Artikli

Ġenerali



L-IMĦABBA TA’ ĠWANNI PAWLU II LEJN IL-KARMELU

minn Anthony Cilia, O.Carm.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II liebes il-Labtu tal-KarmnuMhix ħaġa faċli li fi spazju hekk zgħir wieħed jikteb dwar dak kollu li rabat lill-Papa Ġwanni Pawlu II mal-Familja Karmelitana tul il-85 sena ta’ ħajtu. Għaldqastant f’dan l-artiklu ser nipprova niffoka fuq il-ġrajjiet l-aktar importanti għall-Ordni Karmelitan.

Tfulija u żgħożija

Karol Wojtyla twieled fit-18 ta’ Mejju 1920 f’Wadowice, belt polakka xi 50 kilometru bogħod minn Krakovja, minn ġenituri eżemplari li għaddew lil binhom il-valuri tal-ħajja nisranija. Qrib id-dar fejn trabba kien hemm knisja u kunvent tal-Karmelitani Skalzi li fi tfulitu u f’żgħożitu Karol kien iżur spiss biex jirċievi s-sagramenti u jieħu sehem fid-diversi ċelebrazzjonijiet u festi tal-qaddisin Karmelitani. F’din il-knisja, fl-età ta’ 10 snin, Karol irċieva għall-ewwel darba l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu. Imħabbtu għal Marija u għall-Ispiritwalità Karmelitana qatt ma kienet biżżejjed. Darba minnhom, fuq stedina ta’ wieħed ħajjat ħabib tiegħu, beda jaqra l-opri ta’ S. Ġwann tas-Salib. Karol tant ried jinżel fil-fond fl-ispiritwalità ta’ dan id-Duttur Karmelitan li ddeċieda jibda jistudja l-ispanjol biex ikun jista’ jaqra l-kitbiet tiegħu bl-ilsien oriġinali!

Fl-1938, ta’ 18-il sena, Karol beda l-istudji tal-filosofija fl-università ta’ Krakovja. Hawn il-kuntatti tiegħu mal-Karmelitani aktar żdiedu. Spiss kien iżur xi wieħed mill-erba’ kunventi tal-Karmelu li kienu jinsabu f’din il-belt: wieħed tal-patrijiet Karmelitani, ieħor tal-Karmelitani Skalzi u żewġ monasteri tas-sorijiet tal-klawsura. Fl-1942 daħal is-seminarju ta’ Krakovja fejn, wara li spiċċa l-istudji teoloġiċi, kien ordnat saċerdot fl-1946. Bħala saċerdot Wojtyla baqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-Karmelitani, b’mod speċjali mas-sorijiet, u spiss kien imur jippriedka, jqarar jew jagħmel xi kors eżerċizzi.

Ma kienx għadda wisq żmien mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu meta s-superjuri ddeċidew li jibgħatuh Ruma biex japprofondixxi l-istudji tiegħu. F’Ġunju ta’ l-1948 Karol spiċċa l-kors għad-dottorat billi ppreżenta teżi fuq d-duttrina ta’ San Ġwann tas-Salib. Hekk kif rritorna lura lejn pajjiżu, mimli bl-ispiritwalità ta’ dan id-Duttur tal-Knisja, beda jitħajjar jidħol fil-Karmelu, imma l-isqof tiegħu ħeġġu jkompli miexi fit-triq li beda. Fl-1958, fl-età ta’ 38 sena kien maħtur awżiljarju ta’ Krakovja u fl-1967 isqof ta’ l-istess djoċesi. Ħdax-il-sena wara, fis-16 ta’ Ottubru 1978, kien elett Papa.

Il-Madonna tal-Karmnu

Matul il-pontifikat tiegħu Ġwanni Pawlu II kemm-il darba tkellem dwar id-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna tal-Karmnu u fuq il-benefiċċji u l-protezzjoni li rċieva mingħandha. Waqt vista fil-parroċċa Karmelitana ta’ Mostacciano (Ruma), il-Papa, huwa u jitkellem dwar l-għana spiritwali ta’ Marija, jgħid li “l-missjoni Karmelitana tagħha hija marbuta ma’ libsa. Din il-libsa tissejjah il-Labtu mqaddes. Jien, f’żgħożiti, sibt għajnuna kbira f’dan il-Labtu Karmelitan tagħha.” Matul vista f’parroċċa Karmelitana oħra (Regina Mundi, Ruma), Ġwanni Pawlu  stqarr: “Jien ilni nilbes il-Labtu għal ħafna snin.” F’diskors ieħor jgħid li r-rabta tiegħu mal-Labtu mqaddes għandha l-għeruq fih sa minn meta kien tifel. Huwa ma jiqafx jafferma r-rabta tiegħu mal-Madonna tal-Karmnu hekk li fl-ittra li kiteb fl-okkazjoni tas-750 Anniversarju tal-Labtu Mqaddes, jgħid ċar u tond: “Jien ukoll inġorr fuq sidri, għal ħafna snin, il-Labtu tal-Karmnu!”

Nistgħu ngħidu bla tlaqlieq li matul il-pontifikat tiegħu, Ġwanni Pawlu II ma tilef l-ebda okkazjoni biex bil-kelma u bil-kitba, fid-diversi laqgħat li kellu f’Ruma u matul il-vjaġġi appostoliċi tiegħu, u b’mod speċjali fil-jum tas-16 ta’ Lulju, milli jindirizza lill-membri tal-Familja Karmelitana u lid-devoti tal-Labtu, biex ifakkarhom fil-ħarsien u l-benefiċċji li jiġu mill-ħidma tal-Verġni Marija fil-misteru ta’ Kristu u l-Knisja. Huwa stmat li matul il-papat tiegħu, Ġwanni Pawlu II, bejn wieħed u ieħor, tkellem madwar 70 darba fuq xi wieħed mill-aspetti tad-devozzjoni Karmelitana lejn il-Madonna. L-istedina tiegħu kienet dejjem li d-devoti kollha tal-Verġni Marija jduru lejha u jitolbuha bil-ħeġġa sabiex bl-interċessjoni tagħha jaqalgħu l-grazzja li jimxu bla xkiel fit-triq tal-ħajja ħalli jaslu qawwijin u sħaħ sal-quċċata ta’ l-għolja li hi Kristu l-Mulej.

Kanonizazzjonijiet u Beatifikazzjonijiet

Ġwanni Pawlu II jibqa’ magħruf għan-numru kbir ta’ qaddisin u beati li iddikjara matul il-pontifikat tiegħu. Huwa emmen bis-sħiħ li fi żminna wkoll jeżistu ħafna nsara qaddisin. Minħabba f’hekk il-Familja Karmelitana bbenefikat ħafna tul il-papat tiegħu. Għall-Ordni tagħna huwa bbeatifika tlett patrijiet: l-Olandiz Titu Brandsma (3.11.85), il-Franciz Ġakbu Retouret (1.10.95) u l-Polakk Ilarju Januszewski (13.6.98). Għas-sorijiet Karmelitani, huwa ffirma (20.12.03) d-digriet tal-virtujiet erojċi tal-venerabbli Tereża Scrilli (fondatriċi ta’ l-Istitut tas-Sorijiet tas-Sinjura Tagħna tal-Karmelu) u d-digriet tal-miraklu maqlugħ bl-interċessjoni tal-venerabbli Maria Crocifissa Curcio (fondatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Karmelitani Missjunari ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù). Il-beatifikazzjoni ta’ din ir-reliġjuża Karmelitana kellha ssir fl-24 ta’ April 2005, imma minħabba l-mewt tal-Papa tħalliet għal ġurnata oħra. Fost il-membri tat-Terz’Ordni Karmelitan insibu l-beatifikazzjoni taż-żgħażugħ afrikan Isidor Bakanja (24.4.94) u tas-saċerdot Malti Ġorġ Preca (9.5.01).

Ittri appostoliċi

Żgur li l-Papa Wojtyla jibqa wkoll magħruf għal ħafna kitbiet tiegħu. F’dak li għandu x’jaqam ma’ l-Ispiritwalità tal-Karmelu, huwa mhux biss għexha u ppriedkaha, imma bosta drabi użaha fil-kitbiet tiegħu u kkwota t-tagħlim li joffru l-qaddisin tagħna u ffoka fuq ix-xhieda li taw b’ħajjithom. L-aktar ittri appostoliċi importanti li kiteb f’okkazjonijiet speċjali ta’ l-Ordni tagħna huma: IV Ċentinarju mill-Mewt ta’ S. Tereża ta’ Ġesù (15 ta’ Ottubru 1981); IV Ċentinarju mill-Mewt ta’ S. Ġwann tas-Salib (14 ta’ Diċembru 1990); VII Ċentinarju ta’ Presenża Karmelitana fil-Parroċċa ta’ San Martino ai Monti, Ruma (1 ta’ Mejju 1999); 750 Anniversarju tal-Labtu tal-Karmnu (25 ta’ Marzu 2001); 135 Kapitlu Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan (8 ta’ Settembru 2001); VII Ċentinarju mit-Twelid ta’ Sant’Andrea Corsini (30 ta’ Novembru 2001); 550 Anniversarju tal-Bolla “Cum Nulla” (7 ta’ Ottubru 2002).

Ħatriet ta’ Iqfijiet

Ġwanni Pawlu II mhux biss kien iħobb l-ispiritwalità tal-Karmelu imma wkoll kellu fiduċja sħiħa fil-kapaċità tal-membri tiegħu. Fost il-Karmelitani magħżula minnu biex jgħinu fit-tmexxija ta’ diversi djoċesijiet insibu: José Cardoso, isqof ta’ Paracatú, Brażil (28.4.79), aktar tard Acisqof ta’ Recife; ħuħ, Paulo Cardoso, isqof ta’ Petrolina, Brażil (19.12.84); Alberto Frost, isqof ta’ Dourado, Brażil (16.7.88); Herman Josephum Pandoyoputo, isqof ta’ Malang, Indoneżja (8.6.89); Antonio Vitalino Fernandes Dantas, isqof awżiljarju ta’ Lisbona (3.7.96), aktar tard isqof ta’ Beja, Portugall; Antonio Muniz Fernandes, isqof ta’ Guarabira, Brażil (7.2.98); Lucio Renna, isqof ta’ Marsi-Avezzano, Italja (9.6.99); Michael LaFay Brandi, isqof tal-prelatura ta’ Sicuani, Perù (26.7.99); u Filippo Iannone, isqof awżiljarju ta’ Napli, Italja (26.5.01). Ma’ dawn nistgħu nsemmu wkoll lil Albert Brincat, Karmelitan Malti, li għalkemm mhux isqof, qed jaqdi l-istess uffiċċju bħala Amministratur Appostoliku tad-djoċesi ta’ Tarija, Bolivja (2.6.04).

Konklużjoni

Minn dan id-daqsxejn ta’ artiklu m’għandux jibqalna dubbju mill-imħabba li Ġwanni Pawlu II kellu lejn il-Karmelu. Għalina l-Karmelitani dan il-Papa kien tassew barka mingħand Alla għax permezz tat-tagħlim u t-tħeġġiġ tiegħu stajna nkomplu miexjin bil-kuraġġ fil-kariżma tagħna. Minn qalbna nirringrazzjawh u nitolbuh ikompli jinterċedi għalina quddiem Alla u quddiem Ommna Marija tal-Karmelu biex aħna wkoll, bħalu, naslu sal-quċċata tal-glorja tagħna. 

(Dan l-artiklu kien ippubblikat fir-rivista Il-Karmelu, Sena 70, N.3, Lulju-Settembru 2005.)


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage