ArtikliQaddisinID-DEVOZZJONI LEJN IL-PROFETA SANT'ELIJA minn Anthony Cilia, O.Carm.
Il-Kan. Ġann Piet Franġisk Agius De Soldanis fit-tieni ktieb tiegħu “Għawdex bil-Ġrajja Tiegħu” ħallielna miktub li fil-ħâra ta’ l-Għandar (Andar) ta’ Mġarr ix-Xini, fis-seklu 16 kienet diġà teżisti kappella ddedikata lill-Profeta Sant’Elija. Din il-kappella, biz-zuntier magħha, ġiet mibnija mill-familja Ragniero Maħnuq. Dan jidher fl-Att notarili ta’ Giovanni Domenico Formosa ta’ l-14 ta’ Lulju 1592. Prova oħra tal-fatt hija li r-raba ta’ fejn kienet tinsab il-kappella, għalkemm illum din ma għadiex tezisti, għadu jissejjah “ir-raba tal-ħotba ta’ Elija”. Il-kappella, li magħha kien hemm ukoll ċimiterju, ġiet ipprofanata fl-1657. Il-kwadru titulari, kif ukoll l-istatwa ta’ Sant’Elija, ittieħdu fil-knisja l-qadima ta’ San Ġwann Battista li kienet tinsab fl-istess inħawi tax-Xewkija. Patri Serafin Borg, O.S.A., fl-artiklu tiegħu “Xewkija: San Ġwann Battista”, huwa u jitkellem fuq din il-knisja jgħid li kellha tliet artali: l-artal tan-nofs bi kwadru tal-qaddis Battista u żewg artali fil-ġnub, wieħed tal-Profeta Elija u l-ieħor tal-Lunzjata. Biex tkun tista’ tlaħħaq mal-bżonnijiet spiritwali tal-parroċċa, il-knisja l-qadima ta’ San Ġwann il-Battista kienet żarmata u minflokha telgħet knisja akbar li kienet imbierka solennement mill-Arċipriet Cassia Magri fis-17 ta’ Marzu 1728. Din il-knisja, barra l-artal maġġur, kellha tmien artali oħra, erba’ fuq kull naħa. It-tieni wieħed min-naħa tax-xellug ta’ l-artal maġġur kien iddedikat lill-Profeta Elija bl-istatwa ta’ l-injam. Skond De Soldanis “Dan l-artal ġie riservat mill-Kapitlu tal-Kolleġġjata tar-Rabat, biex skond il-ħtieġa taż-żminijiet, imur bil-purċissjoni u jqaddes u jkanta, kull meta jrid.” Id-devozzjoni fix-Xewkija lejn dan il-kbir Profeta tat-Testment il-Qadim baqgħet dejjem ħajja. Wieħed mill-aktar devoti tiegħu żgur li kien Dun Lucio Vella li minn butu ħallas biex issir statwa ġdida tal-Qaddis. Din l-istatwa, magħmulha minn zokk ta’ tuta u li għadha titgawda sal-lum fil-knisja Rotunda, inħadmet fl-1790 b’sengħa kbira mill-famuż statwarju Marjanu Ġerada. Hawn ta’ min jgħid li ma nafux x’sar minnha l-istatwa l-antika ta’ Sant’Elija li kien hemm qabel u lanqas tal-kwadru tiegħu li kienu nġiebu mill-kappella ddedikata lilu. Żgur li l-istatwa l-ġdida ħdet post dik li kien hemm qabel. Madwar 125 sena wara, eżattament fl-1915, fi żmien l-Arċipriet Dun Anton Aquilina, l-aħwa Ġużeppi u Saverja Zerafa mix-Xewkija, ħallsu is-somma ta' £ 26 biex l-artal ta’ Sant’Elija jsir ta’ l-irħam. Il-festa tal-Profeta Elija, li taħbat fl-20 ta’ Lulju, kienet issir kull sena fit-tielet Ħadd ta’ l-istess xahar. F’din l-okkażjoni, bħal ma kien isir fl-antik, wara l-quddiesa, kienu jitqassmu tnax-il tomna xgħir jew qamħ lill-foqra. Żewġ drawwiet jew devozzjonijiet oħra ta’ missierietna lejn dan il-Profeta kienu dik li l-ommijiet jieħdu lil uliedhom b’mard fit-tul quddiem il-Qaddis bit-tama li jidħol għalihom quddiem Alla u jfiequ. U t-tieni waħda hija dik li l-poplu dejjem irrikorra lejn Sant’Elija fin-nuqqas tax-xita. Għal dan il-għan l-istatwa tal-Profeta ħarġet kemm-il darba proċessjonalment (fosthom fl-1936 u fl-1948) proprju b’talb ħerqan għax-xita. U Alla, fil-providenza kbira tiegħu, bl-interċessjoni ta’ Sant’Elija, dejjem bagħat xita f’waqtha u fejjieda bħalma kien għamel fi żmien il-Profeta (1 Slaten 18,41-46). ----------------- Bibljografia Aġġornat: 1 ta' Marzu 2007 |