Artikli

Il-Madonna



X’jgħidulna Missirijiet il-Knisja dwar…

SUB TUUM PRAESIDIUM - L-Eqdem Talba lill-Madonna

Minn Dun Anthony Mario Saliba

Jekk inqallbu fil-kitbiet taż-żminijiet l-iktar bikrija tal-kristjaneżmu, nindunaw li sa minn dejjem l-insara ħabbew lil Marija, tawha l-qima tagħhom u talbu l-protezzjoni u l-għajnuna tagħha. Xhieda ta’ qima lejn Marija nsibuha preżenti f’kitbiet ta’ awturi kristjani sa mit-tieni seklu W.K. (mis-sena 100 sas-sena 200). Dan ifisser li l-kult nisrani lejn Marija kien ġa preżenti b’mod espliċitu fl-ewwel 100 sena wara l-mewt ta’ Ġwanni l-Evanġelista u, allura, l-egħluq tar-Rivelazzjoni Divina. Hekk per eżempju, Marija tissemma diversi drabi fil-kitbiet ta’ Sant’Injazju, Isqof ta’ Antijokja (+107). Il-kitbiet ta’ dan l-isqof martri jikkonsistu f’ittri li huwa bagħat lil diversi insara mxerda mad-dinja kristjana ta’ dak iż-zmien, miktuba wara l-mewt ta’ Ġwanni l-Evanġelista. Mill-mod ta’ kif huwa jikteb dwar Marija, jidher ċar li sa minn dawk iż-żminijiet bikrija tal-kristjaneżmu, l-insara kienu diġà jagħtu qima lil Marija bħala l-Verġni magħżula minn Alla biex tkun Omm ibnu Ġesù (ara l-Ittra lill-insara ta’ Katakombi ta’ Priscilla, Ruma: affreski tas-seklu 2 li juri lil Marija b’Ġesù tarbija fi ħdanha bi profeta Balaam biswitha.Smirna, kap.I, dik lill-insara ta’ Tralles, kap.IX u dik lill-insara ta’ Efesu, kap.li VII, XVIII u XIX.) Ix-xhieda tal-qima ta’ l-ewwel insara tiġi wkoll ikkonfermata miż-zewġ affreski stupendi li nsibu fil-katakombi ta’ Priscilla, f’Ruma u li huma datati mill-esperti bħala xogħol tat-II seklu. F’wieħed minn dawn l-affreski naraw lil Marija b’Ġesù tarbija fi ħdanha bi profeta Balaam biswitha. Fil-Cappella Greca li nsibu f’dan l-istess katakombi, naraw xena oħra mill-isbaħ ta’ Marija bil-Bambin Ġesù fi ħdana u l-Maġi jagħtuh qima, liema affresk iġib ukoll id-data tat-II seklu.

La l-insara kienu jagħtu qima lil Marija, ma jistax jonqos li ma kinux ukoll jitolbuha fil-ħtiġijiet tagħhom. U propju saż-żminijiet tagħna għadna ngħożżu talba mill-isbaħ lil Marija li għalkemm l-istorja tagħha hija mitlufa fiż-żmien, aktarx li l-oriġini tagħha jeħduna fis-seklu III, fiż-żminijiet meta allura l-insara sofrew żewġ persekuzzjonijiet kbar: dik ta’ Deċju (sena 250) u dik ta’ Valerjanu (sena 258). Din it-talba, li l-insara għadhom jitolbu sal-lum, hija magħrufa bħala dik tas-“Sub tuum praesidium” – “Taħt il-ħarsien tiegħek” – peress li dawn huma l-ewwel kelmiet li bihom hija komposta. Tajjeb li nġib hawn żewġ verżjonijiet ta’ din it-talba: dik klassika bil-latin u it-traduzzjoni tagħha bil-malti kif mogħtija fil-verżjoni bil-malti tal-Liturġija tas-siegħat:

Sub tuum praesidium confugimus
sancta Dei genitrix
nostras deprecationes
ne despicias in necessitatibus
sed a periculis cunctis libera nos semper
Virgo gloriosa et benedicta.

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,
Omm qaddisa ta’ Alla:
la twarrabx minn quddiemek
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib
O Verġni glorjuża u mbierka.

Din l-antifona, ikkonsidrata sal-lum bħala l-eqdem talba Marjana li waslet sa żmienna, instabet f’Eġittu fl-1917. Fl-istorja tal-marjoloġija, din it-talba għandha valur u importanza fondamentali minħabba r-rikkezza kbira tal-kontenut teoloġiku tagħha. Jixraq għalhekk li huwn nagħmlu dawn l-osservazzjonijiet dwar din it-talba.

Ferm interessanti hu l-użu li nsibu f’din it-talba tat-titlu Dei Genetrix, bil-grieg Teotokos, jiġifieri Omm Alla. Kull privileġġ li bih hija mżejna Marija huwa konsegwenza tal-privileġġ prinċipali li bih Alla mar iżejjen lix-Xebba ta’ Nazaret: il-Maternità divina tagħha. Marija hija it-“Teotokos” –“Omm Alla” – għax hekk kif qalet “iva” lill-anġlu mibgħut għandha minn Alla, l-Iben ta’ Alla sar bniedem, tnissel u ssawwar minnha u fiha. Hija l-Omm ta’ Alla għax il-Verb ta’ Alla sar il-frott ta’ ġufha.

Mela Marija bħala Omm Alla, tgħaqqad is-sema ma’ l-art: għax l-Iben ta’ Alla sar bniedem bħalna permezz tagħha. Permezz ta Marija, l-Iben ta’ Alla għamel tiegħu n-natura tagħna; għalhekk permezz tagħha huwa għolla l-umanità tagħna sad-divinità tiegħu.

Tajjeb li ninnutaw li sa miż-żminijiet qabel inkitbet it-talba tas-“Sub tuum praesidium”, l-insara kienu ġa jsejħu lil Marija bit-titlu sabieħ ta’ “Omm Alla”. Nafu li fis-seklu II, Aristide Marciano, filosofu Grieg minn Atene sejjaħ hu wkoll lil Marija “Teotokos” – “genetriċi ta’ Alla” fl-Apoloġija li offra lill-imperatur Adriano bejn is-snin 123-126. Aktarx li din hija l-ewwel xhieda bil-miktub li għandna ta’ dan it-titlu marjan, li mbagħad ġie kkonfermat fil-Konċilju ta’ Efesu, fl-431.

F’din it-talba tas-“Sub tuum praesidium”, l-insara jsejħu lil Marija bit-titlu ta’ “O Verġni”. Għax Marija hija dik Verġni qabel it-twelid ta’ Binha Ġesù, Verġni fit-tnissil u fit-twelid Tiegħu u Verġni wkoll wara t-Twelid. Jgħidilna San Luqa li l-anġlu ta’ Alla ġie mibgħut “għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David. Din ix-xebba kien jisimha Marija.” (Lq 1: 26-27) U lil din ix-xebba l-anġlu tal-Mulej mar iħabbrilha li ġiet magħżulha minn Alla biex tkun l-Omm ta’ Ibnu Ġesù. Marija nisslet lil Ġesù fil-verġinità tagħha, għax nisslitu bil-virtù, bil-qdusija u bl-imħabba ta’ l-Ispirtu s-Santu. Għalhekk it-tnissil ta’ Ġesù f’Marija ma kienx wieħed naturali imma sopranaturali – ma kienx bis-sehem ta’ xi bniedem ieħor imma bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek”, qal l-anġlu lil Marija (Lq 1:35). Marija ma setgħetx tnissel lil Ġesù b’mod naturali, għax dan Binha, kif ngħidu fil-Kredu, hu “Alla minn Alla, Dawl minn Dawl”. Qalilha l-anġlu lil Marija:”Dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.” (Lq 1:35).

Fit-twelid ta’ Binha Ġesù, Marija baqgħet verġni u ma tilfet xejn mill-integrità fiżika tagħha. Dan għaliex Binha tnissel fil-ġuf tagħha bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Fit-twelid ta’ Binha, Marija mhux talli ma tilfet xejn mill-Verġinità tagħha imma iżjed qaddsitha u sebbħitha. Għax jekk lil Ġesù Marija nisslitu bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, żgur li kien b’din l-istess qawwa divina li hija wilditu. U jekk il-Verġinità ta’ Marija sebbħet il-Maternità divina tagħha, din il-Maternità divina sebbħet u qaddset il-Verġinità tagħha. Għalhekk il-Knisja ssejjaħ lil Marija Virgo singularis – Verġni li m’hawnx bħala.

Marija baqgħet verġni wara t-twelid ta’ Binha Ġesù: kieku kellha wlied oħra, kieku Ġesù Binha ma kienx ikun l-Iben Waħdieni tagħha, kif hu l-Iben waħdieni tal-Missier. Marija hija dak “il-ġnien magħluq”, dik “l-għajn issiġillata”, imsemmija fil-ktieb ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet (4:12). Marija verġni wara t-twelid ta’ Binha Ġesù, tibqa dak it-tempju purissimu li fih l-Ispirtu s-Santu nissel il-ġisem ta’ l-Iben ta’ Alla: il-post l-iktar qaddis fejn il-Verb ta’ Alla libes il-ġisem, sar bniedem bħalna; it-tabernaklu l-iktar safi fejn seħħ il-miraklu ta’ l-ikbar imħabba: l-inkarnazzjoni.

Għalhekk l-insara, sa miż-żminijiet l-iktar imbiegħda, kif tixhed din it-talba tas-Sub tuum praesidium sejħu lil Marija bħala dik “(dejjem) Verġni”, bil-grieg aeipatenos.

Żewġ titli sbieħ li jagħtu l-ewwel insara lil Marija f’din it-talba huma: “Glorjuża u Mbierka”. Għaliex “Glorjuża”? Għaliex “Imbierka”? Tgħidilna Marija nnifisha għaliex tista’ tabilħaqq tissejjaħ hekk: “Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:48). Alla sammar għajnejh fuq din il-Mara singulari u tabilħaqq li għamel magħha “ħwejjeġ kbar”. Alla għamel ħwejjeġ kbar mar-ruħ ta’ Marija meta nissilha bla tebgħa tad-dnub - meta għamilha Immakulata. Alla għamel ukoll ħwejjeġ kbar mal-ġisem ta’ Marija meta għamilha r-rebbieħa fuq il-mewt - għamilha l-Assunta. U kien jixraq li din il-Mara, li Ġwanni l-Evanġelista raha liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u bil-kuruna tat-tnax il-kewkba ma’ rasha, tkun “Glorjuża u Imbierka” għax hija dik li ġiet imżejna bl-ikbar ġieh, bl-ikbar dinjità: dik li tkun Omm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

“Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu”, tennew l-ewwel insara fit-talb tagħhom lil Marija. Lejha resqu fil-ħtiġijiet tagħhom biex jitolbu l-għajnuna tagħha. U dan għaliex dik li hija “Omm l-Iben ta’ Alla” hija wkoll l-Omm tagħna. Anzi, propju għaliex hija l-Omm ta’ Ġesù hija tabilħaqq l-omm tagħna. Fil-waqt li ta’ Ġesù hija l-Omm naturali, tagħna hija l-omm spiritwali: għax tatna lil Binha Ġesù, tatna l-Ħajja ta’ dejjem (Ġw 5: 12) Lil Ġesù nisslitu fiżikament f’Nazaret. Lilna nisslitna spiritwalment fuq il-Kalvarju. Jgħidilha San Bernard: “Għalhekk il-ġnus kollha jsejħulek imbierka, għax int nissilt il-ħajja u l-glorja għall-umanità. Permezz tiegħek, it-twajba jsibu l-grazzja u l-midinba jsibu l-maħfra.” (Pentec. Sermo II, 4; P.L. 183, 328).

It-talba “Sub tuum praesidium” turi biċ-ċar li dan it-twemmin fil-kobor, fil-qdusija u fl-interċessjoni ta’ Marija kien preżenti fil-Knisja sa mill-ewwel żminijiet tagħha. Sa mill-ewwel żmien tal-kristaneżmu, l-insara resqu lejn Marija biex ifaħħruha għal dak kollu li għamel magħha l-Mulej. Fuq kollox, din it-talba tindika wkoll biċ-ċar li lejha resqu l-insara sa mill-ewwel żminijiet biex jitolbu l-għajnuna tagħha fiż-żminijiet imwiegħra ta’ tiġrib għalihom u għall-fidi tagħhom.

Pubblikat fir-rivista: Madonna ta’ Pinu, Vol. 9, n. 134 (2005), pp. 15-17.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage