Artikli

Il-Madonna



L-OMM MEQJUMA “IL-MADONNA TAL-KARMNU”

Minn Tony Terribile

Li kont warda kollni fwieħa
B’weraq sbieħ qatt ma jidbielu
Minn ħdejk qatt ma kont nitbiegħed,
O Reġina tal-Karmelu.

Li kont għanja qatt ma niskot
Li kont leħen ta’ qanpiena
Ismek dejjem kont intenni
Omm u xbejba ta’ kull ħniena.

Li kont sħaba lewn il-fidda
Li kont kewkba kollni dija,
Ħadd ninn ħdejk ma kien jaqlagħni
O wiċċ ħelu ta’ Marija.

Li tant qlub kelli ġo fija
Daqs kemm ramel fih il-baħar
Lilek biss kont inħobb dejjem
B’ismek biss kont jien niftaħar.

Dawn il-versi sbieħ f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu ħarġu mill-pinna tal-poeta Karmelitan Patri Anastasju Cuschieri. Il-qima lejn dan it-titlu Marjan fil-gżejjer tagħna hija kbira ħafna. L-isbaħ xhieda huwa n-numru kbir ta’ Maltin u Għawdxin li fil-magħmudija tagħhom ġew imsemmija għall-Madonna tal-Karmnu. Din it-tradizzjoni qadima li ntwirtet minn ġenerazzjoni għal oħra, hija l-frott tad-devozzjoni li żergħu fostna l-Patrijiet Karmelitani sa mill-miġja tagħhom fil-gżejjer tagħna fis-seklu 15. Id-devozzjoni kompliet tikber meta l-Patrijiet Tereżjani (Karmelitani Skalzi) rifsu xtutna fl-1625.

Il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu bdiet tiġi ċċelebrata fil-Knisja Universali sa mis-sena 1587 wara li l-Papa Sistu V kien approva ċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-Festa. Din kienet devozzjoni oħra li malajr ġriet mad-dinja kollha b’mod speċjali fir-renju Naplitan. L-istess sar fi Spanja u fi Sqallija. Ir-Reġina ta’ Spanja kienet talbet lis-Santa Sede biex din il-Festa tiġi mdaħħla fl-artijiet kollha li kienu jagħmlu parti mir-renju ta’ Spanja. L-istess sar fl-1679 meta din il-Festa bdiet tiġi ċċelebrata fir-renji Awstrijaċi u Portugiżi.

Ma setax jonqos li l-gżejjer Maltin, b’kuntatti hekk kbar ma’ Sqallija u bl-ewwel Karmelitani li waslu Malta minn dik l-art ma jilqgħux mill-ewwel l-qima lejn il-Madonna tal-Karmnu. Il-Patrijiet Karmelitani mill-ewwel kuntatti u knejjes li kellhom barra mir-Rabat, il-Birgu, l-Imdina, u l-Belt komplew kabbru fil-poplu tagħna l-imħabba lejn il-Madonna tal-Karmnu u l-aktar mill-Knisja tal-Belt Valletta fejn sal-lum huwa meqjum wieħed mill-aktar kwadri qodma tal-Madonna tal-Karmnu li nsibu fil-gżejjer Maltin u li ġie nkurunat mill-Isqof Carmelo Scicluna fil-15 ta’ Lulju 1881. Meta l-ewwel Patrijiet Karmelitani raw kemm il-Maltin u l-Għawdxin laqgħu din id-devozzjoni, xettlu fil-gżejjer tagħna it-Terz Ordni Karmelitan. Dan wassal biex il-Patrijiet Karmelitani bdew jidħlu f’bosta bliet u rħula tagħna u hekk fl-1611 infetaħ kunvent Karmelitam ġewwa l-Birgu u maż-żmien inbniet miegħu knisja ddedikata lil Madonna tal-Karmnu li għadha wieqfa sal-lum minkejja li l-gwerra għamlitilha ħafna ħsarat.

Il-Ħidma tat-tixrid tad-devozzjoni tal-Madonna tal-Karmnu kompliet tikber meta l-Patrijiet Karmelitani bnew Knisja u kunvent fil-belt ta’ l-Imdina fis-seklu sbatax. B’dawn l-ewlenin kunventi Karmelitani fostna ma setax jonqos li din id-devozzjoni Marjana ma’ tidħolx f’kull belt u raħal f’dawn il-gżejjer. Għalhekk mal-mixja tas-snin barra dawn il-knejjes f’idejn il-Karmelitani f’bosta knejjes twaqqfu artali u pitturi. Hekk sar fl-1723 fil-knisja parrokkjali ta’ Ħ’Attard meta l-kanonku Carlo Cirino waqqaf artal fil-knisja ta’ dan ir-raħal. Id-devozzjoni tant kibret fuq dan l-artal li fl-1796 twaqqfet fondazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu f’dan ir-raħal. Artal ieħor tal-Madonna tal-Karmnu għadna nsibuh sal-lum fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan. Dan twaqqaf fis-seklu dsatax wara li fl-1796 il-festa tal-Madonna tal-Karmnu bdiet tiġi ċċelebrata f’din il-Knisja. Meta l-Patrijiet Karmelitani bdew iwaqqfu t-Terz Ordni Karmelitan fil-parroċċi tagħna, waħda mill-ewlenin fergħat twaqqfet fil-parroċċa ta’ Birkirkara u għalhekk it-Terzjarji Karmelitani ta’ din il-parroċċa waqqfu artal tal-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja l-qadima ta’ Birkirkara, imbagħad meta l-knisja parrokkjali ġiet trasferita għall-Parroċċa tal-lum dan l-artal ġie mwaqqaf ukoll f’din il-Knisja. Artal ieħor tal-Madonna tal-Karmnu nsibuh f’Ħal Għargħur. Il-bidu ta’ dan l-artal jmur għas-sena 1668 meta kien twaqqaf minn Domenico Grech. Fil-knisja parrokkjali tal-Gudja nsibu artal ieħor tal-Madonna tal-Karmnu. Dan kien twaqqaf fl-1713 minn Franġisk Dalli. Fl-istess seklu twaqqaf l-ewwel artal tal-Madonna tal-Karmnu li nsibu fil-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq. Hawnhekk l-ewwel artal kien twaqqaf fl-1723 imbagħad meta nbniet il-Knisja li naraw illum dan l-artal ġie mibni mill-ġdid fil-korsija. Fl-1723 id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu wasslet ukoll f’Ħal Lija permezz ta’ artal fil-knisja parrokkjali u aktar tard, fl-1771 pittura oħra fil-Knisja tal-Kunċizzjoni ta’ l-istess raħal. Sa l-ewwel snin tas-seklu għoxrin f’Ħal Luqa kienet teżisti kappella f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu li din kienet ġiet maħtuta biex sar l-ajruport. Din kienet inbniet fl-1848 iżda l-qima tal-Madonna tal-Karmnu f’dan ir-raħal hi eqdem minn hekk meta fl-1737 kien tpoġġa kwadru tal-Madonna tal-Karmnu fuq l-artal ta’ San Duminku.

Il-Qima lejn il-Madonna tal-Karmnu fil-gżejjer tant kibret u nfirxet, li f’dawk l-ibliet u rħula li ma’ kienx possibbli li jkollhom artal, għamlu kwadru li dendluh f’inħawi differenti fil-knejjes. Hekk għamlu fis-seklu 18 in-nies tal-Mosta, tan-Naxxar u l-Imqabba. Imma fl-ewwel snin tas-seklu 18 raw it-twaqqif ta’ l-artal fil-Parroċċa ta’ Ħal Qormi. Dan l-artal kien twaqqaf bl-approvazzjoni ta’ l-Isqof Cocco Palmieri fl-1708. Fl-istess żminijiet din id-devozzjoni daħlet fil-Parroċċa tal-Qrendi permezz ta’ Maria Formosa li waqqfet fondazzjoni marbuta maċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-Festa. Fil-belt ta’ l-Isla nsibu żewġ artali tal-Madonna tal-Karmnu wieħed fil-parroċċa u l-ieħor fil-Knisja tal-Porto Salvo. Ma dan l-artal kienet ukoll twaqqfet fratellanza fl-1722. Fis-Siġġiewi wkoll kienet twaqqfet Fratellanza f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu fl-1745 u din kienet responsabbli ta’ l-artal tal-Madonna tal-Karmnu li sal-lum għadu jeżisti f’din il-Parroċċa. F’dan ir-raħal insibu wkoll knisja f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu li din kienet inbniet fl-1616 minn Gerolama Ciantar fil-Fawwara. Illun din il-Knisja tinsab f’idejn il-fratellanza tal-Karita tal-Belt li kienet reġgħet bniet mill-ġdid din il-knisja fl-1750. Kull sena l-festa tal-Madonna tal-Karmnu tiġi ċċelebrata f’din il-knisja.

Il-kappellun tal-lemin tal-Knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien hu wkoll iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu. Dan l-artal kien ukoll imwaqqaf fis-seklu tmintax u mill-imgħoddi l-festa tas-16 ta’ Lulju kienet tiġi ċċelebrata fl-eqreb Ħadd lejn id-data. F’Ħaż-żabbar il-qima lejn il-Madonna tal-Karmnu kienet tant kbira li fl-imgħoddi kien hemm ukoll fratellanza li din kienet responsabbli miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa u mill-artal li kien imwaqqaf f’din il-parroċċa. F’dan ir-raħal kellhom id-drawwa li lejliet il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu in-nies tinġabar fl-inħawi magħrufa bħala “Ta Coccla” fejn kien hemm statwa tal-ġebel tal-Madonna tal-Karmnu u hemm kienu jkantaw il-litanija tal-Madonna u wara kienu jgħaddu ħafna ħin jiddevertu flimkien. Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ insibu artal ieħor tal-Madonna tal-Karmnu. Dan l-artal jaf il-bidu tiegħu fis-seklu 18. Maż-żmien ma’ dan l-artal intrabat benefizzju għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa. Fin-Naxxar insibu artal ieħor tal-Madonna tal-Karmnu li jaf il-bidu tiegħu fl-1634 permezz ta’ kwadru li kien tpoġġa fuq l-artal ta’ Santa Katerina fil-knisja parrokkjali ta’ dan ir-raħal. Il-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun għandha wkoll artal f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu li dan kien twaqqaf mal-bini tal-Knisja fl-1709 u snin wara (fl-1723) il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu bdiet tiġi ċċelebrata fuq dan l-artal permezz ta’ fondazzjoni mħollija minn Antonio u Francesca Caruana.

Kif diġa rajna f’bosta knejjes barra li twaqqaf artal twaqqfet ukoll Fratellanza f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu. Hekk sar ukoll fiż-Żurrieq lejn l-aħħar snin tas-seklu 18 iżda l-qima lejn il-Madonna tal-Karmnu f’dan ir-Raħal hi ferm eqdem minn hekk. Fl-1630 f’din il-knisja parrokkjali kien diġa mwaqqaf artal f’ġieħ dan it-titlu Marjan. Illum din il-Fratellanza għadha attiva ħafna biex tkompli tkabbar id-devozzjoni tal-Madonna tal-Karmnu f’dan ir-raħal.

Illum nistgħu ngħidu li m’hawnx knisja f’dawn il-gżejjer li fiha ma niltaqgħux ma’ xbieha tal-Madonna tal-Karmnu. Jekk ħafna mill-artali u knejjes f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu jafu l-bidu tagħhom fis-seklu tmintax, fis-sekli li ġew wara l-qima lejn il-Madonna tal-Karmnu baqgħet tikber u tinxtered u daħlet f’kull Knisja li nbniet f’dawn iż-żewġ sekli, anzi kien f’dan iż-żmien li rajna knejjes jinbnew f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu bħal dawk ta’ Ħammet u x-Xlendi f’Għawdex, il-Balluta, Fleur-de-lys, il-Fgura u l-Gżira. Fi knejjes oħra li nbnew f’dan l-istess żmien twaqqfu artali f’ġieħ dan it-titlu Marjan bħal dawk li nsibu fil-Furjana, f’Tas-Sliema, fl-Imsida, fil-Ħamrun, f’Marsaxlokk, fil-Marsa u f’oħrajn. Huwa dan l-isbaħ eżempju li sas-seklu li għadu kif għadda il-qima lejn il-Madonna tal-Karmnu baqgħet ħajja fil-qlub tal-poplu tagħna.

Il-qima Karmelitana miżrugħa fil-gżejjer tagħna żmien twil ilu baqgħet ħajja u fl-aqwa tagħha. Il-jum tas-16 ta’ Lulju għadu jum għażiż fil-gżejjer tagħha. In-numru kbir ta’ nies li jidħlu l-Belt biex jinvistaw lil Madonna tal-Karmnu f’dan il-Jum huwa l-isbaħ mera ta’ devozzjoni ġenwina tal-Poplu tagħna. Meta fl-1951 Malta ingħaqdet fiċ-ċelebrazzjoni ċentinarja tal-Labtu Mqaddes, il-fosos tal-Furjana mtlew bin-nies u qalb din ir-rassa tan-nies għaddiet l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu u dik il-lejla l-poplu kantalha s-Salve Reġina.

Pubblikat fil-programm tal-festa mis-Soċjeta Mużikali tal-Karmnu, Balluta, 2006, n.18, p.70-71.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage