel l-ispirtu.
LI TGĦIX GĦAL MARIJA
Minn dak kollu li għadna kemm rajna, nistgħu ngħidu kif ir-ruħ li tħobb lil Alla tista’ wkoll tgħix għal Marija.
Huwa tajjeb li wieħed jgħix għal Marija, kif hu tabilħaqq neċessarju li wieħed jgħix għal Alla? Inwieġeb iva b’dan kollu li sejjer ngħid. Kif ir-ruħ li thobb lil Alla tgħix għal Alla, (jiġifieri toffri għall-imħabba ta’ Alla u għat-twettiq tar-rieda tiegħu kull ħidma attiva tas-sensi u wkoll kull tbatija passiva tagħhom), hekk ukoll tista’ taħdem ħalli tgħix għal Marija billi toffri lilha kull ħidma u kull tbatija sabiex hi wkoll tkun meqjuma, msebbħa u maħbuba sabiex is-saltna tagħha tikber u tingħaqad mas-saltna ta’ Binha Ġesù. Tabilħaqq, kif ngħixu, naħdmu, inbatu u mmutu għall-imħabba ta’ Kristu, hekk ukoll ngħixu, naħdmu, inbatu u immutu għal-imħabba ta’ Marija.
Hekk kif Ġesù jrid li jkollu saltnatu ġewwa fina, sabiex iqassam kif irid hu u għas-servizz tiegħu kull ħidma u tbatija tagħna, hekk ukoll bl-istess mod Marija taħdem fina sabiex bl-għajnuna tagħna tkun tista’ tikseb dak li hu tagħha meta nsejħulha: “Sultana tas-sema u ta’ l-art” u wkoll “Sultana tal-qaddisin kollha”. Dan ma seta’ qatt ikun possibli, li kieku hi ma kellhiex xi setgħa fuqna u li kieku aħna ma ngħatajniex biex ngħixu fis-servizz u għall-unur tagħha.
B’dan il-mod kien iqimha bħala s-Sultana ta’ ruħu, San Pier Tumas, gieħ ta’ l-Ordni Karmelitan, billi joffri dak kollu li kien jagħmel f’ħajtu għall-imħabba u l-glorja ta’ Marija. B’ sinjal ta’ din is-setgħa perfetta ta’ Maija fuqu, hu kien iġib minqux fuq qalbu l-isem qaddis tagħha.
Hekk ukoll San Ġerardu xehed li jagħraf lil Marija bħala s-Sultana tiegħu billi kuljum kien jitlob l-Uffiċċju ta’ Marija mtellgħa s-sema, Sultana tas-sema u ta’ l-art. Huwa rnexxielu wkoll inissel f’San Stiefnu, Re ta’ l-Ungerija din id-drawwa, li min-naħa tiegħu kkonsagra s-saltna lil Marija bħal lejn Sultana, u ħeġġeġ lil kullħadd jitlobha bħala Sinjura u Sultana. Aħna wkoll għandna nitgħallmu noffru ħajjitna f’ġieh Marija.
Barra min hekk, billi hija l-Omm ta’ dawk kollha li jemmnu, huwa tabilħaqq xieraq li nuruha mħabba ta’ ulied f’dak kollu li nagħmlu jew nagħżlu li ma nagħmlux, sew fit-tbatija sew fil-ħajja u sew fil-mewt. Marija għandha tkun it-tieni waħda (wara Alla) li noffrulha kull nifs, kull intenzjoni u kull tama. Għaliha għandna ngħixu. Żguri li jekk ngħixu, ngħixu għal din l-Omm u Sultana; jekk immutu, immutu għal din l-Omm u Sinjura. Infatti sew jekk ngħixu, sew jekk immutu aħna nibqgħu dejjem ulied ta’ din l-Omm u Sinjura tagħna.
Għalhekk jidhirli li naraha tħares lejna u tgħidilna: “Jista’ jkollkom ħafna min jitmagħkom, imma m’għandkomx ħafna ommijiet, għaliex jiena nissiltkom fi Kristu Ġesù” (1 Kor 4, 15).
L-IMĦABBA LEJN MARIJA TITFERRA’ F’ALLA
Hawnhekk irridu nsostnu li, sew jekk tgħix u sew jekk tmut għal Marija dan għandu jiġi indirizzat lejn Alla (l-istess ngħidu għall-kult, l-imħabba u l-qima lejn il-qaddisin l-oħra). Tabilħaqq, kif Marija hija kollha kemm hi mdawwra lejn Alla u tgħix għal dejjem għalih, skond dak li jrid Hu, għall-imħabba u s-sebħ tiegħu, hekk ukoll ħajjitna u mewtna għal Marija għandhom ikunu indirizzati lejn Alla. Dan għaliex aħna ma ngħixux u ma mmutux għal Marija bħala skop fih innifsu jew biex nogħġbu lilna nfusna, jew għal xi raġuni oħra barra minn Alla. Anzi bil-ħajja u l-mewt tagħna f’ Marija u għal Marija, aħna nkunu nistgħu ngħixu u mmutu b’mod aktar perfett għal Alla, skond ir-rieda u s-sebħ imqaddes tiegħu. Dan ukoll sabiex is-saltna perfetta ta’ Marija tkun tista’ tnissel għeruq fina flimkien mas-saltna perfetta ta’ Ġesù f’ruħna.
Is-saltna ta’ Marija m’hijiex kontra s-saltna ta’ Ġesù, imma nqiegħda għal kollox taħtha. Għalhekk dak li jħobb lil Alla u jqis ruħu iben veru tal-maħbuba Marija, jenħtieġlu joqgħod attent għal dak kollu li jagħmel, sabiex l-imħabba ta’ Alla “li ġiet imnissla f’qalbu permezz ta’ l-ispirtu s-Santu”, tinfirex u titferra’ anke fuq Marija. . . . , ħalli jersaq lejha bi mħabba u ħlewwa, ħa jdawwar lejha l-ispirtu tiegħu u jiftakar fiha kullimkien b’attenzjoni kollha rispett ta’ iben tassew.
Iżda, din il-firxa ta’ l-imħabba t’Alla lejn il-maħbuba Omm, trid terġa’ lura, titferra’ mil-ġdid f’Alla u tieqaf fih. Għalxejn aktar m’għandha titħaddem l-imħabba jekk mhux għalih. Dan iseħħ b’mod perfett meta tiġi mqanqla u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu. Hu għalhekk li r-ruħ tifhem li din il-ħajja f’Marija ma tfixkel xejn il-ħajja f’ Alla, iżda tgħin u tqanqal għaliha. Fi kliem ieħor, din il-ħajja hija l-għajxien ta’ l-imħabba ta’ Alla permezz ta’ Marija, fi ħdan Alla. Din hija ħajja li twassal għall-imħabba u s-serħan f’Alla flimkien mal-maħbuba Omm. Biex nifhmu aħjar ngħidu li din m’hijiex ħlief ħajja li tħobb lill-maħbuba Omm u lil Alla, iżda li żżomm lil Alla bħala l-iskop waħdieni tagħha.
IL-PERFEZZJONI TAL-ĦAJJA F’MARIJA
L-Ispirtu s-Santu, kif ukoll l-esperjenza juru lil x’uħud kif il-ħajja f’ Marija jew Marjana tiddependi, kif ukoll ma tistax tinfired mil-ħijja f’Alla jew divina. Nistgħu ngħidu, u hekk hu, li dan huwa grad aktar għoli f’dan is-sempliċi stat ta’ għaqda ma’ Alla it-tjubijja fih innifsu, jiġifieri fil-ħajja f’Alla jew divina.
Ħafna drabi jingħad li Alla huwa l-iskop waħdieni u aħħari tar-ruħ, minħabba li hu l-akbar u l-uniku għan li għalih ir-ruħ ġiet maħluqa. L-hena kollu sew f’ din il-ħajja sew fl-oħra jinsab filli tersaq lejh, tkkontemplah u tkun magħquda miegħu u tgawdih. Għalhekk ir-ruħ ma tista’ qatt tistenna jew tixxennaq għal xi ħaġa ikbar.
Madanakollu, f’sens ieħor (kif sejjer nispjega issa) ir-ruħ tista’ tixxennaq u togħla aktar ‘il-fuq. Il-qaddisin, fis-sema jgawwdu sebħ perfett, hena, ferħ, u jaqtgħu l-għatx tagħhom fil-kontemplazzjoni u fl-imħabba ta’ Alla billi jarawh wiċċ imb’wiċċ. Fi kliem ieħor, huma mixgħula bid-dawl tal-glorja u wkoll mgħaddsin fl-imħabba beatifika; isibu hemm l-hena u s-sebħ waħdieni tagħhom. Iżda ilkoll nafu, li minbarra dan is-sebħ u ferħ essenzjali, huma jgawdu wkoll minn ħwejjeg oħra u ferħ sekondarju u aċċidentali, skond kemm u kif irid Alla, kemm kull wieħed jiflaħ u wkoll skond il-merti ta’ kull wieħed.
Per eżempju, ferħ li jkkonsisti fil-kontempazzjoni u t-tgawdija ta’ l-Umanita’ Qaddisa ta’ Kristu, tal-pjagi Qaddisa tiegħu, tas-Salib Imqaddes, l-għodda tas-sebħ tiegħu, tal-glorjuża Omm ta’ Alla, ta’ San Gużepp u tal-qaddisin l-oħra: kif ukoll fil-għarfien ċar ta’ x’uħud mill-misteri ta’ Alla u ħwejjeġ oħra: ferħ aċċidentali li jitgawda ħafna minn x’uħud u anqas minn oħrajn. F’dan is-sens, qaddis, jista’ jgawdi glorja aktar minn ieħor, minħabba li l-imħabba beatifika tkun aktar qawwija u mifruxa f’ruħ u mhux f’oħra. Intennu li anke f’din il ħajja kważi bl-istess mod, lil x’uħud magħżula minnu, Alla jagħtihom grazzji aċċidentali, doni u favuri, li bihom ikunu jixbhu lill-qaddisin u jiġu mgħollija għal stat aktar sublimi u perfett ta’ mħabba, sakemm jilħqu stat ta’ ħajja aktar perfetta ta’ mħabba u tgawdija t’Alla.
F’ dan is-sens, il-ħajja Marjana, magħquda mal-ħajja Dvina, hija perfetta u aktar għolja mis-sempliċi ħajja kontemplattiva ta’ għaqda m’Alla. Fil-fatt din il-ħajja Marjana hija biex ngħidu hekk, ħajja doppja, jiġifieri ħajja f’Alla u f’Marija, f’kontemplzzjoni sempliċi, għall-imħabba u l-hena ta’ Alla f’Marija u ta’ Marija f’Alla. Meta xi ruħ reliġjuża hija mqanqla ta’ spiss mill-Ispirtu Qaddis li jgħammar fiha – b’tali mod li dejjem iżżomm f’moħħha dawn iż-żewġ oġġetti, Alla f’ Marija u Marija f’Alla, tikkontemplahom, tħobbhom, tgħix bihom – nistgħu ngħidu li din ir-ruħ tgħix tassew Divina-Marjana f’Alla u Marjana-Divina f’Marija.
Għalhekk, meta r-ruħ għandha l-ħin kollu fl-imħabba tagħha bħala għan lil Alla u lil Marija f’dak kollu li tagħmel, tgħid u taħseb, nisgħu ngħidu bla tlaqlieq li din ir-ruħ qiegħda tgħix għal Alla u għal Marija. Din il-ħajja Divina-Marjana hija aktar perfetta mis-sempliċi ħajja kontemplattiva u ta’ għaqda ma’ Alla, għaliex ir-ruħ ma tkunx magħquda biss ma’ Alla imma wkoll ma’ Marija mingħajr ma tnaqqas xejn mill-għaqda ma’ Alla. Din hi r-raġuni għaliex din il-ħajja hija aktar perfetta minn ta’ dik ir-ruħ li tfittex biss li tingħaqad ma’ Alla. Jekk irridu nitkellmu bi kliem li jinftiehem, dan nistgħu nqabbluh mal-ħajja ta’ dawk il-qaddisin li jgawdu aktar ħwejjeġ minn dawk li jgawdu biss lil Alla.
IL-KONTEMPLAZZJONI TA’ ALLA U TA’ MARIJA
Teżisti ħajja ta’ kontemplzzjoni purament f’Alla jew divina, bħal ngħidu aħna l-kontemplazzjoni tat-Trinita’ Qaddisa, bl-attributi u l-perfezzjoni kollha tagħha. Teżisti mbagħad ħajja ta’ kontemplzzjoni fi Kristu Alla u Bniedem, ikkontemplat bħala persuna waħda fid-Divinita’ tiegħu magħquda ma’ l-Umanita’ qaddisa tiegħu.
Minbarra dawn it-tipi ta’ kontempazzjoni ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu, teżisti l-kontemplazzjoni ta’ Alla f’Marija u ta’ Marija f’ Alla. Din il-kontemplzzjoni jkun ħsiebha f’Alla u Marija permezz ta’ l-imħabba, mingħajr ma tinfired jew tinqasam bejn Alla u Marija.
Naturalment, Marija m’hijiex magħquda ma’ Alla f’persuna waħda bhalma hi magħquda f’ ħaġa waħda l-Umanita’ ta’ Kristu mad-Divinità tiegħu. Imma Marija hija magħquda ma’ Alla permezz tal-grazzja, b’mod waħdieni u perfett aktar minn kull ħlejqa oħra. Dan għaliex hi l-Omm ta’ Binha Ġesù li hu Alla. Għalhekk Marija qatt ma tista’ tiġi kkontemplata jekk mhux fir-relazzjoni tagħha ma’ Alla.
Xi wħud magħżula minn Alla, jikkontemplaw lil Marija b’dan il-mod. Jidher li dawn dejjem u kullimkien ikollhom quddiemhom lil Marija. Huma jħobbu, iqimuha u iħaddnuha magħhom b’imħabba liema bħala, hekk li permezz tagħha huma jħobbu lil Alla.
Dawn għalhekk jistkennu fil-Qalb u fil-Ġuf safi ta’ din l-Omm. Huma jtiru bil-ferħ ta’ l-ispirtu u jitħeġġu b’din l-imħabba safja u innoċenti kemm lejha u kemm lejn Alla. Jiġri wkoll li r-ruħ tintelaq fis-sikta u l-kalma tar-ruħ, mixruba kif tkun minn din il-ħajja Divina u Marjana fl-istess ħin.
Dawn l-erwieħ jirċievu mill-Ispirtu ta’ Marija, mis-skiet ta’ Marija u mill-hena ta’ Marija. Huma jinħabbu ma’ Marija u jgħixu f’għaqda ma’ Marija. Araw kif iseħħ dan: waqt li r-ruħ fis-sempliċita’ u s-safa’ kollu tagħha tikkontempla dak kollu li hu Divin u tkun merfugħa ‘l fuq minn natura, tinġibed ukoll lejn Marija, hekk li tikkontempla lilha wkoll u tgħix fl-imħabba u l-preżenza tagħha.
F’ kelma waħda, ir-ruħ tingħaqad bl-imħabba ma’ Marija fl-istess ħin li tingħaqad ma’ Alla, għax Marija hi magħquda miegħu b’ mod waħdieni. Minn dak il-ħin ‘il quddiem, hekk kif tħobb u tgawdi lil Alla, tħobb u tgawdi wkoll lil din l-Omm maħbuba fl-għaqda tagħha ma’ Alla. Ir-ruħ li tingħaqad ma’ Alla u ma’ Marija ssib f’dawn it-tnejn l-imħabba u l-hena tagħha. Xi ħaġa simili jiġri f’dik ir-ruħ devota li tingħaqad ma’ l-Umanita’ qaddisa ta’ Kristu waqt li tikkontemplha magħquda mad-Divinita’ tiegħu, hekk li tikkontempla kemm in-natura Divina u kemm in-natura umana ta’ Kristu bħala ħaġa waħda magħquda fil-persuna tiegħu.
Bi-istess mod ir-ruħ tikkontempla lil Ġesù u lil Marija bħala Omm u Iben magħqudin flimkien b’ dan il-mod waħdieni, bħal f’ħaġa waħda, għalkemm distinti minn xulxin. B’dan il-mod ir-ruħ ma tkunx tista’ tagħraf u tħobb lil wieħed mingħajr l-oħra u bil-maqlub.
MARIJA U L-GĦAQDA MA’ ALLA
Minn dak kollu li ntqal s’ issa, jidher ċar li dan il-mod ta’ kif tħobb lill-Vergni Mbierka huwa tassew tajjeb, safi u perfett minkejja li ftit huma dawk li qatt daquh.
Fil-fatt il-ħajja Marjana f’Marija u għal Marija flimkien mal-ħajja Divina f’Alla u għal Alla tidher li hija merfugħa u mogħtija b’don speċjali lil dawk l-Insara li jħobbu lil Marija b’imħabba mhux komuni, dawk l-ulied maħbuba li hija stess tagħżel għal din il-ħajja.
Ma jonqsux dawk li minkejja li jaħdmu għall-ogħla perfezzjoni, ftit jew xejn iduqu din il-ħajja Marjana f’Marija. Mhux hekk biss, iżda jqisuha bħalha ħajja imperfetta li tgħodd biss għal dawk li għadhom fil-bidu tal-mixja spiritwali. Jaħsbu li din tmur kontra s-sempliċita’ u kontra n-nuqqas ta’ rbit mal-ħlejjaq kollha u għalhekk nieqsa mill-perfezzjoni. Madankollu huma ma jmaqdrux din it-tip ta’ ħajja, għax iqisuha ħajja spiritwali imperfetta u tajba għal dawk li għadhom fil-bidu.
Lil dawn ngħidilhom li l-ħajja Marjana tista’ tingħax flimkien mal-ħajja Divina u perfetta, mingħajr ma tkun ta’ tfixkil, kif diġa’ għidt u spjegajt. Anzi, mhux talli m’hijiex ta’ tfixki, imma talli tħeġġeġ lir-ruħ li Alla jkun għażel li jahdem fiha b’dan il-mod u għalhekk tkun ta’ fejda għaliha.
Madankollu erwieħ bħal dawn iħossuhom immexxija min idejn Marija lejn l-għaqda ma’ Alla, f’ dan l-istat għoli, jifhmu mbagħad li dak kollu li ntqal dwar il-ħajja Marjana u għal Marija huwa minnu. Imbagħad dawn l-erwieħ ma jistgħaġbux aktar meta jsiru jafu li l-Karmelitan San Pier Tumas kellu fih affett daqshekk qawwi lejn din l-Omm li tistħoqq l-imħabba. Lejha kien jersaq b’tant imħabba u tama, lilha kien iżomm fi ħsiebu u fiha kien jgħix hekk li qatt ma seta’ jinsiha. Bil-ħeġġa kollha ta’ qalbu, bl-imħabba kollha tiegħu u bih innifsu, kien jiftakar f’ Marija.
Fil-fatt, sew jekk jgħix, sew jekk jiekol, jixrob jew jagħmel xi ħaġa oħra, kollox kien jagħmlu mqanqal mill-imħabba u għas-sebħ ta’ l-isem ta’ Marija. Bir-raġun kollu li f’qalbu kien iġib imnaqqax l-isem ta’ Marija. Din id-drawwa li jżomm f’qalbu lil Marija u li jfittixha bi mħabba, kienet kważi xorbitu f’Marija. Huwa kien magħqud ma’ Marija, bħal donnu mibdul f’Marija taħt il-qawwa ta’ dik l-imħabba ma’ taqta’ qatt lejn Marija u lejn Alla fl-istess ħin.
L-istess kien jiġrilu San Bernard, hekk li kien qisu jgħix fi ħdan l-Omm maħbuba. L-istess jista’ jingħad dwar San Ġużepp, ta’ l-Ordni ta’ San Norbertu, kienet Marija li għajjxitu. Santa Marija Maddalena de’ Pazzi u tant qaddisin oħra għexu din il-ħajja Marjana mingħajr qatt ma kienet ta’ tfixkil għalihom fil-kontemplazzjoni u fl-għaqda kollha mħabba ma’ Alla.
Jekk ngħidu li dawn il-qaddisin ma kinux perfetti f’din il-ħajja ta’ mħabba lejn Marija u wkoll fil-ħidma ġewwinija ta’ l-Ispirtu s-Santu, inkunu qegħdin nonqsu mid-dehen u wkoll mir-rispett li jistħoqqilhom dawn il-qaddisin.
IL-KOBOR TAL-ĦAJJA MARJANA
Minn dak kollu li wrejna, nistgħu ngħidu li l-ħajja Marjana f’ Marija u għal Marija tieħu l-kobor u l-perfezzjoni kollha mill-għaqda waħdanija u perfetta ta’ Marija ma’ Alla u wkoll mill-fatt li għandha sehem mill-kariżmi Divini, grazzji u ħwejjeġ oħra li ngħatawlha bla qies. Dawn ingħatawlha b’mod tassew speċjali hekk li aħna ma nistgħux nifhmu kif.
Għalhekk mill-kontemplazzjoni, l-imħabba, il-qima u t-tgawdija ta’ Marija – meqjusa bħala mdella, imdawwla u mimlija bil-qdusija u bl-għaqda ma’ Alla – il-ħajja Marjana tieħu l-kobor tagħha bħal minn għajn li qatt ma tintemm. Liema kobor tieħdu mingħand Alla nnifsu, meqjus fl-għaqda ma’ Marija. Għalhekk huwa jiġi maħbub u meqjum flimkien ma’ Marija b’dik l-istess kontemplazzjoni kollha mħabba safja.
Mingħajr din il-kontemplazzjoni kollha mħabba ta’ Marija meqjusa bħala ħlejqa ta’ Alla u magħquda miegħu u fih, ikollna ħajja Marjana imperfetta u immatura. Imma jekk ir-ruħ tħobb lil Marija bħala ħlejqa magħquda ma’ Alla u f’ Alla, il-kontemplazzjoni, l-imħabba u l-għaqda kollha ħlewwa ma jkunu qatt sentimentali u sensibbli hekk li jbiegħdu lir-ruħ minn Alla.
Għaliex skond l-oġġett, l-imħabba. Meta l-oġġett hu naturali u sensibbli, l-imħabba wkoll tkun hekk. Iżda meta l-oġġett huwa sopranaturali u divin hekk ukoll l-imħabba. Għalhekk ir-ruħ li tħobb lil Marija għandha taħdem bir-reqqa ħalli ssaffi bil-mod l-imħabba tagħha lejn Marija. Fi kliem ieħor ir-ruħ għandha tersaq lejha b’dik l-imħabba safja li biha jħobbha Alla, imħabba nobbli u perfetta. Hekk hi maħbuba Marija mill-qaddisin, minn Kristu nnifsu u minn Alla.
Biex jinftiehmu aħjar dawn il-ħsibijiet ikunilna ta’ għajnuna u ġid jekk nifhmu għaliex Ommna l-aktar maħbuba hija magħquda ma’ Alla, mimlija bil-grazzja ta’ Alla u tieħu sehem mill-attributi u l-perfezzjonijiet divini aktar minn kulħadd, aktar ukoll mill-akbar qaddisin u anġli qaddisa.
Din hija r-raġuni: Marija ġiet magħmula minn Alla daqshekk mistħoqqa li tirċievi fil-ġuf safi tagħha l-Verb etern tal-Missier. Waqt li stkenn fiha għal disa’ xhur sħaħ, huwa qaddes in-natura tagħha, lil ġisimha, lil ruħha; taha sehem minn natura ta’ Alla, daħal fiha, tant ġibidha lejh li ngħaqad magħha, bidilha u għamilha bħalu b’ għaqda li ma tinħallx, b’ imħabba reċiproka u li tgħaqqad. Ir-ruħ devota għalhekk tista’ bid-dritt kollu tieħu lil Marija, kif inhi magħquda ma’ Alla u f’ Alla, u tqisha oġġett ta’ kontemplazzjoni kollha mħabba li jħalli ħafna frott. Dan huwa l-mod ta’ kif wieħed jgħix ħajja Marjana f’Marija u għal Marija u fl-istess ħin ħajja Divina f’Alla u għal Alla.
Ir-ruħ fidila tkun miġbuda bil-wisq għal din il-ħajja u tissaħħaħ fiha meta Alla jindenja ruħu jdawwal l-għajnejn tal-fidi u jħalliha tara u tifhem il-kobor u l-qawwa li bihom Alla libbes lil Marija Ommu. Huwa għamilha dispensatriċi tal-grazzji u tal-ħniena kollha tiegħu. Għaliex hija Ommu libbisha bil-perfezzjonijiet divini, tant għaqqadha miegħu li hija tidher lir-ruħ bħala ħaġa waħda f’ Alla.
Dan kien tassew mistħoqq, sabiex ikun hemm xebħ bejn l-Omm u l-Iben.
Għalhekk ir-ruħ fidila tifhem li Marija m’hijiex magħquda ma’ Alla bħall-qaddisin l-oħra. Imdawwla mid-dawl ġewwieni li jagħtiha Alla, ir-ruħ tifhem li Marija hija magħquda ma’ Alla b’mod speċjali u waħdieni: tant hija mibdula f’Alla li nistgħu nsejjħulha wkoll ‘alla’ minħabba li bi grazzja hi tixbaħ lil Alla fin-natura tiegħu. U jekk għall-qaddisin naqraw fl-Iskrittura: “Jien għidt: Intom allat; ulied l-Ogħla ilkoll kemm intom.” (Salm 82, 6), kemm aktar jixraq li Omm Alla tissejjaħ ukoll b’dan il-mod.
KIF TISSAĦĦAĦ L-IMĦABBA LEJN MARIJA
Xi erwieħ tajba huma aktar miġbuda lejn il-ħajja Marjana f’Marija u għal Marija milli lejn xi tidwil ġewwieni fuq il-kobor ta’ Marija.
Fil-fatt, fit-tjieba kbira tiegħu, Alla dejjem juri lil dawn l-erwieħ il-kobor, il-qawwa u l-għana ta’ din l-Omm tant maħbuba. Hekk ukoll jurihom kemm hu jħobbha bi mħabba kbira u waħdanija hekk li jferra’ minn qalbu fuq Ommu xita ta’ grazzji u privileġġi mingħajr qies. Alla ma setax jagħmel lil Marija akbar, isbaħ, aktar mistħoqqha u waħdanija milli fil-fatt għamilha!
F’ċertu sens nistgħu ngħidu li Alla fil-kobor u fl-għerf tiegħu li ma jispiċċa qatt ma seta’ qatt joħloq ħlejqa tant nobli, safja, perfetta u daqsekk mistħoqqha aktar min din l-Omm tant maħbuba tiegħu u tagħna.
Għalhekk dawn l-erwieħ jifhmu kif Alla, miġbud b’imħabba qawwija lejn din il-maħbuba Omm, ingħata lilha hekk li mlieha bih innifsu u bil-perfezzjonijiet kollha tiegħu, skond kemm ħlejqa tista’ tirċievi. Barra minn hekk, din l-Omm, bil-fedelta’ u bis-sehem tagħha fil-koperazzjoni mal-grazzji li rċeviet mingħand Alla waslet biex qatt ma naqsitu l-anqas fl-iċken ħaġa. Iżda imdawwla bil-fehma tal-ħwejjeġ tas-sema u mixgħula bi mħabba tħeġġeġ għal Alla, qabżet il-perfezzjoni tal-kori kollha ta’ l-anġli. Id-dawl ta’ Alla juri lil xi erwieħ kif Alla jsib l-għaxqa tiegħu f’ din l-Omm hekk waħdanija aktar milli jsib fil-qaddisin l-oħra kollha f’daqqa. Għalhekk huwa għandu mħabba lejha aktar milli għandu lejn il-qaddisin.
Min dan kollu u minn għarfien ieħor dwar il-kobor ta’ Marija, jinbtu f’xi erwieħ, il-qima, ir-rispett u l-imħabba lejn din l-Omm maħbuba tagħhom. Dan iseħħ b’tant sempliċità, safa’ u stabilità hekk li jidhrilhom li huwa impossibli għalihom li jgħixu maqtugħin minn Marija, għax qishom għandhom qalbhom minfuda bit-tħeġġiġ ta’ l-imħabba lejha.
Minħabba f’hekk dawn l-erwieħ jidhru qishom merfugħa fl-għoli bl-imħabba għax iħossu u jaraw dawk il-perfezzjonijiet ta’ Alla moħbija f’ Marija. Jifhmu l-imħabba qawwija li Alla għandu lejn din l-Omm u jifhmu wkoll ħwejjeġ oħra li jħalluhom mistgħaġba, li ma jkunux jifilħu jifhmu l-kobor ta’ dak li jaraw u jħossu.
Barra minhekk l-imħabba tixtered fil-qiegħ tal-qalb. Ir-ruħ tgħajjat bi stagħġib kbir waqt li tipprova tifhem il-kobor, id-dinjita’ u l-għana ta’ din l-Omm maħbuba. Tfittex ukoll li tfaħħar, tbierek, issebbaħ u tgħolli lil dik li hija tħobb b’tant ħeġġa u ħlewwa. B’hekk issir tixbaħ lil xi għarus miġnun bl-imħabba li ma jafx x’jaqbad jivvinta biex juri mħabbtu lejn l-għarusa li hu jħobb.
NINBIDLU F’MARIJA
Xi erwieħ ma jkunux jistgħu jinsew lanqas għal mument wieħed lil din l-Omm maħbuba, hekk kif lanqas ma jkunu jistgħu jinsew lil Alla li jinsab kullimkien. Xi minn daqqiet il-ħlewwa ta’ l-imħabba tidhrilhom li tinħall f’Marija. Fil-fatt li-qawwa ta’ dik l-imħabba qawwija u ħelwa fl-istess ħin, daqqa mħeġġa u daqqa kalma, twassalhom sabiex jinsew lilhom infushom u lil kull ħaga maħluqa.
Spiss jaħsbu fuq Ommhom l-aktar ħelwa bħala waħda li liebsa b’tant sbuħija u qawwa, ġieħ u kobor u bl-imħabba ta’ Alla. Dawn l-erwieħ iħossu tant hena u ferħ ta’ l-ispirtu hekk li ma jkunux jafu kif sejrin jaqbdu jroddu ħajr lil Alla u kif ifaħħru lil Alla u lil Marija b’mod li jaqbel ma’ l-għarfien li jkun ingħatalhom.
Waqt li jħossuhom għalhekk dgħajfa u inkapaċi li jfaħħru u jħobbu kif imiss, jibqgħu fis-skiet u l-kwiet mimli bl-imħabba. L-intellett, kważi jiġi nieqes quddiem il-kobor ta’ misteri hekk kbar li jgħaddu bil-wisq l-għerf uman. Minflok huwa jħalli r-rieda okkupata fl-imħabba.
Ir-ruħ li tħobb lil Marija xi drabi tifhem li hi tistaħja f’Marija. Tħoss għalhekk, ħlewwa liema bħala waqt li tisma’, tlissen, tikteb jew taħseb fl-isem tant ħlejju ta’ Marija.
L-ispirtu tagħha jifraħ b’hena qaddisa waqt li tqiegħed qalbha fl-idejn materni ta’ Marija, sabiex tkun hi li tnaddafha min dak kollu li jweġġa’ lil Alla u lilha.
Fl-istess ħin ir-ruħ titħeġġeġ għal Marija. U minħabba li kif jingħad li fejn hemm it-teżor tiegħek hemm hija qalbek, din ir-ruħ tidher li aktar toqgħod fil-preżenza ta’ Alla u ta’ Marija milli xi mkien ieħor. L-istess affett lejn Alla u Marija jidher tant sinċier u mqanqal li r-ruħ tgħix f’Alla u f’Marija fl-istess ħin.
F’dan is-sens irridu nifhmu espressjonijiet bħal: tidwib f’Marija, għaqda tar-ruħ f’Marija, bidla f’ Marija u wkoll kull ħaġa li tiġbed ir-ruħ lejn dawn il-ħwejjeġ. Għax tassew hija l-imħabba li twassal għall-għaqda mal-maħbub, kif turina wkoll l-esperjenza ta’ l-imħabba sensibbli u umana, li tinġibed lejn oġġetti sensibbli u senswali.
L-ESPERJENZA TA’ ALLA U TA’ MARIJA
L-erwieħ li jaslu f’ dan il-grad ta’ mħabba jidru qishom mimlija bl-esperjenza dwar il-ħajja Marjana. Huma żguri li din il-ħajja Marjana f’ Marija għal Marija u permezz ta’ Marija u fl-istess ħin f’Alla u permezz ta’ Alla tsta’ tiġi mgħixa b’sempliċità, intimità, u ġabra ta’ l-ispirtu daqs il-ħajja Divina. L-oġġett ta’ din il-ħajja huwa Alla. Fil-fatt ħajja bħal din tingħatalhom u għalhekk ir-ruħ iżżomm quddiem għajnejha xbihat ta’ Marija waqt li tħares lejha magħquda ma’ Alla. Kif diġa’ għedna hija tkkontemplaha u tħobbha f’ għaqda sħiħa miegħu u fih.
Minħabba f’hekk l-intellet u r-rieda jieqfu fuq Marija u fl-istess ħin fuq Alla b’tant sempliċita’, intimita’, u b’tant kalma hekk li lanqas ir-ruħ ma tkun tista’ tifhem kif jgħaddi dan kollu minn għaliha. Madankollu r-ruħ taf li hija tieqaf taħseb fuq xi attribut ta’ Alla u ta’ Marija, hekk li b’ mod safi u ċar tara lil Alla preżenti f’Marija u lil Marija f’Alla; ir-rieda tħoss għal Alla affett kalm, profond, teneru, ħelu u fl-istess ħin spiritwali mehmuż ma’ l-imħabba ta’ Alla u ta’ Marija fih.
Għandi kemm semmejt l-imħabba spiritwali, għaliex hija propju din it-tip ta’ mħabba li ddawwal ir-ruħ mingħajr l-użu tas-sensi. F’dan l-istat l-imħabba aktar twassal sabiex wieħed jintelaq f’Alla u f’Marija, fl-għaqda ma’ Alla u ma’ Marija.
Meta r-ruħ tasal għal dan l-istat għoli ta’ perfezzjoni meta tiftakar, tagħraf u tħobb lil Alla u lil Marija f’Alla, hija tingħaqad kemm ma’ Alla u kemm ma’ Marija. Minħabba li tintelaq fihom hija ssir ħaġa waħda magħhom it-tnejn, hekk li Alla, Marija u r-ruħ jingħaqdu ħaġa waħda bejniethom. Milli jidher dan l-istat huwa l-ogħla grad ta’ perfezzjoni li wieħed jista’ jasal fih f’din il-ħajja Marjana. Dan l-istat ukoll huwa l-milja ta’ din il-ħajja ta’ mħabba lejn Marija.
Ma nistgħux ngħidu li din il-ħajja tfixkel il-mixja spiritwali, anzi hija ta’ għajnuna. Marija fil-fatt hija mezz għar-ruħ li trid tingħaqad ma’ Alla. Hija tkun ta’ għajnuna u appoġġ sħiħ għal min irid jimxi fit-triq tal-kontemplazzjoni u l-bidla f’Alla. Marija hija l-għajn tal-perseveranza fil-mixja bla waqfien lejn il-perfezzjoni.
Din hija l-opinjoni tagħna, għalkemm ħafna mistiċi u kontemplattivi jaħsbu mod ieħor. Dawn jaħsbu li din il-ħajja Marjana f’Marija hija ta’ tfixkil u tmur kontra l-għaqda sħiħa ma’ Alla, għall-ħajja mistika u għal ħafna ħwejjeġ oħra. . . Fil-fatt huma jimmaġinaw li din il-ħajja Marjana hija wisq ordinarja u attiva. Huma ma jirnexxilhomx jifhmu li din hija ħajja sempliċi mgħixa fis-safa ta’ l-ispirtu, jġifieri ħajja mgħixa taħt l-azzjoni mistika ta’ l-Ispirtu s-Santu u li għandha bħala għan lil Alla.
Huwa minnu li din il-kontemplazzjoni mistika ta’ Marija u din il-ġibda ħelwa lejha flimkien ma’ atti ta’ mħabba lejn Marija jidhru li jitħalltu ma’ l-emozzjonijiet. Madankollu meta dawn ikunu ħerġin b’mod spontanju mill-fond tar-ruħ taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu, ir-ruħ ma tiġi qatt imċaħħda mill-għaqda ma’ Alla, imma jiġri bil-kontra. Ir-ruħ tħossha aktar miġbuda lejn Alla hekk li tkun moħħha fih aktar ta’ spiss. Inżid li dan iseħħ fir-ruħ permezz ta’ l-Ispirtu waħdieni (cfr. 1Kor 12, 11), l-Ispirtu s-Santu, l-awtur ta’ din il ħajja Marjana, li twassal mingħajr xkiel għall-ħajja mistika.
Ħadd ma għandu għax jistgħaġeb huwa u jisma’ dawn il-ħwejjeġ. Nieħdu l-ħajja tal-qaddisin li mxew ‘il quddiem fil-ħajja mistika; huma kienu mmexxija u miġbuda lejn din l-Omm maħbuba anke waqt l-estasi u r-rapimenti. Ma irridux niċħdu iżda, li huma kienu jafu kif iħobbu lil Marija mingħajr ma jonqsu lil Alla, hekk li baqgħu magħquda miegħu bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Dan ngħiduh għal San Bernard, Santa Marija Maddalena de’ Pazzi u għal tant u tant qaddisin oħra li ma jingħaddux.
Għalhekk dawk il-mistiċi li jgħidu mod ieħor għandhom iqisu mitt darba l-fatti qabel ma jiġġudikawna fuq il-ħajja Marjana tagħna.
L-IMĦABBA TA’ WLIED LEJN ALLA U MARIJA
Biex inkunu aktar ċari minn hekk nistgħu nużaw kliem l-appostli: “U għax intom ulied Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat, Abba, Missier!” (Gal 4, 6). It-test irid ifisser li l-Ispirtu ta’ Ġesù jgħammar f’ulied Alla u fihom inissel imħabba lejn il-Missier, skond ma kull wieħed jiflaħ. Issa dan l-istess Spirtu ta’ Ġesù li nissel f’Ġesù mħabba lejn il-Missier Etern, u nissel ukoll fih sentimenti ta’ mħabba ta’ iben lejn l-Omm magħżula tiegħu. Dan jibqa’ jagħmlu għal dejjem.
Issa jekk l-Ispirtu ta’ Ġesù jgħajjat Abba, Missier! fil-qlub ta’ wlied Alla, hekk li jnissel fihom sentimenti ta’ mħabba lejn il-Missier ta’ Ġesù għaliex għandna nistgħagbu jekk l-istess Spirtu jgħajjat fl-istess qlub: “Sliem għalik, ja Omm!” u jnissel fihom sentimenti u taħdit kollu qima lejn l-Omm maħbuba, kif wara kollox għamel f’Ġesù meta kien jgħix fuq din l-art.
Lil dawn l-erwieħ mimlija bl-imħabba lejn Marija nistgħu ngħidulhom li “Ġaladarba intom ulied Marija, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’ qalbkom jgħajjat: Sliem għalik, ja Omm!”. Huwa jnissel fihom ġibda ta’ mħabba ta’ wlied u espressjonijiet ta’ ħlewwa lejn Marija, l-Omm wisq maħbuba u li tistħoqq l-imħabba. L-istess Spirtu ta’ Ġesù li jaħdem kollox f’dawn l-erwieħ, inissel imħabba divina u Marjana, mingħajr ma waħda titfi lill-oħra.
Għalhekk kif dawn l-erwieħ jgħixu ħajja divina f’Alla permezz ta’ l-imħabba tiegħu fid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu, hekk ukoll din l-imħabba tinfirex ukoll lejn il-maħbuba Omm. Huma għalhekk jgħixu ħajja Marjana f’Marija u għal Marija permezz ta’ l-istess Spirtu li jaħdem fihom. Dan l-istess Spirtu ta’ Ġesù jwassalhom biex iħobbu lil Alla l-Missier u lill-Verġni Marija. Jgħinhom jgħixu f’Alla u għal Alla, u f’Marija u għal Marija fl-istess ħin.
Araw biss kif dan seta’ jseħħ fi Kristu mingħajr ma jfixkel xejn il-milja tal-perfezzjoni tiegħu, u minnufih taraw kif dan jista’ jseħħ ukoll f’uħud mill-ulied magħżula ta’ Marija, mingħajr ma dan jieħu post il-ħajja kontemplattiva jew perfetta.
Jidher faċli tifhem dan it-tagħlim. Fil-fatt, fejn hemm l-Ispirtu ta’ Kristu, ma hemmx għalfejn tistgħaġeb li huwa jnissel kontemplazzjoni u mħabba lejn Alla waqt li jnissel ukoll kontemplazzjoni u mħabba lejn Marija!
Dan kollu jinħadem fir-ruħ mill-istess Spirtu waħdieni ta’ Ġesù, kif l-aktar jogħġob lilu u skond ma’ kull wieħed jiflaħ. Minn issa ‘il quddiem ħadd ma’ għandu għax jistgħaġeb b’dawn il-ħwejjeġ, ġaladarba jiġru tassew.
ĦALLI L-ISPIRTU TA’ MARIJA IMEXXIK
X’uħud mill-ulied ta’ Marija, draw iqisuha bħala Ommhom maħbuba. Bil-ħidma ta’ l-Ispirtu ta’ Ġesù li ma jieqaf qatt iqanqalhom u jmexxihom, huma jagħmlu dawn l-esperjenzi li sejjer insemmi. . .
Huma jidrilhom li qegħdin iħallu lill-ispirtu ta’ Marija jmexxihom. Marija bħal donnha tedukahom bħal tfal ċkejknin tagħha u tnissel fihom il-preżenza tagħha, timlihom bl-ispirtu tagħha u tibdilhom fiha nnifisha, hekk li tgħix u taħdem fihom kull ħaġa.
Esperjenza bħal din nistgħu nifmuha b’dan il-mod. Bla dubju ta’ xejn l-Ispirtu ta’ Ġesù mexxa lil din il-maħbuba Omm b’mod tassew perfett aktar minn kull ħlejqa. Kif l-Ispirtu ta’ Ġesù sab f’Marija l-għamara xierqa tiegħu, huwa ħadem fiha waqt li Marija qatt ma naqset li tikkopera mal-ħidma tiegħu fiha. B’dan il-mod l-Ispirtu ta’ Ġesù sar l-Ispirtu ta’ Marija. Hija tgħid dwaru: “L-Ispirtu tiegħi huwa oħla mill-għasel” (cfr. Sir 24, 27). Dan l-Ispirtu xegħel fiha kull virtu’ u ħidma tajba.
Mela meta Marija tagħżel li tgħallem lil xi erwieħ fidili, tonfoħ fihom l-ispirtu tagħha, jiġifieri l-ispirtu ta’ Ġesù li jnissel f’dawn l-ulied li-virtujiet, il-ħidma u l-ħajja ta’ din l-Omm. Huma bħal donnhom jinbidlu f’ Marija u l-ispirtu tagħha jidher jgħix fihom; jew aħjar l-Ispirtu ta’ Ġesù jaħdem fihom kif ħadem f’ Marija.
Għalhekk f’dawn l-ulied tidher il-ħajja ta’ Marija magħquda ma dik ta’ Ġesù. Iseħħ dak li jgħid l-Appostlu: “Mhux jien ngħix, imma Kristu jgħix fija” (Gal 2, 20), jiġifieri l-Ispirtu ta’ Ġesu jgħix fija. Huma wkoll jistgħu jgħidu: “Ngħix, mhux jien imma Marija tgħix fija”. Fil-fatt jitmewwet fihom kull ma’ jeħodha kontra l-ispirtu ta’ Marija, fil-waqt li jgħixu biss kif tixtieq hi.
U aktar minn hekk! L-ispirtu ta’ Marija, skond dak kollu li għedna, jidher li qiegħed imexxihom, jagħmilhom tiegħu, jgħajjixhom. Nistgħu ngħidu li l-ispirtu ta’ Marija, magħqud ma’ dak ta’ Ġesù, l-istess Spirtu wieħed ta’ Ġesù u Marija, iwettaq fihom kull ħidma, jgħajjixhom u jmexxihom f’kollox, kif mexxa u ħadem f’ Marija.
F’ dan is-sens, dawn l-ulied ma jgħixux aktar għalihom infushom imma hija Marija stess li tgħix fihom, hekk li tmexxihom u tgħajjixhom b’mod ġdid f’ Alla. Għalhekk għalihom il-ħajja tfisser li tgħix f’ Marija, dik li huma jsellmulha: “Ħajja, ħelwa u tama tagħna. . . ”
GĦELUQ
Dan kollu huwa biżżejjed sabiex dawk l-erwieħ fidili jkunu mgħallma dwar il-ħajja bħal ta’ Alla u Divina f’Alla u għal Alla li fl-istess ħin hija ħajja Marjana f’Marija u għal Marija. Jalla bl-interċessjoni ta’ din il-maħbuba Omm, Dak li ried din il-ħajja jwassalha sat-tmiem: Ġesù l-imbierek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
ĦAJR
L-ewwelnett inrodd ħajr lil Alla u lil Marija talli wara ħafna xogħol lestejt din it-traduzzjoni ta’ dan it-trattat ta’ Mistika Marjana. Ħajr imur għal dawk kollha li rrevedew it-test bil-Malti: P. Hugh Mallia, O.Carm., Jürgen Cuccardi u Ivan Scicluna pre-noviżżi Karmelitani. Ħajr ukoll lil Fra Josef M. Bugeja, O.Carm., ta’ l-issettjar tal-ktieb u l-ideat li tani. Ħajr imur ukoll lill-Provinċjal P. Amadeo J. Zammit, O.Carm., u l-Provinċja Karmelitana Maltija li tagħha jiena membru, talli permezz tagħha jiena sirt midħla ta’ l-awturi Karmelitani li ħallew mitqlu deheb ta’ spiritwalità kemm għall-Ordni kif ukoll għall-Knisja.
Jalla li int li qrajt u mmeditajt dan it-trattat, tikber fl-imħabba lejn Marija Omm u Ġmiel il-Karmelu u tħalliha twasslek sabiex wara li tingħaqad magħha tasal sal-quċċata ta’ l-Għolja tal-Karmelu fl-għaqda u l-imħabba tat- Trinita’ Qaddisa.
Fra Charlo’ M. Camilleri, O.Carm.
KOTBA KONSULTATI
Il-Bibbja, maqluba għall-Malti mill-ilsna oriġinali minn Monsinjur Professur P. P. Saydon, Librerija Preca, Societas Doctrinæ Christianæ, M.U.S.E.U.M., Malta 1995.
Il-Kostituzzjonijiet ta’ l-Ordni ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu, traduzzjoni ta’ Anthony Cilia, O.Carm. , Patrijiet Karmelitani, Malta 1997
Michele di S. Agostino, Vita Mariaforme, versione italiana di P. Ignazio del Bambino Gesù, O.C.D., Edizioni Montfortane, Roma 1982.
P. Michael A.S. Agostino Introductio ad vitam Internam et Fruitiva Praxis Vitæ Mysticæ, curante P. Gabriele Wessels, Collegio S. Alberti, Roma, 1926.
P. Michele di S. Agostino Carmelitano A.O., La vita Maria-forme e mariana in Maria per Maria, traduzione a cura di Le Carmelitane di S. Giovanni La Punta, Catania 1979.
P. Mikiel ta’ Santu Wistin, Karmelitan, Il-Ħajja Marija-formi u Marjana, traduzzjoni ta’ P. Clement Caruana, O.Carm. Malta 1989.
Redemptus M. Valabek, O.Carm, Mary Mather of Carmel, Vol. I, Carmel in the World Paperbacks, Roma 1988.
Redemptus M. Valabek, O.Carm., Sarete raggianti, traduzione di Elia Monari, O.Carm. e M. Anatasia Cucca, O.Carm., a cura della Provincia Italiana dei Carmelitani, Ed. Institutum Carmelitanum, Roma, 1993.