ArtikliQaddisinIS-VII ĊENTINARJU MIT-TWELID TA’ SAN ANDRIJA CORSINI Ittra tal-Papa Ġwanni Pawlu II mibgħutha lil
Fl-1349, meta Andrija Corsini, magħżul Provinċjal ta’ l-Ordni tal-Karmelitani tat-Toskana, ġie innominat Isqof ta’ Fiesole, il-fama tal-karità u t-tjubija tiegħu magħrufa fit-territorju ta’ Firenze, fejn kien twieled fit-30 ta’ Novembru 1301, minn familja l-aktar magħrufa, u fejn, ta’ ħmistax-il sena, libes l-abitu reliġjuż fil-Kunvent tal-Karmnu. Ordnat saċerdot, fost il ħafna karigi mogħtija lilu, iddistingwa ruħu fil-ħeġġa li biha għex l-ideal karmelitan u fl-impenn kbir tiegħu fil-formazzjoni ta’ Ħutu reliġjużi. L-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu mqiegħda kostantament fiċ-ċentru ta’ ħajtu spikkat fl-okkażjoni meta Firenze nħakmet mill-pesta ta’ l-1348, u flimkien ma’ ħutu, intefa’ b’dedikazzjoni u b’servizz erojku ma’ dawk li kienu maħkuma mill-marda. 2. Fil-Bolla tan-nominazzjoni għas-sede ta’ Fiesole, ippubblikata f’Avignon fit-13 ta’ Ottubru 1349, il-predeċessur venerabbli tiegħi Klement VI seħaq fuq “iż-żelu għar-reliġjon, għall-kultura, għas-safà tal-ħajja u tad-drawwiet, għall-ħila fit-tmexxija ta’ l-erwieħ” u “l-prudenza fl-affarijiet temporali u l-merti l-oħra ta’ ħafna virtujiet” tal-Magħżul. Huwa, minn naħa tiegħu, ikkonferma mill-ewwel l-apprezzament favorevoli billi aċċetta l-inkarigu bi spirtu ta’ fidi u billi qiegħed il-missjoni tiegħu f’idejn Omm Alla, li kien iħobbha b’imħabba kbira. Fis-snin ta’ wara feġġew provi ġodda tal-virtujiet singulari tal-Prelat. Għażel li jgħix fi Fiesole, iċċaħħad mill-palazz komdu fjorentin, is-sede tal-predeċessur tiegħu mill-1225, u wera żelu speċjali fil-predikazzjoni, fil-bżulija, fit-talb, fil-ħruxija tal-ħajja, fil-viżti tal-parroċċi, fit-tneħħija ta’ l-abbużi u fid-difiża għal-libertà tal-Knisja kontra l-indħil mhux mistħoqq; kien jilqa’ wkoll b’imħabba lill-umli u lil dawk misruqa mill-proprjetajiet tagħhom li kienu jħabbtu l-bieb tad-dar tiegħu. 3. San Andrija Corsini ħa kura speċjali tal-presbiteri tiegħu, u talabhom biex jgħixu konformi mal-qdusija u r-responsabbiltà ta’ l-istat tagħhom. B’dan il-għan waqqaf il-fraternità dedikata lit-Trinità Qaddisa u, antiċipa d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trentu, billi niseġ normi preċiżi dwar l-aċċettazzjoni u t-tħejjija kulturali u spiritwali tal-kandidati għas-saċerdozju. Ġie msejjaħ biex iwettaq għadd kbir ta’ uffiċċji importanti b’servizz għas-Sede Appostolika. Fl-okkażjoni tad-delegazzjoni għal Bolonja fl-1368, wera lilu nnifsu bniedem ta’ paċi, kapaċi jrażżan it-tilwim u ‘l dawk li kienu mqanqlin mill-mibegħda bi kliem ta’ ħbiberija. Kwalitajiet li kien magħuf wisq għalihom u kien qaddej apprezzat mill-Knisja, animat minn spiritwalità profonda. L-għaqda soda, stabbli ma’ Alla, karatteristika dominanti ta’ l-eżistenza tiegħu, ma fixklittx lil San Andrija Corsini li jiddedika ruħu b’serjetà fl-amministrazzjoni tal-beni ekkleżjastiċi. Dan ipperemttilu juża kwantità għall-bini u għar-restawrazzjoni ta’ monasteri, knejjes u kappelli, u fuq kollox il-Katidral u d-dar ta’ l-Isqof, li kienu jinsabu f’rovina sa minn sekli sħaħ. Il-qaddis Isqof miet fil-għaxija fil-Festa ta’ l-Epifanija fl-1374. Ġismu, ndifen fil-Katidral ta’ Fiesole, u wara ttieħedd fil-Bażilika tal-Karmnu f’Firenze. Il-familja Corsini bniet kappella sabiħa fl-1386 għalih, mhux inferjuri għal dik ta’ l-1734 iddedikata lilu f’San Ġwann Lateran f’Ruma mill-Papa Klement XII, dixxendenti tal-qaddis. Il-fama ta’ qdusija li biha kien imdawwar f’ħajtu, xterdet f’ħakka ta’ għajn wara mewtu fl-Italja u fl-Ewropa. Il-kult popolari li żviluppa fil-bidu ta’ l-1400 permezz tal-kunventi karmelitani, ġie kkonfermat mill-Papa Ewġenju IV, li ppoklamah beatu, u mill-Papa Fjorentin Urbanu VIII li iddikjarah qaddis fit-22 t’April 1629. 4. Mit-30 ta’ Novembru 2001 il-fdal mortali tiegħu ser ikun espost għal xi jiem fil-Katidral ta’ Fiesole. Jalla dan il-pellegrinaġġ li bih jiftħu ċ-ċelebrazzjonijiet tat-twelid tiegħu, joffri lill-komunità djoċesana kollha l-opportunità biex tiltaqa’ ma’ dan il-kbir qaddis biex tiskopri mill-ġdid is-sejħa proprja u tħabbar lill-aħwa, b’ħeġġa mġedda l-aħbar it-tajba ta’ Alla li “hekk ħabb lid-dinja li bagħat l-Iben waħdieni tiegħu fid-dinja biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna (Ġw. 3, 16).” Din il-komunità, imwieżna u ħajja bl-eżempji u t-tagħlim tar-Ragħaj Spiritwali antik, filwaqt li toħroġ mis-sinjali ta’ qdusija ta’ San Andrija Corsini, applikazzjonijiet tinsab imsejħa għal stimulu appostoliku mġedded u għall-fervur spiritwali aktar qawwi, kif ġie enfasizzat fis-Sinodu Djoċesan reċenti. Meta nikkontemplaw iż-żelu ħerqan li ħeġġeġ lil San Andrija Corsini biex jikkonsagra ruħu għall-kobor uman u spiritwali tal-Poplu ta’ Alla, din l-imsemmija komunità hija mistiedna biex terġa’ taffronta mill-ġdid, fid-dawl ċentrali tal-Misteru Ewkaristiku, l-importanza tal-ministerji ordnati għall-ħajja liturġika sfieqa u għall-aħbar tal-kelma ta’ Alla li taqta’ bħall-xabla miż-żewġ naħat, kif ukoll biex tagħti importanza lill-forom oħra ta’ servizz li jesprimu l-preżenza konkreta billi jagħtu attenzjoni lill-isfidi ġodda u l-kura kbira lill-imbiegħda u lill-foqra. 5. Jalla d-Djoċesi fiesolana timxi fuq l-eżempji tar-Ragħaj Spiritwali ta’ qabel billi tkompli tagħti importanza lill-formazzjoni tal-kleru u tqiegħed l-attenzjoni kollha tagħha sabiex is-Seminarju djoċesan ikun, dejjem, imkien xieraq għat-tħejjija tal-kandidati għas-saċerdozju, fi ħdan kuntest wiesa’ ta’ pastorali vokazzjonali organizzat, li huwa aspett irrenuzjabbli tal-programazzjoni ekkleżjali kollha. Barra dan, għaliex ma narawx fl-għemil ta’ sabar u l-ġenerożità ta’ San Andrija Corsini fil-paċifikazzjoni tat-tilwim, kelma ta’ tħeġġiġ biex wieħed ifittex il-konkordja u l-ġustizzja, kif ukoll il-promozzjoni tad-djalogu bejn kulturi distinti, li huwa distintiv kostanti tal-ħajja nisranija? U xi ngħidu dwar il-ħeġġa tiegħu fl-amministrazzjoni b’għaqal u dehen tal-ġid ta’ l-art, speċjalment dak tal-knisja, bil-għan biex ikun jista’ jgħin il-ħtiġijiet pastorali u l-ħtiġijiet tal-foqra, ħaġa li dejjem sieħbet il-ħajja tal-Komunità tad-dixxipli tal-Mulej (Ġw 12,8)? 6. Il-ħajja kollha ta’ San Andrija Corsini tixhed li r-relazzjoni bejn Knisja u Stat, bogħod milli tbiegħed lil dawk li jemmnu mit-tajjeb u l-ħazin tad-dinja, issuqu għal tħabbira kuraġġuża ta’ Ġesù Kristu biex ikun jista’ janima, b’sens nisrani, il-konvivenza ċivili. Jalla ċ-ċelebrazzjonijet ġubilari tat-twelid ta’ l-iben tal-familja nobbli Corsini, li sar fqir għall-imħabba ta’ Kristu, u li bħala Isqof ta’ Fiesole, impenja ruħu biex jistampa fil-qlub ta’ dawk li għexu fi żmienu l-valuri evanġeliċi, iservu ta’ stimulu għall-fidili ta’ din id-djoċesi biex ikunu jistgħu jsiru strumenti attivi u konxji tal-progress reliġjuż u ċivili ta’ arthom. B’dawn ix-xewqat, nafda taħt il-ħarsien ta’ San Andrija Corsini, Lilek, għażiż Ħija u lill-komunità djoċesana kollha u b’qalbi kollha nsawwab fuqkom ilkoll il-Barka Apostolika Speċjali. Ġwanni Pawlu II |