IT-TLETT KWADRI TA’ MATTIA PRETI
FIS-SANTWARJU TAL-MADONNA TAL-KARMNU TAL-BELT
Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu nsibu tlett kwadri taż-żejt fuq it-tila li għandhom assoċjazzjoni mill-qrib ma’ Mattia Preti (1613-1699). Preti kien mhux biss wieħed mill-aħjar artisti li kellha x-xorti tospita Malta, imma wkoll wieħed mill-aqwa virtuosi tal-Barokk Taljan. Illum il-ġurnata l-interess fil-ħidma pittorika tiegħu kiber ħafna u l-istudjużi ta’ l-arti qegħdin, kull ma jmur, isiru aktar konxji mill-importanza seminali tiegħu fl-iżviluppi li seħħu fl-arti Taljana ta’ bejn it-tieni nofs tas-seklu sbatax u l-bidu tas-seklu tmintax. Għex Malta biċċa kbira minn ħajtu bejn l-1661 u mewtu fl-1699. Il-knejjes u l-mużewijiet tagħna jippossedu wħud mill-aħjar xogħlijiet tal-maturità artistika tiegħu. Fl-aħħar għaxar snin ta’ ħajtu minnħabba li saħtu kienet saret fraġli beda jserraħ aktar minn qabel fuq l-għajnuna tal-bottega tiegħu, jiġifieri ta’ l-assistenti u lavranti li kienu jimpjegaw jew li kienu jduru miegħu biex jitgħallmu d-disinn u t-teknika pittorika. B’xorti ħażina dawn l-assistenti ma kienux, ġeneralment, pitturi ta’ ħila. Hija f’din il-perspettiva li rridu niġġudikaw ix-xogħlijiet fil-knisja tal-Karmnu. Id-dokumentazzjoni fuqhom għadha mhux magħrufa. Il-ħsibijiet kritiċi dwarhom huma, għalhekk imsejjsa biss fuq kriterji stilistiċi. Jista’ jagħti l-kas li jkollhom jiġu riveduti meta insiru nafu kif u meta ġew kummissjonati.
F’sens kronoloġiku l-ewwel pittura hi dik tal-Madonna tal-Pilar. Xogħol tajjeb, b’komposizzjoni b’saħħitha u kromatikament pjaċevoil. Ix-xbieha ħelwa tal-Madonna tfakkarna f’dik tal-Assunta (Parroċċa Sant’Andrija, Ħal Luqa) u l-Viżitazzjoni (Parroċċa Santa Katarina, Żurrieq), kif ukoll fi xbiehat femminili f’xogħlijiet bikrija tal-ħidma Maltija ta’ l-artist. Dan jista’ forsi jindika s-snin sebgħin tas-seklu sbatax. Jekk il-qaddis għarkubbtejh f’riġlejn il-Madonna huwa tabilħaqq San Ġakbu, ċerti elementi jqanqlu dubju jekk ix-xogħol huwiex għal kollox awtografu u ma noħodiex bi kbira li Preti kien mgħejjun minn xi assistent. Hemm ħjiel ta’ interventi ta’ restawr li mhux dejjem kienu feliċi. Dan ifixkel l-analażi kritika. B’dan kollu ma għandi l-ebda dubju li x-xbieha tal-Verġni Mqaddsa hi kollha kemm hi ta’ l-imgħallem.
Il-kwadru ta’ Sant’Albert huwa xogħol tardiv, aktarx ta’ l-aħħar snin tal-ħidma ta’ Preti. Fih hemm intervent probabbli tal-bottega, speċjalment fit-tunika, fil-ġinokkjatur, u fiż-żebgħa ta’ l-isfond mudlam. L-intervent awtografu tal-Preti narawh fuq kollox fl-immoddellar stupend ta’ ras il-qaddis li d-dinamiżmu tagħha huwa xhieda li l-kapaċità pittorika tiegħu ma naqsitx bl-età. L-iskema kromatika hija għal kollox differenti minn dik tal-Madonna tal-Pilar għax is-seħer tal-ilwien iċedu posthom għat-tonalità skura li hi karatteristika ta’ l-aħħar fażi ta’ l-artist. L-atmosfera hija wkoll aktar meditattiva. F’sens reliġjuż huwa kwadru aktar intens. Jolqtok ukoll il-logħob ta’ dwal u dellijiet li huma maħduma b’maestrija kbira. Jekk il-bottega kellha sehem fil-produzzjoni din żgur saret taħt superviżjoni stretta ta’ l-imgħallem. Inqis dan il-kwadru bħal wieħed mill-aħjar tal-maturità tardiva ta’ l-artist.
L-intervent tal-bottega jieħu s-soppravvent fil-kwadru ta’ Sant'Anġlu fejn l-intervent awtografu huwa limitat biss għall-puttin li naraw fil-parti ta’ fuq. Altrimenti x-xogħol huwa kollu tal-bottega għalkemm aktarx li d-disinn preliminari, jew buzzett, sar mill-imgħallem. Jista' jkun ukoll, bħal ma kien jiġri f’ħafna okkażżjonijiet oħra li kien riċiklat disinn antik. Dan huwa xogħol tardiv ħafna. Il-puttin għandu rabta qawwija ma dawk li naraw fi kwadri aktarx kontemporanji, jew kważi kontemporanji, bħal ngħidu aħna, dak li naraw, fil-ġenb tal-lemin tal-pala l-kbira tal-Annunzjazzjoni, fil-Mużew tal-Kattidral, Mdina (fejn ukoll hu l-uniku element awtografu), jew inkella fil-kwadru ta’ San Adrian Fortesque, fl-Oratorju tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann. Jidhirli li stilistikament hemm xebħ konsiderevoli bejn il-figura ta’ Sant’Anġlu u dik tal-Beatu Franco fil-kwadru li jġib ismu, f’din l-istess knisja. Dan ta’ l-aħħar huwa attribwit li Suor Maria de Dominici, segwaċi ta’ Preti li ftit għandna tagħrif dwarha. Dan il-kwadru li dan l-aħħar ġie restawrat jitlob li jkun investigat aħjar minħabba l-importanza tiegħu għall-istudju tal-bottega u s-segwaċi ta’ Preti f’pajjiżna.
Dr Mario Buhagiar,
Kap tat-Taqsima ta’ l-Istorja ta’ l-Arti
Università ta’ Malta.