ArtikliIl-MadonnaMESSAĠĠ li Mons. Arċisqof, Ġużeppi Mercieca, ħareġ 25 sena ilu fl-okkażżjoni taċ-ċentinarju mill-inkurunazzjoni tal-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt
Fl-okkażżjoni tal-ħmistax-il ċentinarju tal-Konċilju ta’ Efesu, il-Papa ħass li għandu jagħmel att ta’ radd il-ħajr lill-Verġni Marija waqt li jafda taħt il-ħarsien tagħha l-Knisja kollha; u f’din l-okkażżjoni taċ-ċentinarju tal-inkoronazzjoni tal-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu, jiena wkoll, bħalu, inħoss li għandi nistieden lid-devoti kollha tal-Madonna tal-Karmnu u l-Maltin kollha biex f’din l-okkażżjoni jagħmlu att ta’ qima u ta’ radd il-ħajr lill-Madonna waqt li jafdaw taħt il-ħarsien tagħha lilhom infushom, lill-familji tagħhom, l-arċidjoċesi kollha. Att ta’ qima Infaħħru, inbierku u nagħtu ġieħ lill-Verġni Marija bl-istess innu ta’ tifħir li bih hi raddet ħajr lil Alla għax is-Setgħani għamel ħwejjeġ kbar magħha u xerred fuqha l-ħniena tiegħu meta ħares lejn iċ-ċokon tagħha u għażilha biex fi ħdana l-Verb ta’ Alla jsir bniedem: nisslitu fil-ġuf safi tagħha u bla ma ttifset il-glorja ta’ xbubitha tat lid-dinja s-Salvatur, Sidna Ġesù Kristu. Infaħħru u nbierku u nagħtu ġieħ lill-Verġni Marija għaliex Alla riedha tkun għalina eżempju mill-isbaħ ta’ ħajja moħbija, mehdija fil-kontemplazzjoni tal-misteri qaddisa, u marbuta b’rabta liema bħala mar-rieda ta’ Alla tant li, kif igħidilna Santu Wistin, Marija jekk hi kbira għax nisslet bħala bniedem lill-Iben ta’ Alla u tatu ġisem bħal tagħha, hi wisq aktar kbira għaliex nisslitu wkoll spiritwalment bil-fidi tagħha: Marija emmnet u nisslet bil-fidi lil Kristu, li hu l-Verità: hi għalhekk ħienja, għax semgħet il-kelma ta’ Alla, u ħarsitha, qabel ma nislet fil-ġuf safi tagħha l-Verb ta’ Alla. Infaħħru u nbierku u nagħtu ġieħ lil-Verġni Marija għaliex ma ġenb is-Salib hi lagħqet l-aħħar xewqat tal-imħabba ta’ Alla għalina u minn dak il-ħin stess bdiet tħarisna, tħares lill-bnedmin kollha, bħala wliedha, imnisslin għall-ħajja tas-sema, bil-mewt ta’ Binha l-għażiż. Infaħħru u nbierku u nagħtu ġieħ lill-Verġni Marija, għax waqfet mal-Knisja fil-bidu tagħha u ssieħbet fit-talb ma l-Appostli u d-dixxipli tal-Mulej kif kienu jinsabu miġburin fiċ-Ċenaklu jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu qabel jinxterdu mad-dinja jħabbru l-Bxara t-tajba. Infaħħru u nbierku u nagħtu ġieħ lill-Verġni Marija għaliex wara li ġiet imtella fis-sema bir-ruh u l-ġisem, b’imħabba ta’ Omm, baqgħet tieħu ħsiebna, tieħu ħsieb il-Knisja fid-dinja, tħarisna fil-mixi tagħna lejn is-sema u, sakemm jasal Jum il-Mulej fil-glorja kollha tiegħu, tkun għalina, dak li l-Knisja tixtieq u tittama li tkun fil-glorja tas-smewwiet. Att ta’ radd il-ħajr U mat-tifħir u l-ġieħ tagħna nżidu wkoll ir-radd il-ħajr tagħna għal kull ma għamlet magħna tul iż-żminijiet kollha. Qatt ma nstema’ li xi ħadd talab l-għajnuna ta’ l-interċessjoni tal-Verġni Marija, igħidilna San Bernard, u ma ġiex mismugħ. Fiha, fil-Verġni Marija, ittamaw missirijietna u hi ħelsithom, naqraw fid-daħla ta’ l-eqdem santwarju tal-Verġni Marija f’pajjiżna. Il-ġrajja kollha tagħna hi xhieda li l-ħarsien ta’ Marija qatt ma naqas lil “din l-art ħelwa li tatna simha”, il-ġrajjiet ewlenin ta’ pajjiżna huma marbutin mal-festi tagħha – u għalhekk inroddulha ħajr. Inroddulha ħajr għaliex il-fidi nisranija mħawlha f’pajjiżna sa mill-bidu tax-xandir tal-kelma, minkejja l-irwiefen tal-ħażen u tat-tiġrib li ppruvaw iqaċċtu, baqgħet dejjem sħiħa, u wara kull tempesta dejjem ħadet ħajja ġdida u qawwa aqwa. Inroddulha ħajr għall-kotra bla qies ta’ grazzji li tul iż-żminijiet kollha bl-interċessjoni tagħha ssawbu fuq il-familji tagħna, fuq l-ibliet u l-irħula tagħna, fuq-pajjiżna kollu. Inroddulha ħajr għall-kotra kbira ta’ wlied din l-art imbierka li laqgħu s-sejħa tal-Mulej u għażlu jgħixu ħajja konsagrata kollha kemm hi lill-Mulej fil-qadi ta’ ħuthom il-bnedmin, fil-bżonn, u hekk tgħallmu minn Marija l-hena tas-smiegħ tal-kelma t’Alla u l-għożża għal dak kollu li jseħħ madwarhom, li fih jaraw is-sinjali taż-żminijiet u l-id ta’ Alla li tmexxi kollox bi providenza tal-għaġeb. Inroddulha ħajr għall-imħabba tagħha ta’ Omm; għax, bħala Omm l-aktar ħanina hi dejjem magħna, fil-ferħ u n-niket kollu ta’ ħajjitna; inroddulha ħajr għaliex nistgħu nsejħulha Ommna, Omm u ġmiel tal-Karmelu, Ġilju tas-safa, Omm wisq għaqlija li tmexxi lilna u lil-Knisja kollha mill-widien mudlama ta’ din id-dinja għad-dawl tal-għaġeb tas-Saltna ta’ Binha l-maħbub. Nafdaw ruħna f’idejn Marija Imqanqlin minn dawn il-ħsibijiet hekk għolja, inħossu li għandna nitolbuha l-ewwelnett li tgħin lill-Knisja f’pajjiżna u fid-dinja kollha biex ma tehda qatt issawwab fuq il-bnedmin kollha l-ġid għażiż tal-fidwa u tal-qdusija għall-ħelsien sħiħ tal-ħolqien kollu; ħalli l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni tasal lill-bnedmin kollha u l-Kelma ta’ Alla u l-Ispirtu tal-imħabba jsibu dħul fi qlubhom, u hekk ikunu jistgħu jgħixu l-ħajja fil-milja kollha tagħha. Nitolbuha tħaddan lilna lkoll kemm aħna b’dik l-imħabba ta’ l-għaġeb li l-Feddej sawwab f’qalbha minn fuq is-Salib, biex turina t-triq tal-fidi, tat-tama u ta’ l-imħabba li twassalna lkoll, il bogħod mit-triqat imwiegħra u mgħawġa ta’ din id-dinja, fi-ħdan ix-xirka tal-qaddisin f’art il-ħajjin. Nitolbuha lilha li hi l-ewwel qaddejja tax-xirka fil-ġisem ta’ Kristu, biex tgħin lil dawk kollha li jistqarru li Kristu Binha hu Alla u Mulej, jirbħu l-firdiet li tul iż-żminijiet seħħu, fosthom minħabba s-suppervja tagħna l-bnedmin, u, mingħajr ma jaqgħtu qalbhom, isibu t-triq li twassal għall-għaqda sħiħa tal-Ġisem ta’ Kristu. Nitolbuha wkoll tgħinna nirbħu l-firdiet kollha li hemm fostna, firdiet ukoll bħal dawk li ġarrbet il-Knisja ta’ Korintu fi żmien San Pawl, firdiet minħabba l-festi għall-ġieħ tagħha u tal-qaddisin, ħa nkunu nistgħu nagħtu xhieda quddiem id-dinja ta’ poplu nisrani miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u ta’ l-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Nitolbuha taqlagħlna, għall-Knisja f’pajjiżna, il-milja tad-doni ġerarkiċi u karismatiċi li tinħtieġ biex tkompli l-mixi tagħha ta’ tiġdid bla ma tieqaf, tiġdid li hu mfisser mit-taħlim tal-Konċilju Vatikan II, tiġdid li jwassalha biex tikseb dak kollu li hu veru, dak kollu li hu tajjeb, dak kollu li hu ġust, mingħajr ma tiġi mqarqa minn ebda ideoloġija jew tagħlim fieragħ, imma fl-għarfien tas-sinjali taż-żminijiet twassalna biex inkunu lkoll ħaġa waħda fi Kristu. Nafdaw ruħna għalhekk f’idejn Marija, aħna u nsellmulha bl-antifona hekk għażiża għalina l-Maltin:
Mill-Kurja nhar l-24 ta’ Ġunju 1981 Ġużeppi Mercieca
|