ArtikliIl-MadonnaTAL-KARMNU minn Mons. Nikol Cauchi, Isqof ta' Għawdex Kelli x-xorti li nżur il-knisja ddedikata lill-Madonna li hemm fuq il-Muntanja tal-Karmelu, fl-Art Imqaddsa. Kelli okkażjoni wkoll, ftit ilu li nżur is-Santwarju ta’ Aylesford fl-Ingilterra fejn skond it-tradizzjoni, il-Madonna tat il-Labtu tagħha lil San Xmun Stock, Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan. Dan ta’ l-aħħar għandu miegħu wieħed mill-eqdem kunventi fl-Ingilterra, imwaqqaf minn żewġ eremiti li ġew mill-Palestina flimkien mal-wasla lura tal-Kruċjati mill-Art Imqaddsa fl-1241. Minn dak il-kunvent fejn kien jgħix, San Xmun Stock, it-tieni Superjur Ġenerali ta’ l-Ordni, xerred id-devozzjoni ta’ l-iskapular tal-Karmnu. Fl-1951 ir-relikwiji ta’ San Xmun Stock ġew trasferiti minn Bordeaux lejn Aylesford li huwa wkoll ċentru ta’ pellegrinaġġi. Iżda l-kappelli u l-knejjes iddedikati lill-Madonna tal-Karmnu huma numerużi fid-dinja kattolika nkluż f’pajjiżna. Ħafna huma wkoll fil-gżejjer tagħna d-devoti tal-Madonna tal-Karmnu, u jagħmlu ħilithom biex ikun jistħoqqilhom il-wegħdi li Hija għamlet lil dawk li jilbsu bil-qima l-labtu tagħha. Ma jistax jonqos li din id-drawwa qaddisa jkollha wkoll il-valur pastorali tagħha u tista’ tkun mezz qawwi sabiex l-insara jgħixu aħjar u b’iktar ħeġġa, skond it-tagħlim ta’ Kristu. Il-Labtu tal-Karmnu, difatti huwa distintiv jew sinjal ta’ dawk li kkonsagraw ruħhom lill-Verġni Mbierka. Huwa bħal uniformi ta’ dawk li joffru ruħhom għall-qadi tal-Verġni Mbierka. Il-Labtu, għalhekk f’ċertu sens huwa għamla ta’ konsagrazzjoni li n-nisrani jagħmel tiegħu nnifsu. Minn dan li għedna tidher ir-rabta li hemm bejn il-labtu tal-Karmnu u l-Vera Devozzjoni, mxerrda minn San Ludoviku Maria Grignon de Montfort, għaliex f’din id-devozzjoni, iktar moderna, il-qima lejn il-Madonna tal-Karmnu ssib l-applikazzjoni perfetta tagħha. Imma l-konsagrazzjoni lil Marija tfakkarna f’konsagrazzjoni oħra, iktar profonda, meta aħna sirna ta’ Kristu fil-Magħmudija. Dakinhar ġiet mogħtija lilna l-libsa bajda, u s-saċerdot li amministralna dan is-sagrament qalilna “Inti sirt ħolqien ġdid u lbist ‘il Kristu. Qis li din il-libsa bajda tkun għalik sinjal tad-dinjità tiegħek. Bil-għajnuna tal-kelma u l-eżempju ta’ qrabatek, żommha fuqek bla tebgħa sal-ħajja ta’ dejjem.” Fi żminijietna, qiegħed isir dejjem iktar diffiċli li wieħed jgħix ħajja safja u onesta, iżda min iġib fuqu l-labtu tal-Madonna, u jrid jgħix ta’ kuljum il-konsagrazzjoni tal-Magħmudija ħalli jagħti xhieda bħala dixxiplu ta’ Kristu, jeħtieġ li jimpenja ruħu, li jżomm ‘il bogħod mid-dnub u mill-okkażjonijiet tal-ħażen, u fuq l-eżempju tal-Verġni Mbierka jgħożż u jħares is-safa skond l-istat tal-ħajja tiegħu. Minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu, bil-għajnuna tal-grazzja u taħt il-protezzjoni tal-Verġni Marija, din il-kwalità ta’ ħajja hija mhux biss mixtieqa, iżda wkoll possibbli. (Dan l-artiklu kien ippubblikat fir-rivista Madonna Ta’ Pinu, Sena XXV, Vol IX, n. 130, Lulju-Settembru 2004, p.21.)
|