Arti

Letteratura


P. Avertan Fenech, Karmelitan



KTIEB

PATRI AVERTAN FENECH
Karmelitan
1871 – 1943

Kitba: P. Amadeo Zammit, O.Carm.
Pubblikazzjoni: Provinċja Karmelitana Maltija
Sena:
2000


WERREJ

Daħla
Twelid u Ġenituri
Luiġi jkompli jikber
Aktar qrib ta’ Ġesù
Fil-Ġnien tal-Karmelu
In-Novizzjat u l-Professjoni
Żmien ta’ Studju
Saċerdot Karmelitan
L-Isbaħ jum
Ħidma Saċerdotali
Il-bniedem ta’ talb
Il-bniedem ta’ Alla
Il-mewt ta’ ommu u missieru
Surmast tan-Novizzi
Xogħol ieħor
Lejn il-Kalvarju
Il-waqt tas-salib
L-akbar xewqa
Żmien il-gwerra
Imut fis-skiet
L-aħħar tislima
Appendiċi 1
Appendiċi 2


Daħla

Jidher li qatt ma kien hemm żmien fil-Knisja daqs illum li ħafna qegħdin jiġu mressqa bħala kandidati għall-beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni. Il-qdusija hija sejħa li Alla jagħmilha lil kull bniedem u ħafna huma dawk li jilqgħu din l-istedina u jimxu ħafna ‘l quddiem fil-ħajja ta’ perfezzjoni evanġelika.

Il-kunventi tagħna għandhom ikunu skola ta’ qdusija u nsibu ħafna reliġjużi li għexu ħajja qaddisa bejn l-erba’ ħitan tal-kunvent. U hekk hi l-vokazzjoni ta’ kull reliġjuż li jitqaddes bil-vokazzjoni tiegħu. F’dan il-ktejjeb qegħdin nippreżentaw patri Karmelitan mill-Mosta li għex bejn is-sena 1871 u 1943 li ħalla isem tant sabiħ wara mewtu. Dan hu P. Avertan Fenech, O.Carm., li ħajtu kienet magħquda ma’ Alla fix-xogħol tiegħu bħala surmast tan-novizzi Karmelitani fil-kunvent ta’ l-Imdina, xogħol li dam jagħmlu 26 sena u wara marda qalila li żammitu aktar minn 11-il sena fi tbatija, imsammar ma sodda bla ma jitkellem.

Is-skiet u t-tbissima kienu s-sigriet li bihom aċċetta dak kollu li Alla ried minnu. Il-ħajja tiegħu ħalliet timbru speċjali fuq il-Karmelitani f’Malta għax kull reliġjuż Karmelitan ta’ ċertu żmien għadda minn taħt idejn P. Avertan. Fir-rivista “Il-Karmelu” li tiġi ppublikata mill-Provinċja Karmelitana Maltija kienet dehret il-ħajja ta’ P. Avertan Fenech miktuba minn P. Lawrenz Sammut, O.Carm., awtur ta’ diversi kotba. P. Lawrenz kien novizz taħt P. Avertan u għalhekk kitbietu huma ta’ importanza għax hu ġabar wara l-mewt tiegħu, dak li seta’ biex it-tifkira ta’ din ir-ruħ qaddisa ma tintilifx. Barra minhekk P. Lawrenz ħejja xogħol ieħor bit-Taljan fuq P. Avertan li qatt ma ġie pubblikat.

F’din il-pubblikazzjoni ppruvajna niġbru fil-qosor dak li ħejja P. Lawrenz hekk li lill-poplu tagħna nagħtuh idea żgħira imma ċara ta’ min kien P. Avertan. Bl-ebda mod ma rridu nagħtu ġudizzju fuq il-ħajja qaddisa ta’ P. Avertan għax dak tagħmlu l-Knisja iżda il-fatt hu li sa minn wara ħajtu u mewtu, sa llum bosta kienu dawk li qalgħu xi grazzja bl-interċessjoni tiegħu u talbuna noħorġu dan il-ktejjeb.

Jalla li persuni bħal P. Avertan ikunu eżempju għalina ta’ kif għandna nagħtu valur lill-ħajja spiritwali u ninxteħtu f’idejn ir-rieda ta’ Alla.

P. Amadeo J. Zammit, O.Carm.
16 ta’ Lulju 2000
Solennità tal-Karmnu


Twelid u Ġenituri

P. Avertan Fenech, twieled fl-10 ta’ Lulju 1871 fil-Mosta, illum raħal kbir li dejjem jikber u magħruf għal ġmiel tal-knisja parrokkjali tiegħu ddedikata lill-Imqaddsa Verġni Marija Mtellgħa fis-Sema. L-għada tat-twelid tiegħu ġie mgħammed fl-istess parroċċa u ġie mogħti l-isem ta’ Luiġi għal San Luiġi Gonzaga biex ikun għalih mudell ta’ virtù.

L-ewwel grazzja li kellu Luiġi kienet it-tjubija tal-ġenituri tiegħu li dejjem fittxew li jagħmlu r-rieda ta’ Alla. Missieru kien jismu Duminku Fenech u ommu Marija Attard. It-tnejn kienu ħabrieka u nsara tajba. Luiġi kien l-uniku wild li kellhom. Duminku kien iqatta’ l-blat f’barriera żgħira li kellu fil-Mosta stess. Marija min-naħa l-oħra, kienet tieħu ħsieb il-villa tas-Sinjura Grech Mifsud. Il-ħajja ta’ faqar li fiha twieled Luiġi għamlitu dejjem iżjed biex jgħix fqir u jimxi wara l-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Duminku u Marija fittxew dejjem li lil-Luiġi jħarsuh mill-ħażen u jmexxuh fit-triq it-tajba. L-ewwel kelmiet li tgħallem mid-dar kienu: “Ġesù u Marija”, u b’tant ħlewwa kien ilissen u hekk fittxew dejjem li jbegħdu kull ma seta’ jfixkel lit-tfajjel fil-ħajja tiegħu. Kienu ġenituri meqjusa fi kliemhom, jgħixu fis-sempliċità u bl-għaqal fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Luiġi jkompli jikber

Il-ħsieb ta’ Marija kien dejjem li Luiġi jkun tifel tajjeb u mħares minn kull ħażen. L-akbar eżempju ta’ ħajja nisranija kienu dejjem Maria u Duminku li nisslu f’binhom dik il-paċi tal-qalb u għalhekk naraw lil Luiġi dejjem bi tbissima fuq fommu u dejjem sieket. Il-quddiem is-skiet u t-tbissima kellhom ikunu ż-żewġ karatteristiċi ta’ qdusija li ġibdu n-nies lejh.

L-ewwel tagħlim nisrani tgħallmu mingħand il-ġenituri tiegħu. Il-ġenituri għallmuh jitlob u waħda mara li kienet toqgħod qrib tgħid li kienet tara lil Luiġi jitlob fis-skiet, jgħid ir-rużarju taħt ħarruba li kienet fil-qrib. Marija kienet tieħdu l-knisja għall-quddies u vista lil Ġesù Sagramentat. Dan nissel fih imħabba kbira lejn l-Ewkaristija u t-talb li aktar ‘il quddiem kellhom ikunu l-pedament ta’ ħajtu.

Meta kellu seba’ snin, missieru Duminku ħaseb biex idaħħlu l-iskola tal-Gvern u bħala tifel kien ta’ eżempju fil-klassi u joqgħod mill-aħjar biex ilaħħaq ma’ l-istudju, għalkemm ma kienx xi tifel ta’ intelliġenza kbira. Wieħed minn sħabu, Anġlu Camilleri, jgħid li fl-iskola Luiġi dejjem kien kwiet u miġbur u waqt ir-rikreazzjoni jistenna l-qanpiena ddoqq biex jerġa’ jkompli t-tagħlim fil-klassi. Kien iħobb jitgħallem u jistudja.

Rakkont ħelu jissemma’ dwar dak iż-żmien ta’ l-iskola. Darba sħabu ġrew warajh biex jeħdulu żewġ larinġiet li kienet tatu ommu għall-iskola. Waqt li kienu qegħdin jiġru warajh qasmulu rasu. Hu ma ħebbx lura għalihom iżda mar bil-kwiet id-dar. Meta ommu ratu b’rasu maqsuma u raha li qegħdha tinkwieta ħafna huwa ma kixifx lil sħabu iżda qalilha li kien frott ta’ inċident.

Aktar qrib ta’ Ġesù

Nhar id-29 ta’ Mejju 1881, Luiġi għamel l-ewwel Tqarbina. Bla dubju ta’ xejn dik l-ewwel laqgħa ma’ Ġesù fl-Ewkaristija ħalliet f’qalbu tifkira li qatt ma seta’ jinsa. Kien is-16 ta’ Ġunju 1881 meta Luiġu rċieva s-sagrament tal-Griżma ta’ l-Isqof fl-istess parroċċa tal-Mosta minn idejn l-Isqof Carmelo Scicluna. Din il-ġrajja mlietu bl-imħabba lejn l-Ispirtu s-Santu.

Is-sejħa tiegħu għall-ħajja religjuża bdiet tidher fih sa minn ċkunitu, minn meta kellu madwar disa’ snin. Meta s-Sur Oreste Grech Mifsud ħajjru biex isir qassis djoċesan Luiġi mill-ewwel wieġbu: “Le, jien irrid insir Patri Karmelitan”. Huwa baqa’ jgħid dejjem l-istess. Meta beda jikber, il-ġenituri tiegħu bagħtuh għand Dun Fortunat Debono, qassis li kien jgħix in-Naxxar, biex jitgħallem il-Latin u t-Taljan. Dan is-saċerdot kompla jsaħħaħ il-vokazzjoni ta’ Luiġi u dejjem kellu kliem ta’ tifħir għalih.

Wara sentejn jew tlieta li dam jitgħallem il-Latin u t-Taljan, kellem lil P. Luiġi Malfatti, O.Carm., il-Provinċjal tal-Karmelitani ta’ dak iż-żmien u dan deherlu li għandu jdaħħlu fl-Ordni Karmelitan. Luiġi hawn beda jara sseħħ ix-xewqa tiegħu u issa kien lest biex jibda’ n-novizzjat mal-Karmelitani.

Fil-Ġnien tal-Karmelu

L-aħħar ġurnata li Luiġi għadda fil-familja qabel ma daħal Karmelitan kien nhar il-5 ta’ Frar 1888. Żgur li ma hemm xejn aktar iebes milli wieħed jitlaq il-ġenituri tiegħu, il-postijiet tat-tfulija u t-tifkiriet taż-żgħożija l-aktar meta persuna tkun tant sensibbli u magħquda mal-bqija tal-familja. L-għada 6 ta’ Frar fil-għodu wara li sellem il-ġenituri tiegħu bid-dmugħ f’għajnejhom it-tnejn telaq lejn in-novizzjat tal-Patrijiet Karmelitani fil-Belt Valletta. Sab jilqgħuh il-Provinċjal, il-W.R.P. Luiġi Malfatti, O.Carm. Luiġi tagħna kellu 16-il sena u nofs u dak il-ħin ħass ix-xewqa tiegħu maqtugħa biex isir qaddis fl-Ordni ta’ Marija.

Malli l-patrijiet raw għall-ewwel darba lil Luiġi skantaw bl-imġieba tiegħu kalma, sempliċi, modesta u bil-ħlewwa li kienet tidher fih. Jumejn wara li daħal il-kunvent, jiġifieri fit-8 ta’ Frar, flimkien ma’ zgħażagħ oħra talab il-ħniena ta’ Alla u ta’ Ommu Marija, Omm il-Karmelu biex isiru membri ta’ l-Ordni fil-kappella tal-kunvent dedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni. L-istess provinċjal libbishom it-tonka kannella b’sinjal ta’ penitenza u l-kappa l-bajda sinjal tas-safa. Dawn iż-żgħażagħ qamu mill-art taw il-paċi lill-membri tal-komunità u l-provinċjal tahom isem ġdid fl-Ordni. Issa Luiġi messu l-isem ta’ Fra Brocard-Avertano għal żewġ qaddisin Karmelitani.

In-Novizzjat u l-Professjoni

Erbat’ijiem wara li ħa l-libsa reliġjuża tal-Karmelitani nhar it-12 ta’ Frar 1888 Fra Brocardo-Avertano beda n-Novizzjat. Hu żmien l-aktar qawwi fejn in-novizz jistudja u jsir jaf il-ħajja reliġjuża u l-kariżma ta’ l-Ordni. Kien jgħaxxaq lil kulħadd għall-imġieba tajba tiegħu; għall-ħarsa safja f’għajnejh u għall-imħabba li kien juri għall-oħrajn.

Il-W.R.P. Spiridione Vassallo, li kien sieħbu fin-novizzjat jgħid li Fra Brocard Avertan kien iħobb ħafna s-skiet u meta jitkellmu dejjem jitkellem fuq ħwejjeġ spiritwali u fuq Alla. Is-surmast tiegħu kien jibqa’ mgħaġġeb bl-imġieba tajba u bl-osservanza tar-Regula.

Darba l-Ġeneral ta’ l-Ordni, fi żmien meta P. Luiġi Malfatti kien Provinċjal, ġie jagħmel il-vista kanonika fil-Provinċja Karmelitana Maltija u qabel ma telaq minn Malta waqt li kienu jitkellmu fuq Fra Brocardo-Avertano qal: “Nixtieq li għandi r-ruħ tiegħu”. Wara s-sena tan-Novizzjat waslet il-Professjoni Sempliċi li ssir għal tliet snin. Il-kandidat hawn iwiegħed li jgħix fqir, safi u ubbidjenti bħal Kristu. Nhar is-17 ta’ Frar 1889 fl-Oratorju tal-Madonna tal-Karmnu fil-kunvent tal-Belt huwa għamel il-Professjoni flimkien ma’ sħabu f’idejn il-Provinċjal. Dan l-oratorju jinsab fejn illum hemm il-kor tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt. Fil-Professjoni l-Provinċjal neħħielu l-ewwel isem u beda jissejjaħ biss Fra Avertan.

Żmien ta’ Studju

Issa għal Fra Avertan beda ż-żmien ta’ studju biex jitgħallem jgħaqqad l-għerf u l-qdusija flimkien. Fl-istudju tiegħu huwa dejjem kellu riżultati tajba frott ta’ ħin twil ta’ studju. Il-Professuri tiegħu li kienu P. Abbate, P. Alberto Picciolo u P. Raiti dejjem kellhom kelma ta’ tifħir għall-ubbidjenza u rispett li hu kellu lejhom u lejn sħabu. Kien ifaħħar lil sħabu u jtenni dejjem li huma kienu aħjar minnu fl-istudju.

Wasal il-jum tal-Professjoni Solenni f’għeluq it-tliet snin ta’ l-ewwel waħda u għalhekk nhar is-27 ta’ Frar 1892 wiegħed lil Alla li għal ħajtu kollha huwa sejjer jgħix fqir, safi u ubbidjenti. Il-Professjoni Solenni għamilha f’idejn il-Vigarju Provinċjal fil-kappella tan-novizzjat fil-kunvent tal-Belt Valletta. Fehem li issa l-ħajja ta’ ċaħda kellha tkun ir-regula ta’ ħajtu tant li wara l-Professjoni huwa ċċaħħad ukoll mill-familja tiegħu u fejn l-istudenti kienu jmorru ġurnata d-dar hu ma marx u f’ħajtu kollha ta’ patri qatt ma għadda ġurnata waħda sħiħa d-dar.

Qatt ma għamel xejn bla permess tas-superjuri tiegħu u dan ukoll f’affarijiet l-iżjed żgħar. Kien iħoss ħafna meta s-surmast jagħti xi penitenza lil sħabu u lilu le għax fih ma kien jista’ jsib xejn ħażin anzi kien jaqbeż għal sħabu. Din il-qdusija ta’ ħajja baqa’ jgħixha sat-tmiem ta’ ħajtu fuq din l-art.

Saċerdot Karmelitan

Il-kunvent tagħna ta’ San Ġiljan infetaħ fis-sena 1892, [imma sa min sentejn qabel kienet iffurmata l-ewwel komunità] u bħala l-ewwel prijol ġie magħżul P. Anġ Mallia nhar it-22 ta’ Mejju ta’ l-istess sena [1890]. L-istudenti issa telqa mill-kunvent tal-Belt u marru fil-kunvent il-ġdid ta’ San Ġiljan taħt il-ħarsien tas-surmast tagħhom P. Franġisk Raiti li wara sar Provinċjal u Isqof ta’ Trapani. Fost dawn l-istudenti kien hemm Fra Avertan fejn kompla l-istudji tiegħu lejn is-saċerdozju.

Nhar id-9 ta’ Settembru 1889 l-Isqof ta’ Malta, Mons. Pietru Pawl Pace, fil-kappella tal-palazz ta’ l-Isqof fil-Belt tah it-Tonsura, ċerimonja li kienet turi l-bidu tal-mixja lejn is-saċerdozju. Nhar l-4 ta’ Diċembru 1892 Fra Avertan ġie mogħti l-Ostjarjat u l-Lettorat li kienu jissejħu ordnijiet minuri u li llum insejħulhom ministeri. Nhar l-10 ta’ Diċembru 1893 ingħata l-Eżorċistat u l-Akkolitat. Illum fil-Knisja wara l-Konċilju Vatikan II jingħataw biss il-ministeri tal-Lettorat u dak ta’ l-Akkolitat.

L-istess Isqof ordna Suddjaknu lil Fra Avertan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt fis-sena 1894 u ġie ordnat Djaknu nhar il-21 ta’ Diċembru 1895 fl-istess Konkatidral. F’dawn il-ġranet sbieħ Fra Avertan studja bil-qalb il-ħajja u l-ispiritwalità saċerdotali. Huwa kien devot kbir tal-Qalb ta’ Ġesù u filwaqt li dejjem xtaq taħdem għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ dejjem ħares lejn il-qdusija tiegħu personali li l-Mulej kien sejjaħlu għaliha.

L-Isbaħ jum

It-talb u l-istudju kienu l-ħsieb ewlieni tiegħu biex ikun saċerdot qaddis u jaf it-tagħlim tat-Teoloġija, imħabba li żamm sa l-aħħar ta’ ħajtu, tant hu hekk li l-kotba li kellu fil-kamra kienu dawk tat-teoloġija morali. Huwa dejjem kiteb fuq quddiem tal-kotba li dawn kienu biss għall-użu tiegħu u mhux proprjetà personali.

Wara l-ġranet ta’ irtir spiritwali wasal il-jum li fih kellu jiġi ordnat saċerdot għal dejjem. Il-5 ta’ Lulju 1896 kien il-jum li fih seħħet din l-ordinazzjoni fil-kappella tal-palazz ta’ l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Giovanni Camilleri, Agostinjan. L-ewwel quddiesa solenni tiegħu għamilha fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt, nhar it-12 ta’ Lulju, mdawwar b’missieru Duminku u ommu Marija, sħabu l-patrijiet u xi ftit nies oħra. Kulħadd kien jara l-qdusija ta’ P. Avertan fil-ħin tal-quddiesa, l-aktar waqt il-konsagrazzjoni li matulha kien jintilef hekk li mhux darba jew tnejn rawħ jibki meta jkun b’Ġesù Ewkaristija f’idejh.

Is-saċerdot huwa msejjaħ biex ikun Kristu ieħor u ma Kristu jrid jitgħallem ibati għas-salvazzjoni ta’ l-oħrajn. Il-mument tal-gloria jgħaddi bħalma għadda minn fuq Ġesù u quddiemu titfaċċa l-għolja tal-kalvarju bis-salib fuqha. Fil-ħajja Karmelitana l-esperjenza tas-salib għandha valur kbir għar-reliġjuż Karmelitan huwa msejjaħ biex jimxi wara Ġesù Msallab u bħalu jgħaddi mit-triq tax-xejn sahemm jasal biex jikseb kollox fl-għaqda sħiħa ma’ Alla. L-ewwel Karmelitani kellhom dan il-motto li jmexxihom: timxi għeri wara Kristu għeri fuq is-salib. F’din it-triq tax-xejn għaddew u mxew il-qaddisin Karmelitani kollha, fis-skiet mingħajr ħoss. Din kienet ukoll l-esperjenza personali ta’ P. Avertan li bħala reliġjuż u saċerdot magħqud ma’ Kristu Ġesù huwa qaddes lil dawk ta’ madwaru permezz ta’ l-għixien tas-salib.

Ħidma Saċerdotali

Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali, kull saċerdot ikun lest biex jobdi lis-superjuri tiegħu u jaħdem f’dik l-għalqa li huma jaraw li hemm l-aktar ħtieġa. L-ewwel snin tas-saċerdozju P. Avertan għaddihom fil-kunvent tagħna ta’ San Ġiljan. Mimli ħeġġa jwettaq kull ħidma li tintalab minnu. Sa mill-ewwel xhur tas-saċerdozju tiegħu inxteħet fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-qrar fejn kien tassew missier u tabib spiritwali ta’ dawk li resqu lejh. Għal xi żmien kien ukoll konfessur tas-Sorijiet Franġiskani li kienu jgħixu fis-Seminarju ta’ l-Imdina. Ħafna saċerdoti u seminaristi sabu l-għajnuna tiegħu fid-direzzjoni spiritwali, li fih kienet qisha don naturali mogħti minn Alla għall-ġid ta’ l-oħrajn. Għalih kienet ħaġa naturali li jitħaddet fuq Alla ma' dawk li jersqu lejh biex jgħinhom fit-triq tal-qdusija. Ftit wara li qaddes, il-Provinċjal bagħtu l-Belt biex jaħdem fis-Santwarju tal-Karmnu, xogħol li għamel bil-qalb hekk li kien ta’ eżempju qawwi għal dawk li kienu jgħixu miegħu.

Il-bniedem ta’ talb

Il-kariżma Karmelitana titlob li kull membru ta’ l’Ordni qabel kollox ikun bniedem ta’ talb li jgħix fil-preżenza ta’ Alla. Kull min kien jaf lil P. Avertan kien iqisu bniedem ta’ talb, bniedem ta’ Alla. Il-ħajja ta’ talb bla waqfien kif jgħallem l-appostlu San Pawl: itolbu bla ma taqtgħu, kienet għal P. Avertan ir-ruħ ta’ kull ħidma li kien iwettaq. It-talb għalih ma kienx ifisser li jgħid il-Liturġija tas-Sigħat, ir-rużarju u b’mod speċjali l-Quddiesa iżda għalih kien ifisser li l-ġurnata kollha huwa jkun magħqud ħaġa waħda ma’ Alla. It-talb kien iwasslu biex dejjem u f’kollox jara r-rieda ta’ Alla. Kull min kien jersaq lejh biex ikellmu kien iħoss li P. Avertan kien qiegħed jgħix fil-preżenza ta’ Alla u għalhekk dak li jkun kien iħoss li qiegħed mhux biss fil-preżenza ta’ P. Avertan imma fil-preżenza ta’ Alla wkoll. Min kien jarah miexi fit-triq, kien jintlaqat mis-serjetà u l-ġabra li kien ikun fiha, b’xofftejh dejjem jiċċaqalqu, itennu t-talb u jeżerċitawh fl-eżerċizzju tal-preżenza t’Alla, mod ta’ talb Karmelitan għal qalb ħafna persunaġġi Karmelitani ta’ Qdusija fosthom il-Venerabbli Fra Ġwann ta’ San Sansun u Fra Lawrenz tal-Qawmien mill-Imwiet. Dan kien il-metodu ta’ talb li kienu jużaw il-patrijiet qaddisa tad-deżert, li jerfgħu ħsibijiethom lejn is-sema billi tul il-ġurnata jlissnu xi talb ħiereġ mill-qalb. Talb qasir imma effettiv li jħeġġeġ lir-ruħ lejn Alla.

Il-ħinijiet tal-ġurnata u parti kbira mis-sigħat tal-lejl kien jgħaddihom fit-talb. Kien jorqod f’nofs il-lejl u mas-sigħat bikrija ta’ filgħodu għall-ħabta tat-tlieta jew l-erbġha kien iqum jishar fit-talb Kien jitlob bilqegħda. B’kalma u paċi kbira mingħajr ma jiċċaqlaq. F’idejh kien iżomm pitazz ċkejken li fih huwa kien iniżżel xi siltiet u frażijiet sbieħ li jkun ġabar mill-kotba tal-qari spiritwali. Dejjem b’rasu baxxuta u bit-tbissima fuq fommu, sinjali li kienu jikxfu li kien jgħix fil-preżenza ta’ Alla. Waqt il-Liturġija tas-Sigħat ma’ ħutu l-patrijiet fil-kor, kienet tidher fih dik il-ħeġġa u l-imħabba ta’ Alla li kien jesprimihom tant tajjeb f’kull kelma li kien ilissen mis-salmi u l-qari b’aċċent tant sabiħ li kien iqanqal lil sħabu kollha, l-aktar in-novizzi.

Il-Quddiesa kienet iċ-ċentru ta’ ħajtu u l-akbar tbatija fil-mard li ħakmu aktar ‘l quddiem kien il-fatt li ma setax iqaddes. Bla ma trid waqt il-quddiesa tiegħu kont tara b’għajnejk u tmiss b’idejk xi tfisser il-qdusija. Kien ikun mitluf fil-ħwejjeġ tas-sema u l-misteri li jkun qiegħed jiċċelebra. Bosta kienu dawk li wara li kellhom ix-xorti jkunu preżenti għal xi quddiesa tiegħu, kienu jgħidu: “Dan is-Saċerdot hu qaddis”. U tassew, għax tkun taf saċerdot x’inhu mill-mod kif iqaddes.

Il-bniedem ta’ Alla

P. Avertan kien bniedem ta’ virtù. Is-safà kienet virtù kbira għalih għax permezz tagħha kien jista’ jħobb biss lil Alla. Qatt ma ħalla tingħad xi kelma li toffendi s-safà għax kien jemmen li l-qalb tar-reliġjuż hi għal Alla biss. Kien ukoll umli tassew. Qatt ma tkabbar fuq l-oħrajn anzi dejjem żamm lilu nnifsu bħal midneb kbir u qaddej ta’ kulħadd l-aktar tan-novizzi li kienu għalih għeżież daqs li kieku wliedu. Kellu mħabba kbira lejn Alla u lejn il-proxxmu tiegħu. Kuljum kien joffri ħajtu u kull ma jagħmel lil Alla għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, l-aktar għall-midinbin li tant kien iħobb u tant kien jitlob għalihom. Dejjem kien jgħid li min joffendi lill-proxxmu joffendi lil Alla.

Kien bmiedem ta’ penitenza, jikkontrolla lilu nnifsu fl-emozzjonijiet u l-imġieba. Ħarstu ma’ l-art u ħsiebu lejn is-sema fejn jgħammar Alla. Fuq fommu dejjem kien hemm it-talb. Mhux darba jew tnejn rawħ sejjer lejn il-Belt għal xi qadja fuq il-ferrovija u kienu jindunaw li qiegħed jitlob tul il-vjaġġ. Kien bniedem sempliċi u fqir iħobb il-foqra. Kamartu fqira, għamara kważi xejn u l-ftit li kien hemm kienet umli ħafna, bla purtieri u twapet u ħwejjeġ foqra. Qatt ma aċċetta xi ħaġa jekk mhux bil-permess tas-superjuri tiegħu. Kellu spirtu ta’ ubbidjenza jgħaġġbek. Kien jgħid li x-xewqa tas-superjur għandha tittieħed bħala ordni jew kmand. Lin-novizzi kien jgħidilhom li tabernaklu tad-deheb, tal-fidda jew injam dejjem tabernaklu jibqa’ li jġorr lil Ġesù fih. Hekk is-superjur qaddis jew le xorta superjur jibqa’ u għalhekk għandek tobdih għax permezz tiegħu Alla juri r-rieda tiegħu. L-ispirtu ta’ ubbidjenza kien jidher fih ukoll lejn il-komunità meta għall-atti komuni kien dejjem jinżel l-ewwel wieħed.

Fuq kollox kellu mħabba qawwija lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Kien jagħmel id-devozzjoni tad-9 ġimgħat tax-xahar. Ma’ din l-imħabba nżidu nsemmu d-devozzjoni lejn il-Madonna, San Ġużepp San Mikiel u Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u lejn il-qaddisin l-oħra. Fihom kien jara l-mudelli li jgħinuh jgħix tassew il-vokazzjoni reliġjuża u saċerdotali tiegħu.

Il-mewt ta’ ommu u missieru

Kienu għaddew tliet snin minn meta P. Avertan tela’ fuq l-artal biex jiċċelebra l-Ewwel quddiesa tiegħu. Issa l-Mulej għoġbu jieħu għal għandu lil omm P. Avertan, u b’hekk beda jżuru permezz tas-salib. Nhar it-28 ta’ Lulju 1899 fl-età ta’ 65 sena ommu ħalliet dan il-wied ta’ dmugħ u marret fil-mergħat ta’ dejjem. Wara li s-superjuri tiegħu qalulu bil-mewt ta’ ommu, l-għada filgħodu mar jaraha għall-aħħar darba. Ma’ nofsinhar huwa telaq lura lejn il-kunvent għax kif qal lil missieru ma xtaqx jorqod barra mill-kunvent. Sitt snin wara l-mewt ta’ ommu, P. Avertan reġa’ ġarrab qsim il-qalb bil-mewt ta’ missieru. Missieru kien marad f’daqqa u wara xi ftit jiem għadda għas-sema nhar it-18 ta’ Ġunju 1905 fl-età ta’ 75 sena. Meta miet missieru, P. Avertan biegħ kull ma kien hemm fid-dar u qabad u ta l-flus kollha li daħħal lill-Provinċjal. Meta ra dan il-Provinċjal tah il-permess li jżomm nofs is-somma jew inkella jaqbad u jsiefer bihom għal ftit mistrieħ. Kien fuq l-insistenza qawwija tal-Provinċjal li P. Avertan żamm nofs is-somma, imma qabad u għamel b’kemm kellu quddies għal ruħ ommu u missieru! X’eżempju kbir ta’ faqar evanġeliku, dak il-faqar li kien ipprofessa f’riġlejn l-altar. Dan il-fatt huwa wieħed mill-provi ta’ kemm P. Avertan ma kellux qalbu marbuta mal-ġid ta’ l-art.

Surmast tan-Novizzi

Il-W.R.P. Franġisk Raiti, O.Carm, Provinċjal, għażel lil P. Avertan bħala prefett ta’ l-istudenti f’Ottubru 1896 li dak iż-żmien kienu fil-kunvent ta’ San Ġiljan. Aktar tard huwa ġie magħżul bħala viċi-surmast. Fil-Kapitlu Provinċjali ta’ Mejju 1906, immexxi mill-Prijol Ġenerali ta’ l-Ordni, il-Professur P. Anastasju Cuschieri ġie elett provinċjal u P. Avertan ġie magħżul surmast tan-novizzi. Huwa dam f’dan l-uffiċċju għal 26 sena sħaħ sal-Kapitlu Provinċjali tas-sena 1932. Kull Kapitlu kien jikkonfermah bħala surmast minħabba d-dedikazzjoni, l-imħabba u l-qdusija li biha kien imexxi lin-novizzi afdati f’idejh. Il-patrijiet li kellhom lilu bħala surmast dejjem faħħruh u tennew li kien reliġjuż qaddis. Kulħadd kelma waħda: Dejjem issibu jitlob għarkobbtejh fil-kamra. Dan iż-żmien huwa għaddih fil-kunvent ta’ l-Imdina fejn kien hemm in-novizzjat tal-Karmelitani. Fih in-novizzi sabu mhux biss surmast mill-aħjar imma mexxej spiritwali ta’ ruħhom, missier l-aktar twajjeb, mudell ta’ kull virtù u dawl għall-ħajja ta’ perfezzjoni.

Fil-ħajja reliġjuża, is-surmast huwa l-missier li n-novizzi jiltaqgħu miegħu ħalli jmexxihom fil-ħajja spiritwali fl-istat li jkun għażlu li jidħlu għalih. P. Avertan kien missier mimli mħabba għan-novizzi li kellu taħt it-tmexxija tiegħu. Qatt ma għażel wieħed minn ieħor, kollha kienu l-istess għalih. Kull ħin huma setgħu isibuh biex jiftħu qalbhom miegħu fuq id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja spiritwali.

Ta’ spiss P. Avertan kien itenni l-kliem ta’ San Franġisk de Sales: Tirbaħ aktar dubbien bi platt għasel milli b’ġarra ħall. Kien iwissi bil-ħlewwa u dejjem lest li jaħfer l-iżbalji. Meta xi novizz kien ikun marid ma kienx jibqa’ lura li jagħtih l-għajnuna meħtieġa. Kien jinsa’ lilu nnifsu bħal ma ġara fl-epidemija ta’ 1918 meta ż-żewġ novizzi li kellu kienu morda b’mard jittieħed u għalkemm it-tobba wissewh biex ma’ tantx jersaq lejhom hu xorta waħda b’sogru kbir ta’ ħajtu baqa’ jagħmel dak kollu meħtieġ man-novizzi tiegħu. Kien dejjem lest biex jilqa’ n-novizzi meta jkollhom bżonn jagħtihom l-għajnuna meħtieġa. Wieħed saċerdot Karmelitan, wara tant snin ta’ ħajja saċerdotali u reliġjuża stqarr li kull darba li ħabbat il-bieb tas-surmast, għax hekk baqa’ magħruf tul ħajtu kollha, dejjem sabu jitlob. It-talb kien il-qawwa tiegħu f’kull għemil ta’ ħajtu.

Xogħol ieħor

Barra minn surmast tan-novizzi P. Avertan kellu ministeri oħra importanti fil-Provinċja Karmelitana Maltija, kien kunsillier Provinċjali, viċi-pirjol tal-kunvent ta’ l-Imdina, segretarju tal-provinċjal. Qatt ma xtaq ebda uffiċċju jew ħadem biex ikollu xi uffiċċju għoli fi ħdan il-provinċja. Kull darba li kien ikun magħżul għal xi uffiċċju kien jaċcetta biss meta s-superjur jurih li għalih din kienet ir-rieda ta’ Alla.

F’Mejju tas-sena 1919 ġie magħżul biex flimkien mal-Provinċjal ta’ dak iż-żmien jieħu sehem fil-Kapitlu Ġenerali ta’ l-Ordni, f’Ruma. Il-Ġeneral ta’ l-Ordni, P. Elia Magennis, baqa’ impressjonat bil-persuna umli ta’ P. Avertan u bl-imġieba tiegħu fil-Kapitlu l-aktar waqt il-ħin tat-talb u tal-quddiesa.

Lejn il-Kalvarju

F’Mejju tas-sena 1932 sar il-Kapitlu Provinċjali li għażel lil P. Ġwann Azzoppardi bħala Provinċjal. Huwa ra li kien ikun aħjar għal P. Avertan li jispiċċa minn surmast tan-novizzi. P. Avertan kien jidher għajjien ħafna u issa wkoll kien jidher li sofra minn ħafna mard fis-skiet mingħajr l-ebda tgergir. Issa P. Avertan kellu 61 sena li 26 sena minnhom għaddihom bħala surmast tan-novizzi! Dawn is-snin kollha surmast għenuh biex jibqa’ jgħix daqs li kieku kien novizz fil-ħeġġa għal Alla tul ħajtu kollha. Wara li spiċċa minn surmast huwa baqa’ fil-kunvent ta’ l-Imdina fil-kuridur ta’ fuq fil-kamra numru 11.

Issa kien iħossu aktar ħieles u seta’ jagħti ħajtu kollha kemm hi għat-talb. Lil wieħed reliġjuż qallu x’kien se jkun il-programm tiegħu: Issa għandi aktar ħin għalija u hekk nagħti ħajti kollha għall-perfezzjoni. Issa nista’ nitlob il-ġurnata kollha u ma għandi l-ebda ħsieb li noħroġ passiġġata jekk mhux darba fil-ġimgħa biex immur inqerr għand il-konfessur tiegħi P. Ġirardu Paris, O.P., liema programm beda jwettqu mill-ewwel, kif xehdu l-patrijiet ħutu tal-komunità tiegħu. Il-bnieden ġust iħares dejjem ‘il quddiem u jsib serħan biss fil-mixja tiegħu lejn Alla f’wied ta’ dmugħ. U hekk ġara lil P. Avertan. Nhar it-23 ta’ Mejju 1932, ftit ġranet biss wara l-Kapitlu Provinċjali, il-pirjol il-ġdid tal-komunità ta’ l-Imdina, P. Piju Compagno, avża lill-komunità biex issir laqgħa ħalli fiha jintgħażlu l-uffiċċjali l-ġodda tal-komunità. Fl-10.00 a.m., P. Avertan kif sama’ l-qanpiena ddoqq għal-laqgħa tal-komunità telaq minn idu l-ktieb tat-talb, għamel is-sinjal tas-salib, ħa f’idejh lapes biex jikteb imma f’daqqa waħda ħassu ħażin u nstabat ma’ l-art.

Il-patrijiet sa dan it-tant kienu għadhom qegħdin jistennewh jasal fil-kamra tal-kapitlu konventwali u wara xi kwarta l-pirjol li kien jaf kemm P. Avertan kien dejjem ikun fil-ħin, anzi l-ewwel wieħed li jinżel għall-atti komuni, beda jitħasseb. Kien għalhekk li l-pirjol mar jara xi ġralu. Il-bieb taċ-ċella kien magħluq, ħabbat għal darba darbtejn bla ebda tweġiba. Zewġ patrijiet sgassaw il-bieb u malli fetħu jsibu lil P. Avertan minn tulu fl-art, mitluf minn sensieh. Issejjaħ malajr it-tabib u wara li eżaminah qalilhom li tah attakk ta’ puplesija. Issa l-artal kienet is-sodda tat-tbatija fejn fuqha kien qed jiġi ssagrifikat bħala vittma P. Avertan.

Il-waqt tas-salib

Wara dan l-attakk ta’ puplesija hu diffiċli tgħid id-dbatija li għaddha minnha. Ngħidu biss li dam marid 11-il sena sħaħ u sitt xhur. P. Avertan xtaq imut Martri u kull jum kien jgħid talba biex il-Mulej jagħtih din il-grazzja tal-martirju u t-talba tiegħu instemgħet. Il-martirju tiegħu kien li ma setax jitkellem u li kellu nofs ġismu ma jistax jiċċaqlaq. Fil-bidu ma setax jiċċaqlaq mis-sodda u ma seta’ jagħmel xejn aktar ħlief li jixħet ħarstu bit-tbissima fuq il-Kurċifiss li kellu fuq soddtu. Din it-tbissima kienet turi l-paċi ta’ qalbu. Lil kull min kien imur iżuru u juri xi sinjali li qiegħed jitħassru, P. Avertan kien jirrispondih b’din it-tbissima u l-ħarsa lejn il-Kurċifiss waqt li jipponta subgħajh lejh u lejn il-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu li kellu fil-kamra. Kellu wkoll xbieha ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, qaddisa li tant kien iħobb.

Tkun taf x’persuna għandek quddiemek mis-siegħa tal-prova. P. Avertan wera tassew qdusitu f’dan l-istat ta’ tbatija ħarxa li kien fih. Dak li dejjem ippriedkah bil-fomm urieh bis-sabar ta’ mġieba f’dawn is-snin tant diffiċli. Il-Pirjol P. Piju Compagno ħa ħsiebu ħafna u għamel minn kollox miegħu bħala missier il-komunità. Is-snin bejn 1935 sa’ 1943, is-sena li fiha miet P. Avertan, kienu snin l-aktar diffiċli. Il-ħruxija tal-marda, l-aktar f’dak iż-żmien tal-gwerra li fih P. Avertan kien nieqes minn dak li hu meħtieġ kemm bħala servizz ta’ mediċini u wkoll bħala ikel. Madanakollu qatt ma wera sinjali ta’ nuqqas ta’ sabar jew tgergir, kien jiekol minn dak li jġibulu. L-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt qatt ma miss biċċa laħam ma ħalqu, kien jiekol bħal sħabu f’kollox. L-ikel kien skars, il-ħajja għolja, ħwejjeġ li affettwaw is-saħħa ta’ P. Avertan. Wieħed mill-patrijiet darba qallu: “Surmast, qiegħed tbati ħafna hux hekk?” U P. Avertan dlonk ħares lejn Kristu Msallab bħallikieku jrid jgħidlu li tbatijietu ma kienu xejn ħdejn dawk ta’ Sidu Ġesù. Ġieli kienu jisimgħuh jibki u meta kienu jmorru jaraw xi ġralu kienu jarawh iħares lejn il-Kurċifiss b’dik it-tbissima u bid-dmugħ f’għajnejh, kien ibati fis-skiet ma’ Ġesù għax tassew ma hemmx qaddej aqwa minn sidu.

L-akbar xewqa

Fi żmien il-gwerra fil-kunvent ta’ l-Imdina kien hemm jaħdmu impjegati tal-Gvern u dawn għalihom P. Avertan kien l-akbar eżempju ta’ tbatija u sempliċità. Dawn kienu jmorru ħdejh, ibusulu jdejh b’qima u hu jħares lejhom u jittbissmilhom dik it-tbissima tipika tiegħu. P. Avertan xtaq ħafna li jfieq, imma dejjem wera rassenjazzjoni ta’ wieħed li ma jixtieq xejn aktar milli jagħmel ir-rieda ta’ Alla. L-aktar ħaġa li kienet iġġegħlu jixtieq il-fejqan kienet iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Għal kull saċerdot il-quddiesa hija l-isbaħ mument tal-ġurnata u għal P. Avertan dan ma kienx inqas. Huwa xtaq ifiq ħalli jkun jista’ jqaddes u għalhekk dejjem kien jistaqsi lit-tabib meta jista’ jqum iqaddes. Dejjem kien jittama minn festa għal oħra li jaqla din il-grazzja. L-aktar li kien juri din ix-xewqa li jqaddes kien: fil-Milied u fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Madanakollu għalkemm xewqtu ma ġietx maqtugħa qatt ma wera sinjali ta’ qtigħ-il qalb jew tgergir. Dik il-kalma u t-tbissima tixgħel fuq wiċċu kienu l-akbar eżempju għal kull min kien jarah.

Żmien il-gwerra

Il-11 ta’ Ġunju 1940 kien għal Malta l-ewwel jum ta’ gwerra. P. Avertan kien bniedem sensibbli ħafna u billi ma setax jiċċaqlaq mis-sodda waqt li jara lil kulħadd ifittex kenn fejn jista’ jinħeba mill-attakki ta’ l-ajru huwa ntelaq f’idejn Alla biex jagħmel bih dak li jrid. Is-superjuri tiegħu, f’mument hekk diffiċli ħasbu biex ibiddlulu l-kamra u jniżżluh fil-kuridur ta’ isfel tal-kunvent biex ikun xi ftit aktar fiż-żgur. Għalhekk niżżluh fl-oratorju tal-Madonna tal-Karmnu. Għal dan P. Avertan kien kuntent ħafna, għax fl-oratorju ta’ spiss kien ikun hemm Fra Albert Buttigieg li kien joqgħod ħdejh jitkellmu fuq il-ħwejjeġ tar-ruħ. Ta’ spiss flimkien kienu jagħmlu l-Via Crucis. Madanakollu dan il-ferħ malajr inbidel għax minħabba aktar sigurtà biddlulu postu u ħaduh f’kamra ċkejkna ħafna iżda aktar kennija mill-attakki ta’ l-ajru. Din il-kamra iżda ma kellhiex il-kumditajiet neċessarji. P. Avertan iżda aċċetta kollox għall-imħabba ta’ Alla.

F’April tas-sena 1942 fuq l-Imdina niżlet bomba kbira u l-awtoritajiet ċivili ordnaw lir-residenti joħorġu minn djarhom u jsibu postijiet oħra barra mill-Imdina. Lil P. Avertan ħarġuh ukoll fuq siġġu tar-roti u ħaduh fl-isptar ta’ Santu Spirtu fir-Rabat għal tlett ijiem. Kien ilu ma jixref ‘il barra mill-kunvent is-snin. Is-Sorijiet tal-Karità baqgħu impressjonati bid-dehra tiegħu, daru miegħu u kienu jithennew jitħaddtu miegħu fuq il-ħwejjeġ spiritwali. Il-qdusija tiegħu kienet bħal fjura li tarmi l-fwieħa kull fejn tkun. Kulħadd kien jinġibed minn dan il-patri sempliċi u sieket.

Imut fis-skiet

P. Avertan dawl li idda fuq il-Provinċja Karmelitana Maltija, issa kien wasallu ż-żmien li jiddi bħall-kwiekeb fis-sema. Ġurnata wara l-oħra saħħet P. Avertan bdiet tmur dejjem lura, iż-żejt tal-lampa kien wasal fil-qiegħ. Sa mill-bidu tas-sena 1943 bdew jidhru sinjali li l-mewt kienet fil-qrib. P. Avertan kien naqas ħafna, inxtorob, ma setax jiċċaqlaq u n-nifs kien batut wisq. Ħaġa ta’ l-għaġeb kif qatt ma tilef il-paċi ta’ qalbu. F’Ġunju l-qagħda tiegħu ħżienet aktar u għalhekk iddeċidew li jagħmlulu l-Griżma tal-morda. P. Xmun Portelli, Karmelitan li kien il-konfessur tiegħu għal aktar minn ħames snin stqarr li fit-23 ta’ Ottubru 1943 qarru għall-aħħar darba u dak inhar ra fih indiema mhux tas-soltu u qima kbira lejn dan is-sagrament. Dakinhar ukoll beda jħares lejn il-Kurċifiss aktar mis-soltu waqt li jpoġġi idu fuq sidru biex juri li hu midneb.

Fit-30 ta’ Ottubru reġgħu tellgħuh fil-kamra tiegħu ta’ fuq. L-għada l-Ħadd qarbnu P. Romeo Montanaro li baqa’ impressjonat bil-wiċċ isfar tal-marid li nbidel u ħa l-kulur jagħti fir-roża u reġgħet feġġet fuqu t-tbissima hekk kif lemaħ l-Ewkaristija. Kienet l-aħħar tqarbina tiegħu. Il-ġurnata għaddiha jħares lejn il-Kurċifiss u lejn il-Madonna tal-Karmnu. Wara l-ikel P. Piju Compagno mar jarah u sab ħdejh żewġ patrijiet oħra. Wasal il-lejl u l-infermier serraħ ras il-patrijiet li ma kellhomx għalfejn jitħassbu żżejjed. Fit-tlieta ta’ fil-għodu l-infermier sema’ lil P. Avertan u għalhekk qam isejjaħ lill-pirjol. Sakemm waslu kamartu sabu li kien diġà miet fi ħdan il-Mulej. Dakinhar kien l-1 ta’ Movembru 1943, festa tal-Qaddisin kollha.

L-aħħar tislima

Wara li miet u kienu qegħdin ikeffnuh, lil P. Avertan lemħulu fuq dahru feriti fondi, liema feriti qatt ma semgħuh igerger dwarhom. Libbsuh il-libsa ta’ l-Ordni jiġifieri t-tonka kannella u l-kappa l-bajda u fuqha xiddewlu stola vjola. Bosta reliġjużi marru jagħtuh l-aħħar tislima. Dik il-ġurnata n-nies ma qatgħu xejn mill-għatba tal-kunvent. Il-Provinċjal kien tal-fehma li jiteħdulu r-ritratti minħabba l-fama ta’ qdusija li diġà kellu f’ħajtu.

Fit-2 ta’ Movembru 1943 il-ġisem ta P. Avertan ġie meħud mill-kunvent għall-knisja fejn saret quddiesa solenni tal-mejtin skond ir-Rit Karmelitan li fiha ħadu sehem il-patrijiet kollha tal-provinċja. Id-difna saret fil-11.30 ta’ filgħodu fil-kripta tal-kunvent. Nhar is-26 ta’ Novembru 1968 saret l-ewwel eżumazzjoni tal-fdalijiet tiegħu fil-preżenza ta’ l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi. Kien hemm ukoll għadd ġmielu ta’ reliġjużi u nies li għandhom qima speċjali lejn dan il-patri li bis-sempliċità ta’ ħajtu tant ġibed nies għal wara Ġesù. Il-fdalijiet tiegħu ġew imqegħda taħt l-artal li jinsab fil-kripta tal-Knisja tal-Karmnu fl-Imdina.

Hemm numru kbir ta’ grazzji li jingħad li nqalgħu bl-interċessjoni ta’ P. Avertan u llum wara dawn is-snin kollha huwa għadu ħaj fostna bit-tifkiriet sbieħ li ħalla, tifkiriet li żgur qatt ma jintesew fil-Provinċja Karmelitana Maltija. Il-Knisja llum għandha bżonn ta’ sacerdoti u reliġjużi qaddisa li jinħbew fil-Qalb ta’ Ġesù u jingħaqdu miegħu fl-opra tal-fidwa permezz ta’ ħajjithom.

Appendiċi 1

Dikjarazzjoni ta’ P. Andrea Spiteri, O.Carm.

Inġibu hawnhekk xhieda jew dikjarazzjoni li għamel P. Andrea Spiteri, Karmelitan, sieħeb tan-novizzjat u l-istudentat ta’ P. Avertan Fenech.

Kunvent tar-Rev. Patrijiet Karmelitani – l-Imdina, Malta

P. Avertan Fenech, Karmelitan mill-Mosta, li miet nhar l-1 ta’ Novembru 1943, fil-kunvent tagħna ta’ l-Imdina, kien sieħeb miegħi fin-novizzjat u fil-kjerikat; għalhekk bi pjacir kbir nista’ niddikjara taħt ġurament u quddiem żewġ xhieda dan li ġej:

Jiġifieri, li (P. Avertan) matul dan iż-żmien kollu, dejjem wettaq b’impenn u bi spirtu tassew reliġjuż id-dmirijiet tiegħu. Kien sempliċi ħafna, twajjeb, modest, ġwejjed, prudenti u ġust. Qatt ma smajtu igorr jew itaqtaq fuq xi ħadd jew fuq xi ħaġa. Kien paċenzjuż ħafna, u aħna dejjem żammejnih bħala mudell. Is-Surmast qatt ma kellu għalfejn jikkoreġih jew jagħmillu xi osservazzjoni, sew waqt ir-reċta ta’ l-uffiċċju divin sew fuq imġibtu. Wettaq b’impenn id-dmirijiet kollha tiegħu ta’ novizz u student, u dejjem kellu bħala għan li jagħmel kollox għall-glorja ta’ Alla. Dan l-istil ta’ ħajja ma nbidel qatt fih wara li ġie ordnat saċerdot, anzi pperfezzjonah. Għall-virtù tiegħu ġie elett surmast tan-novizzi u għal 26 sena sħaħ ġab ruħu ta’ veru missier man-novizzi. Fil-marda twila u qalila tiegħu, li damet aktar minn 11-il sena, ta mhux ftit eżempji sublimi ta’ paċenzja erojka.

B’xhieda għal dan, għax mitlub minni, inħalli dan l-attestat.
P. Andrea M. Spiteri
Xhieda: Charles Wilson u P. Anselmo Chircop, O.Carm.

Appendiċi 2

Dikjarazzjoni ta’ P. Spiridjun Vassallo, O.Carm.

Xhieda jew dikjarazzjoni oħra ta' P. Spiridjun Vassallo, Karmelitan, sieħeb tan-novizzjat u l-istudentat ta’ P. Avertan Fenech u Provinċjal tiegħu għal diversi snin.

Santa Venera, 28 ta’ Ġunju, 1945

Jien hawn taħt iffirmat, niddikjara taħt ġurament u quddiem żewġ xhieda, dan kollu li ġej dwar il-ħajja reliġjuża u l-virtujiet ta’ P. Avertan Fenech, Karmelitan mill-Mosta.
P. Avertan kien novizz miegħi, xiddejna l-libsa tal-Karmnu nhar it-8 ta’ Frar 1888, fil-kunvent tal-Belt Valletta.
Kien reliġjuż perfett u eżemplari, ġwejjed u sempliċi kważi bħat-tfal, modest u devot, ta’ xeħta trankwilla u kwieta. Qatt ma smajnih igerger u jilmenta fuq is-superjuri jew fuq sħabu; ta’ kliem mill-inqas u l-ftit li kien jitkellem kien bil-modestja u t-tjubija, u dejjem fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla. Waqt in-novizzjat u l-istudentat, waqt il-quddiesa u fit-tqarbin ta’ kuljum kien iġib ruħu bl-akbar devozzjoni u ġabra. Is-surmast tan-novizzi u l-istudenti qatt ma sab xejn fih xi jlum jew jikkoreġi, tul iż-żmien kollu tan-novizzjat u l-istudentat. Kien osservanti għall-aħħar mhux biss fil-voti, jiġifieri bl-Ubbidjenza, fil-Karità u fil-Faqar imma wkoll fil-punti kollha tar-Regola u l-Kostituzzjonijiet. Kien iħobb is-silenzju u s-solitudni, u jaħseb dejjem fuq Alla.
Kif sar saċerdot żamm dejjem l-istess spirtu reliġjuż u l-istess ħeġġa tan-novizzjat, sal-mewt.
Kien umli ħafna, ma fittex qatt dinjità jew unuri, u biss wara ħafna żegħil u biex jobdi għall-kmand tal-Provinċjal kien jaċċetta xi grad ta’ superjur, jiġifieri ta’ surmast tan-novizzi, ta’ definitur u sottopirjol. Kien distakkat minn kollox u minn kulħadd, dejjem irtirat u waqt il-provinċjalat tiegħi kien jesegwixxi l-ordnijiet tiegħi sa l-inqas tikka, anzi bi skruplu kbir dwar in-novizzi. Fl-aħħar marda li qabditu ġab ruħu ta’ qaddis tassew, kien dejjem seren u hieni fit-tbatijiet mhux żgħar tiegħu.

B’xhieda għal dan, għax mitlub minni, inħalli dan l-attestat.
P. Spiridjun Vassallo
Xhieda: Joseph Maria Inglott u Vincent Farrugia


Min jiqla' xi grazzja bl-intercessjoni ta' P. Avertan Fenech
għandu jikkuntattja lil
P. Amadeo J. Zammit, O.Carm. Tel: 21484053


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage