Arti

Letteratura


Silta mill-Ktieb tal-Ħajja
ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, Karmelitana
(V/1.3; VI/3. 6-8)

ID-DEVOZZJONI LEJN SAN ĠUŻEPP
HIJA TA' QLIGĦ SPIRITWALI GĦAR-RUĦ

Beda jkolli devozzjoni kbira lejn il-Quddiesa, kif ukoll lejn talb ieħor approvat mill-Knisja; għax jien qatt ma kont ħabiba wisq ta’ ħafna devozzjonijet oħra li għandhom xi wħud, l-aktar in-nisa, b’dawk iċ-ċerimonji li lili qatt ma niżluli, imma li huma hekk miġbuda lejhom. Minn dak iż-żmien issuktajt nifhem kif dawn huma devozzjonijiet mhux xierqa, iżda biss superstizzjużi. Ħadt bħala avukat u patrun tiegħi lill-glorjuż San Ġużepp u ntlaqt f’idejh bl-akbar ħeġġa fit-talb tiegħi. Malajr sibt li dan il-­missier u patrun tiegħi ħelisni minn dan il-għawġ u minn ħafna għawġ ieħor akbar minnu, mit-telfien ta’ ruħi stess, hekk li huwa qalagħli grazzji bil-wisq aktar milli stajt nitolbu jien. Ma niftakarx lanqas issa li xi darba tlabtu xi ħaġa li hu naqas li jagħtihieli. Nistagħġeb bil-grazzji kbar li Alla għogbu jagħtini bl-interċessjoni ta’ dan il-Qaddis imbierek, u bil-perikli tal-ġisem u tar-ruħ li għogbu jeħlisni minnhom. Jidher li l-Mulej mar jagħti lil qaddisin oħra l-grazzja li jgħinuna f’xi ħtieġa jew oħra, imma jien għandi l-esperjenza li dan il-glorjuż Qaddis igħinna f’kull ħtieġa u li l­Mulej irid jgħallimna li kif Huwa nnifsu kien igħix taħtu fuq din l-art, għax dan il-Qaddis bħala missier li kien iħarsu fuq l-art sata’ jikkmandah, hekk issa Hu jrid jibqa’ fis-sema jagħmel dak kollu li jitolbu. Din kienet ukoll l-esperjenza ta’ bnedmin oħra li jiena ħeġġiġt jitolbuh bil-ħerqa: u llum ħafna huma dawk li għandhom devozzjoni kbira lejh minħabba li huma nfushom jistgħu jixhdu din il-verità.

Kont nara kif nagħmel biex inħares il-festa tiegħu bl-akbar solenni­tà. Iżda, għalkemm il-fehma tiegħi kienet tajba, kont aktar fiergħa milli spiritwali fil-ħarsien ta’ din il-festa, għax kont dejjem infittex li kollox isir mill-aħjar sa fl-inqas irqaqat. Jiena kelli din il-ħaġa ħażina fija li, jekk il-­Mulej kien jagħtini l-grazzja li nagħmel xi ħaġa tajba, il-mod li bih kont nagħmilha kien ikun mimli nuqqasijiet u tassew mhux perfett. Kont ninqala’ ħafna u ħabrieka tassew f’dak kollu li mhux sewwa, fieragħ u kollu rqaqat bla siwi. Li kien Alla jaħfirli!

Nixtieq nagħmel minn kollox biex inħajjar lil kulħadd ħalli jkun devot ta’ dan il-Qaddis gloijuż, għax issa għandi esperjenza kbira tal-barkiet li jista’ jaqlgħalna mingħand Alla. Jiena ma naf b’ħadd li huwa tassew devot tiegħu u li jqimu b’qadi partikulari, li ma mexiex sewwa ‘l quddiem fil-virtù, għax dan il-Qaddis jagħti għajnuna ta’ l-akbar fejda lil dawk l-­erwieħ li jintelqu f’idejh. Jidhirli li, għal xi snin, ta’ kull sena fil-festa tiegħu tlabtu xi ħaġa, u kull darba qalagħhieli. Jekk it-talba tiegħi ma tkunx tajba għal kollox, huwa jagħmilhieli sewwa għall-akbar ġid tiegħi.

Li kieku kont xi bniedma li nista’ nikteb b’awtorità, kieku żgur li bl-­akbar ferħ kont infisser aktar fit-tul u bl-aktar reqqa l-grazzji kbar li dan il-Qaddis gloijuż ta lili u lil oħrajn. Iżda, biex ma mmurx aktar ‘il hemm minn dak li ġejt ikkmandata, dwar ħafna ħwejjeġ ikolli nikteb aktar fil-­qosor milli nixtieq jien, filwaqt li jkolli nikteb fit-tul wisq dwar ħwejjeġ oħra; fi ftit kliem, bħal min għandu ftit diskrezzjoni f’dak li hu tajjeb. Biss, għall-imħabba ta’ Alla, nitlob li jekk hemm xi hadd li ma jemminnix, jipprova dan huwa nnifsu, u malajr jara mill-esperjenza x’ġid kbir jigih meta jintelaq f’idejn dan il-glorjuż Patrijarka u jitħeġġeġ fid-devozzjoni lejh. Dawk li jitħarrġu fil-ħajja ta’ talb għandu dejjem ikollhom ġibda specjali lejh. Ma nafx kif wieħed jista’ jaħseb fis-Sultana ta’ l-Anġli fiż-żmien li hija hekk batiet mal-Bambin Ġesù mingħajr ma jiżżi ħajr lil San Ġużepp għall-għajnuna li ta lilhom it-tnejn. Jekk hemm xi ħadd li ma jistax isib surmast li jgħallmu kif jitlob, ħalli jieħu lil dan il-Qaddis gloijuż bħala għalliem tiegħu u żgur li ma joħroġx mit-triq it-tajba. Li kien il-Mulej jagħmel li jiena ma żbaljajtx meta ażżardajt nitkellem minn dan il-Qaddis, għax għalkemm qed nagħmel stqarrija pubblika tad-devozzjoni tiegħi lejh, b’danakollu dejjem inqast li naqdih u nimitah sewwa. Huwa mexa miegħi kif jaf hu meta fejjaqni u tani l-qawwa li nqum u nimxi; u jiena qed nagħmel kif naf jien meta nuża din il-grazzja b’mod ħażin.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage