Arti

Letteratura


Silta mill-ktieb Storja ta’ Ruħ,
ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tal-Wiċċ Imqaddes, Karmelitana
(Manuskritt A, 5, 6)

SAN ĠUŻEPP MUDELL TAR-RUĦ
LI TFITTEX LIL ĠESÙ

Tiġrib tassew ta’ qtigħ il-qalb kbir kien għad irid jgħaddi mill-għarbiel il-vokazzjoni tiegħi. Kien bit-tregħid li għedt bil-fehma tiegħi liz-Ziju. Hu wera miegħi kull sinjal ta’ ħlewwa li sata’, iżda ma tani ebda permess biex nitlaq; bil-maqlub, lanqas biss riedni nkellmu mill-ġdid fuq il­vokazzjoni tiegħi qabel ma nkun għalaqt sbatax-il sena. Kienet xi ħaġa kontra l-prudenza tal-bniedem - qal - li ddaħħal fil-­Karmelu tifla ta’ ħmistax-il sena; din il-ħajja tal-karmelitana f’għajnejn id-dinja kienet ħajja ta’ ħsieb serju, hekk li kien jintgħamel tort kbir lill-ħajja reliġjuża li tħalli tifla bla ebda esperjenza tħaddanha...

Għadda żmien sewwa qabel ma ażżardajt inkellem liz-Ziju mill-ġdid: kienet saritli ħaġa iebsa wisq li mmur sa għandu, u deher li hu nnifsu lanqas biss baqa’ jagħti kas tal-vokazzjoni tiegħi; iżda, wara sirt naf li d-dwejjaq kbar tiegħi dawruh sewwa biex jibda jaqbel miegħi. Alla, qabel ma ħalla jiddi fuq ruħi xi raġġ ta’ tama, għoġbu jibgħatli martirju tassew aħrax li dam sejjer tlett ijiem. O! Qatt qabel ma kont fhimt hekk tajjeb daqs waqt dan it-tiġrib id-duluri tal-Vergni Mbierka u ta’ San Ġużepp fit-tfittxija tat-Tfajjel Ġesù... Kont ninsab f’deżert ta’ swied il-qalb, jew aħjar ruħi kienet qisha dgħajsa dgħajfa bla qaddief, mitluqa għall-hniena tal-mewġ tat-tempesta. Kont naf li Ġesù kien qiegħed hemm, rieqed fid-dgħajsa, iżda l-lejl kien hekk sewdieni illi jien ma stajtx narah; xejn ma tani xi ftit tad-dawl, ebda leħħa ta’ berqa ma ġiet tofroq is-sħab oħxon... Bla dubju, huwa ta’ diqa d-dawl li jagħti l-leħħ tal-beraq, iżda għallanqas, li kieku t-tempesta faqqgħet fil-beraħ, kont inkun nista’ nara lil Ġesù għal xi waqt... Imma kien il-lejl, il-lejl qalil tar-ruħ... Bħal Ġesù fil-ġnien ta’ l-agunija, ħassejtni waħdi u ma sibt ebda faraġ la fuq l-art u lanqas fis-Sema; deher li Alla nnifsu kien telaqni!!!

Għall-vjaġġ li għamilt Ruma biex insaħħaħ il-vokazzjoni tiegħi, tlabt minn qalbi lil Sidtna tal-Vittorji li tbiegħed minni dak kollu li sata’ jtabba’ s-safa tiegħi… għax stajt niltaqa’ ma’ ħafna ħwejjeġ li setgħu jaslu biex iħawduni, l-aktar minħabba li jien ma kelli ebda ħjiel tal-ħażen u, għalhekk, bħal bżajt li nsir naf bih. Kont għadni ma għaddejtx mill-esperjenza li “kollox hu safi għal min hu safi”, u li r-ruħ sempliċi u sewwa ma tara ħażin f’xejn, ladarba fil-fatt il-ħażen ma jeżistix ħlief fil-qlub imħassra, u mhux fil-ħwejjeġ li ma jhossux...

Tlabt ukoll lil San Ġużepp sabiex jgħasses fuqi; sa minn tfuliti kelli devozzjoni lejh li kienet imħallta ma’ mħabbti għall-Verġni Mbierka. Kuljum kont ngħid it-talba: “O San Ġużepp, missier u protettur tal-verġni....” Għalhekk, kien mingħajr biża’ li bdejt dan il-vjaġġ twil; ladarba kont imħarsa hekk tajjeb, deherli li ma setax ikun li jkolli xi biża’.

Kien bil-ferħ li tlaqt minn Bolonja li saritli belt li ma stajtx niflah għaliha minħabba l-istudenti li kienet mimlija bihom li kienu joqogħdu f’ringieli twal fil-ġnub tat-triqat meta kien ikollna x-xorti ħażina li ngħaddu bil-mixi minnhom; fuq kollox, minhabba l-avventura żgħira li kelli ma’ wieħed minnhom, tassew ħassejtni hienja li naqbad it-triq għal Loreto. Ma nistagħġibx li l-Verġni Mbierka għażlet dak il-post biex tieħu fih id-Dar imbierka tagħha; il-paċi, il-hena u l-faqar isaltnu fuq kull ma hemm; kollox huwa sempliċi u primittiv, fi ftit kliem, Loreto saħħritni!... X'naqbad ngħid fuq id-Dar qaddisa? Kemm kien profond dak li ħassejt fija meta sibt ruħi taħt l-istess saqaf tal-Familja Mqaddsa, waqt li bdejt nikkontempla l-ħitan li fuqhom Ġesù kien jitfa’ l-ħarsa divina tiegħu, u mxejt fuq l-art li San Ġużepp kien xarrab b’għaraq xbinu, fejn Marija kienet iġġorr lil Ġesù fuq dirgħajha wara li kienet ġarritu fil-ġuf verġinali tagħha... Rajt il-kamra żgħira li fiha l-anġlu kien niżel quddiem il-Verġni Mbierka... Imma l-akbar faraġ tagħna kien li nilqgħu fina lil Ġesù nnifsu f’din id-Dar tiegħu u li nkunu t-tempju ħaj tiegħu propju f’dak il-post li Hu kien tah ġieħ bil-preżenza tiegħu.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage