Kitba ta Ġorġ Peresso
Bil-kliem latini Flos Carmeli (Fjur tal-Karmnu) jibda wieħed
mill-isbaħ innijiet marjani medjevali li d-devoti Karmelitani għadhom
itennu fid-devozzjonijiet u l-festi ta’ Marija liebsa l-Iskapular u l-Mant bajdani.
Hu attribwit lil San Xmun Stock, il-Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan, li
rabat l-oriġini tiegħu ma’ “ulied il-Profeti” li kienu jgħammru
fuq l-għolja Karmel u li kien għaddej minn mumenti diffiċli, saħansitra
wara l-konferma tal-Papa Onorju III fis-sena 1226. Iżda llum hemm storiċi
li huma tal-fehma li dan l-innu ġa kien jeżisti qabel San Xmun Stock
u qabel sew ma’ l-Madonna għamlet il- wegħda tagħha lill-Ordni
tal-Patrijiet Karmelitani fl-1251. Kemm fit-tfassila ritmika, teknika u
estetika poetiku, mistiku u storiku marbuta ma’ din il-muntanja tal-Galilija.
L-Għolja
Il-katina tal-Muntanja Karmel tinfirex għal diversi
kilometri, tindiehes ma’ widien, għejun, nixxiegħat u pjanuri għammiela
u tixref għall-Baħar Mediterran. L-aktar quċċata għolja
tagħha twassal għal 531 metru. Ġa kienet abitata mill-bniedem
Neanderthal u nstabu fdalijiet li jeħduna għaż-żmien Neolitiku.
Jidher li sa mill-qedem kellha rabta ma’ dak li hu misterjuż. Ġa
fil-qedem il-muntanji kienu meqjusa bħala post marbut ma’ l-allat,
iżda l-Karmel kif jixhed dak in-nom El (Alla) minsuġ ma’ isimha,
kellha rabta ta’ għażla minn Alla nnifsu. Saħansitra l-Eġizzjani
f’kitbiet Farawniċi iqisuha bħala Għolja Qaddisa, Rosh Qidshu.
Hemm tradizzjoni li tgħid li l-filosfu Grieg, Pitagora, għamel żmien
jgħix fuq din l-muntanja li fuqha jinstabu fdalijiet ta’ tempji kemm
griegi u kemm rumani.
Għal-Lhud għandha rabta ta’ muntanja qaddisa. Meta Elija
bena hemm artal, il-Bibbja tgħidilna li diġa' kien hemm artal ieħor
(Hu reġa’ waqqaf l-artal tal-Mulej li kien iġġarraf – 1Sl 18,30). Hemm fuq saret it-taqbida, l-ewwel argumentattiva mbagħad ċerimonjali
permezz tal-ħruq ta’ l-offerta, bejn is-segwaċi ta’ Bagħal u l-profeti
tiegħu (450 wieħed) u Elija f’isem Alla ta’ Iżrael. Is-Sultan Aħab
li sejjaħ din il-laqgħa għażel din l-għolja
għaliex kienet ukoll marbuta mal-kult pagan tal-Feniċi li permezz
tas-sultana Ġeżabel kien dieħel ukoll fost il-poplu t’Alla. U
fuq din l-Għolja baqgħu jgħixu s-segwaċi ta’ Elija u
Eliżew.
Isimha jfisser: il-Ġnien ta’ Alla jew l-Għalqa
tad-dwieli tal-Mulej. Żgur post mimli ħdura, siġar, pjanti,
fjuri, art għammiela, art li tagħti l-frott. Simbolu ta’ ġabra u
sbuħija. Il-ktieb tal-Kantiku tal-Kantiċi jxebbaħ magħha s-sbuħija
ta’ l-Għarusa: Rasek 'il fuq, xebbaħtha lill-Karmel (Għanja 7,6).
Iżaija jikteb li sbuħit il-Karmelu għandha mis-sebħ
tal-Mulej (Iż 35,2). U meta l-profeti, bħal Iżaija, Għamos jew
Naħum riedu jagħtu eżempju tan-nixfa fuq l-art ta’ Iżrael talli
jkun dawwar wiċċu minn Alla, jgħidu li saħansitra l-Karmel
jinxef, jidbiel u jisfar. Fis-simboliżmu Ġudajk, din il-muntanja għandha
sens differenti mill-muntanja l-oħra qaddisa, il-Muntanja ta’
Ġerusalemm, li hi l-Muntanja ta’ Alla ta’ l-eżerċti, rebbieħ,
Imħallef u Suprem, filwaqt li l-Karmel hija l-muntanja tas-sbuħija
intima ma’ Alla.
F’dan l-imkien mimli poeżija u sbuħija ambjentali u
storja misterjuża, twieled, l-Ordni Karmelitan, twieldet id-devozzjoni
lejn il-Madonna li f’żgħożitha wkoll ma kinitx toqgħod il
bogħod mis-seħer ta’ din il-muntanja. Bir-raġun il-Papa San Piju
X f’ittra tiegħu ta’ tisfira mistika lis-sħaba żgħira li
Elija lemaħ minn fuq il-Karmel: Maria e’ l’oggetto del pensiero di Elia
che vede la piccola nube che sale dal mare.
Poeżija u mistiċiżmu
L-innu Marjan Flos Carmeli għandu dawn l-elementi
poetiċi li joħorġu mill-ambjent, mill-istorja u
mill-mistiċiżmu ma’ din l-Għolja.
Is-simboliżmu tal-ward u ta’ l-ambjent ma jinstabx biss
fl-ewwel vers u strofa imma jkompli jinfirex tul l-għadd ta’ strofi li
jsawruha. Ħalli qabel xejn nagħtu t-traduzzjoni li l-poeta Karmelitan
Patri Anastasju għamel l-ewwel strofi:
Fjur tal-Karmnu
Dielja tal-frott,
Dielja tas-sema
Xbejba li trodd
Ħadd bħalek.
Omm ħelwa
Bla raġel ma taf,
Lill-Karmelitani
Għolli fuq l-oħrajn,
Kewba tal-baħar.
Ġa mill-ewwel strofi l-fjur u l-allużjoni għad-dielja
jagħtu xebħ peotiku għall-aħħar. Anzi d-dielja li
xxeblek tieħu dimensjoni ċelesti għax ssir dielja tas-sema.
Il-kisja ħadra u mlewna tal-muntanja mfewħa tieħu dehra ġdida
bl-allużjoni għall-baħar u għas-sema. Art u sema mħaddna
f’dawn l-ewwel strofi. Ma’ dawn il-metafori poetiċi titħallat
l-istorja u t-talb kif ukoll il-Marioloġija, speċjalment
tal-verġinità ta’ Marija.
Il-versi l-oħra jkomplu fuq l-istess stil fejn ambjent u
storja jfasslu l-ispiritwalità ta’ dan l-innu/talba. Marija hija msejħa
Radix Jesse, l-Għeruq ta’ Ġesse li minnu ħareġ il-Messija.
U l-poeta jżid verb floreali meta jgħid Germinans flosclum, li
jwarrad l-inwar. Is-simboliżmu ta’ l-art isir simbolu tal-ġuf li
welled lil Ġesù. Ixebbaħ ukoll lil Marija mal-ġilju li jikber
qalb ix-xewk: Inter spinas / quae cresces lilium…. L-allużjoni
għall-bjuda tal-ġilju mhix biss waħda marbuta mal-verġinità
iżda hija metafora mill-aqwa tal-libsa karmelitana fejn l-mant abjad
jaqta’ sabiħ. U l-istess allużjoni tax-xewk trid tfisser it-taqbida
li kien għaddej minnu l-Ordni Karmelitan biex jiġi maħnuq, kif
ix-xewk joħnoq il-fjuri delikati. Għalhekk l-istrofa li tmiss
tagħmel allużjoni għall-armatura tal-Kavallieri –wara kollox,
hemm rabta bejn l-Kruċjati u l-Ordni tal-Karmelu – iżda l-element
gwerrier ta’ din id-dinja jieħu sens ġdid bl-allużjoni għall-iskapular
li jħares lid-devoti bħal ma’ l-korazza tħares lill-ġellieda.
L-innu jasal fl-għeluq tiegħu b’żewġ metafori qawwija u
sbieħ: clavis et ianua paradisi, muftieħ u bieb tal-ġenna.
Il-ġenna ta’ l-art rrapreżentata mill-Għolja tal-Karmelu ssir
il-ġenna eterna u mistika.
Għalhekk il-Flos Carmeli hu innu mill-isbaħ
tal-letteratura medjevali għall-stil u l-metafori tiegħu, imma wkoll
għax hu innu mistiku kif jixraq lill-Ordni li mit-tnissil tiegħu beda
fl-intimità u s-satra tal-muntanja qaddisa, li saret il-muntanja ta’ Marija,
il-Karmel.
[Dan l-artiklu deher fir-rivista Santwarju Santa Tereża, Birkirkara – Festa 2006, pp.68-73.]