Arti

Letteratura



POEŻIJA

IL-MADONNA TAL-KARMNU

minn Dr. Carmel Mallia

Fil-briju ta’ dil-festa li tferraħna
f’dil-Belt mibnija fuq sisien is-swar,
ej’ nilqgħu lill-Madonna tal-Karmelu
tallaba quddiem Alla lejl u nhar.

F’dal-jum li ilna nistennew ħerqana,
ħa’ jfewħu bħal inċens qlub il-Maltin;
jissaħħaħ it-tifħir ‘l ommna Marija
fil-laqgħa tagħna fit-triqat Beltin.

Taħt sema mingħajr nikta ta’ sajf ħlejju,
qegħdin kotrana nieħdu f’id xulxin
biex, taħt il-mant li hu mifrux fuq rasna,
niġġeddu bil-għerf bnin tal-qaddisin.

Mill-Palestina għal Malta r-rħieb qaddisa
wasslulna x-xbiha ta’ Elija l-kbir
biex nirkbu l-karru ta’ nirien is-Sewwa
u ngħannu ħielsa bħal farfett itir.

Titpaxxa ruħna qalb għelieqi u ħdura,
titpaxxa ruħna qalb irħula u bliet,
għaliex hemm il-Madonna tal-Karmelu,
għaliex hi l-oħla fost l-aħjar għanjiet.

Il-Belt Valletta
23.11.95


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage