Artikli

Ġenerali



CONGREGAVIT NOS IN UNUM CHRISTI AMOR

Ittra tas-Superjuri Ġenerali OCarm - OCD
fl-Okkażjoni tat-Tminn Mitt Sena
mill-Għoti tal-“Formula Vitae”
[1]

“Jiena ninżel għarkobbtejja quddiem il-Missier... biex skond l-għana tal-glorja tiegħu jagħtikom, li bil-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa.”
Ef 3,14.16

1. Daħla

Għaxar snin ilu, b’ittra lill-membri kollha tal-Familja Karmelitana, fakkarna is-750 sena mill-approvazzjoni aħħarija tar-Regula Karmelitana mill-Papa Innoċenzu IV.

Illum, b’din l-ittra, qegħdin nerġgħu insejħu lil kull fergħa tal-familja tagħna biex infakkru t-Tminn Mitt Sena tal-Formula Vitae, mogħtija minn Albertu, patrijarka tal-Knisja ta’ Ġerusalemm (1206-1214) lill-irħieb li kienu jgħixu biswit l-Għajn (ta’ Elija) fuq l-Għolja tal-Karmelu. Għażilna l-2007 bħala sena simbolika (bejn l-1206 u l-1214) tat-Traditio tal-Formula vitae,[2] li mbagħad b’xi tibdiliet saret ir-Regula li aħna nipprofessaw. Dak il-grupp ċkejken kien il-bidu ta’ storja varjata u għanja bi frott ta’ ġenerożità u ħajja ġdida fil-Knisja.

2. Tifkira ħajja tal-bidu

Aħna l-Karmelitani, ilkoll nistgħu ngħidu li l-għeruq tagħna nsibuhom fuq l-għolja qaddisa.[3] Nisimgħu il-kliem ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù: Itfgħu għajnejkom u ħalluhom imwaħħla fuq ir-razza li ġejjin minnha, dawk il-profeti qaddisa tal-qedem. Kemm għandna qaddisin fis-sema li kienu jġibu fuqhom din il-libsa. Infittxu li jkollna mela dik l-għira qaddisa, li bl-għajnuna tal-Mulej, inkunu bħalhom.[4]

Għeżież aħwa, simbolikament aħna nixtiequ niġbrukom f’riġlejn l-Għolja Qaddisa, flimkien mas-sħaba hekk kbira ta’ xhieda li f’dawn it-tminn mitt sena xorbu mill-istess għejjun għall-ħajja spiritwali, sabiex inġeddu l-patt ta’ qadi fidil u ubbidjenza sħiħa lejn Ġesù Kristu. Ir-Regula tagħna hija tassew għajn ta’ ħajja ġdida.

3. Nimxu wara Ġesù Kristu

Il-Formula vitae hija frott l-esperjenza spiritwali ta’ l-ewwel grupp ta’ pellegrini, li għexu bħala eremiti ħdejn l-għajn ta’ Elija fuq l-Għolja tal-Karmelu. F’din il-formula tidher bil-qawwa l-preżenza ta’ Ġesù Kristu u l-laqgħa ħajja miegħu, ma’ Dak li wieħed joqgħod għalih għax jintrabat miegħu bi ħbiberija intima, li ma titħassarx. L-identità kariżmatika tal-Karmelu titwieled minn dan il-kuntatt ħaj li jiġġedded kuljum.

Il-Formula vitae mill-ewwel tipproponi lil dawk li jħaddnuha biex jimxu wara Ġesù Kristu. Dak kollu li joħroġ minn din il-mixja ma huwa xejn ħlief turija ta’ din l-affermazzjoni: Kristu huwa l-fus li miegħu jduru kemm ir-Regula kif ukoll il-ħajja Karmelitana. Aħna u nisimgħu leħnu, minn qalbna noffru l-ħelsien u l-ħajja tagħna lis-Sid u l-Feddej Waħdieni, li mbagħad iroddilna lura bir-radam dak li nkunu offrejnilu (ara Ġw 10,10). L-obsequium ifisser li inti tagħti widen għalih u tisma’ minnu. Li timxi wara Ġesù Kristu jfisser li tistqarr kuljum b’fommok u l-iktar b’ħajtek li Ġesù hu l-Mulej (ara Rum 10,9) għax taf li huwa biss jagħtina l-ħelsien u jimliena bih innifsu. Fil-fatt, il-misteru ta’ Ġesù, jikxef, f’kull żmien, is-sens profond tal-ħajja lill-bniedem.

It-tweġiba għas-sejħa ta’ Kristu bilfors tissarraf f’mixja ta’ trasformazzjoni fih, li tagħmilna ħolqien ġdid u li twassalna biex naraw u nħobbu l-ħolqien kif jarah u jħobbu Alla. Bla dubju ta’ xejn irid ikollok kuraġġ u rieda soda biex tilħaq dawn l-ideali għax xi mindaqqiet, it-triq taf tkun iebsa u dejqa. Madanakollu minħabba x-xhieda ta’ tant Karmelitani, bl-eżempju tal-Profeta Elija, li baqa’ fidil ukoll fid-deżert, aħna nagħmlu l-qalb u nimxu lejn l-Għolja tas-Sebħ. Marija, Ommna u Oħtna fil-fidi, li interjorment dejjem mexxiet il-Karmelitani, tinsab magħna f’kull waqt u tishar fuqna f’din il-mixja li twassal għand Kristu l-Mulej.

4. Fin-nofs...

Ir-Regula titlob minnha li jkollna l-oratorju qalb iċ-ċelel (Regula Karmelitana=RK 14): kull filgħodu kull wieħed huwa msejjaħ biex jinġabar għaċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. Il-Karmelitani jħallu ċ-ċelel tagħhom u jiltaqgħu fin-nofs ta’ l-eremitaġġ, b’dan qishom iridu jfissru simbolikament il-mixja spiritwali. Bħala membri ta’ komunità huma joħorġu mill-qtugħ taċ-ċelel biex jingħaqdu flimkien fin-nofs għal att komunitarju. L-oratorju li jinsab f’nofshom juri li Kristu l-Mulej biss huwa tassew iċ-ċentru tal-persuna u tal-komunità. Dan ifakkarna fil-ħajja ta’ l-ewwel komunità nisranija (Atti 2,42; 4,32) li dejjem kienet meqjusa bħala tifkira u profezija tal-ħajja konsagrata.

Din il-ġabra ta’ kuljum fl-oratorju nistgħu nħarsu lejha bħala sejħa biex noħorġu mill-ħajja ta’ waħedna fiċ-ċella u mill-periklu li nħossu li ma għandna bżonn ħadd, u bħala sejħa biex niltaqgħu ma’ Alla fil-qalba tal-komunità. L-ispazju u l-ħin mgħoddija fit-tfittix ta’ Alla fis-skiet solitarju u kontemplattiv taċ-ċella ma jridux jaqtgħu lill-Karmelitan mil-laqgħa ma’ persuni oħra. Biex ikunu awtentiċi, dawn iż-żewġ realtajiet iridu jimxu id f’id. Kull esperjenza reliġjuża fil-fatt tidher hijiex vera jew le mill-mod ta’ kif inġibu ruħna ma’ l-oħrajn.

Fil-qalba tal-Kastell Ġewwieni ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù isseħħ il-laqgħa intima ta’ Alla mal-bniedem.[5] Din il-mixja ġewwinija, li fiha aħna msejħin ngħaddu minn diffikultajiet u tiġrib ta’ kull tip, trid twassalna fil-qalba ta’ ruħna hemm fejn Kristu jgħammar. Fuq dan, ir-Regula toffrilna x-xbieha biblika tat-taqbida u ta’ l-armi spiritwali li huma l-kastità, il-ħsibijiet qaddisa, il-ġustizzja, l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, il-fidi, il-fiduċja fis-Salvatur, u l-Kelma ta’ Alla. Ir-Regula u l-Bibbja jfakkruna li din it-taqbida spiritwali isseħħ fina nfusna. Bit-talb, is-skiet, il-ħidma u ċ-ċaħda evanġelika, aħna nitgħallmu ngħarfu dawk l-irkejjen ta’ ħajjitna li għandhom bżonn fejqan u nitgħallmu nintelqu f’idejn il-Mulej (RK 18-21).

5. Għandkom tinġabru kuljum ħalli tisimgħu l-quddiesa (RK 14)

Il-jum ta’ l-eremita jiftaħ ta’ kuljum biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, tifkira ta’ l-Għid tal-Mulej. Dan il-preċett tas-smiegħ tal-quddiesa kuljum flimkien ma nsibuhx daqshekk malajr fil-każ ta’ eremiti oħra. Iżda l-ewwel Karmelitani ħassew is-siwi ta’ dan il-misteru għal ħajjithom, u hekk baqa’ fit-tminn sekli li kellhom jiġu: il-laqgħa u l-għaqda ma’ Kristu huma ċ-ċappetta li fuqha iżżomm il-ħajja ġewwinija.

Minn tant eżempji li nistgħu nsemmu, nikkwotaw lil Santa Tereża ta’ Ġesù li kienet tħoss li ma kenitx tkun lesta minn kollox fundazzjoni ġdida qabel ma tiġi ċċelebrata l-ewwel Quddiesa u qabel ma kien jitqiegħed għall-ewwel darba s-Sagrament Imqaddes fit-tabernaklu tal-kappella.

Kważi kull estażi ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi kienet isseħħ wara t-tqarbin, u l-beatu Titu Brandsma, fil-kamp tal-konċentrament ta’ Dachau, kien jirċievi l-qawwa mill-ispeċi qaddisa li hu kien iżomm fil-kaxxa tan-nuċċali, waqt li jkun qiegħed jiġi ppersegwitat.

L-Ewkaristija hija l-qalba tat-talb tagħna, il-misteru ta’ Kristu mogħti għalina sa’ fuq is-salib, imqajjem u ħaj fostna u magħna. L-Ewkaristija hija ċ-ċelebrazzjoni tal-festa eskatoloġika tal-ġnus kollha, hija d-don divin tas-sliem li rridu naqsmuh ma’ kulħadd.

6. Lejl u nhar taħseb, tishar fit-talb (RK 10)

Ir-Regula tistedinna biex niltaqgħu ma’ Ġesù Kristu fil-Kelma tiegħu. Ngħixu waħedna fiċ-cella biex inħallu Lilu jitħaddet ma' qalbna (ara Nikola l-Franċiż). Li taħseb lejl u nhar fuq il-Liġi tal-Mulej u tishar fit-talb huma żewġ mumenti tal-Lectio Divina: il-meditazzjoni u t-talb għandhom jimlew il-jum kollu.

Mal-qari tal-Bibbja, bil-fomm, jeħtieġ li nixtarru (ruminatio) u li nirrepetu dak li nkunu qrajna biex il-kliem jibqgħu imwaħħlin f’moħħna, f’qalbna u fuq fommna (RK 19). Madanakollu huwa l-Ispirtu li jqanqal fina l-gost tal-ħwejjeġ tar-ruħ u d-don tal-kontemplazzjoni, sakemm naslu għall-inabitazzjoni: aħna ngħammru fil-Kelma biex il-Kelma tgħammar fina. Aħna ngħixu fi Kristu, imma Kristu permezz tal-fidi jgħammar fina (RK 10.19; ara Ġw 15,4.7; Gal 2,20). Għalkemm is-sejħa biex ngħixu fiċ-ċella titlob minnha s-solitudni fiżika, trid tfisser l-aktar is-solitudni spiritwali, għax is-solitudni hija mgħammra minn Kristu, Kelma tal-Missier. Il-ħajja tal-Karmelitan hija ħajja fi Kristu (RK 18).

It-talb personali u komunitarju jagħtina l-kapaċità li nisimgħu l-leħen ta’ Alla, u li niskopru l-Wiċċ tiegħu f’dak ta’ l-oħrajn. Is-solitudni taċ-ċella, hija fuq kollox dik fil-qalba tar-ruħ,[6] hemm, fejn qlubna jistgħu jitwaħħdu mal-qalb ta’ Alla u l-leħen tiegħu.

7. ħa tgħammar bil-kotra l-Kelma ta' Alla fil-fomm u fil-qalb tagħkom (RK 19)

Ir-Regula tirreferi għall-kelma ta’ l-Iskrittura, u fiha b’iktar profondità tirreferi għar-rieda ta’ Alla li jsalva. Fuq kollox tirreferi għall-misteru ta’ Kristu, il-Kelma waħdanija imlissna mill-Missier, milqugħa fis-skiet ġewwieni, fil-kant ta’ ilħna mitfija, fis-sikta li ddoqq mimlija.[7] Il-Kelma, magħmula preżenza, issir faraġ u saħħa għall-profeta Elija mħeġġeġ għal Alla. Hija tirbaħ fih id-depressjoni u l-qtiegħ ta’ qalb, hekk li jista’ jaqdi lill-poplu, waqt li jibqa’ fidil għall-Patt u jkompli jieħu ħsieb id-dgħajfa u l-imjassra.

San Ġwann tas-Salib jiċċaralna li: Il-Missier lissen Kelmakuħ waħda u din hija Ibnu. Huwa jkompli jlissen din il-Kelma fis-skiet etern, u fis-silenzju trid tismgħaha r-ruħ.[8] F’Ibnu li Hu tahulna bħala l-Kelma tiegħu, qalilna kollox f’darba, f’din il-Kelma li ma hemmx oħra għajrha. Wara li qalilna din il-Kelma ma għandux aktar xi jgħidilna.[9]

Ir-Regula tridna nkunu semmiegħa tal-Kelma bħal Marija, ikona tal-Lectio Divina tagħna u għalliema żgura tagħna: Marija kienet iżżomm f’qalbha dan kollu, u taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha (Lc 2,19). Hija ngħatat b’mod sħiħ għall-qadi ta’ Ġesù u tal-pjan ta’ Alla bil-kliem li jikxfu x’kienet il-ħajja tagħha: Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej (Lc 1,38). Din il-Kelma waħdanija tkompli tkellimna llum fil-qiegħ tal-kuxjenza tal-fidi tagħna. Hija tkompli tkellimna mill-qiegħ tal-ġrajja tal-bniedem.

8. Fis-skiet u fit-tama qegħdha l-qawwa tagħkom (RK 21)

Il-Formula vitae tagħna tgħaqqad is-silentium mat-tama, għaliex is-silenzju jfisser ukoll mistrieħ, kwiet, kalma, atteġġjamenti li jinbnew fuq it-telqa fiduċjuża f’Alla u jintrabtu mat-tama. Ir-Regula tal-Karmelu tissoponi s-solitudni (RK 5,6,10), titlob minna s-silenzju u s-sliem (RK 21), l-edukazzjoni tal-fakultajiet intellettwali u immaġinattivi permezz ta’ ħsibijiet qaddisa. Mal-ħsibijiet nistgħu nżidu wkoll ix-xbihat u s-simboli qaddisa (RK 19): Dan kollu biex il-persuna tikseb is-saħħa ġewwinija.

B’ferħ ninnutaw li fi żmienna jidher li tinħass l-attenzjoni u l-ħtieġa għal dawn il-ħwejjeġ spiritwali. Il-Karmelu, imsaħħaħ mit-tradizzjoni qadima tiegħu u mix-xhieda ta’ ħafna li għexu fih, jista’ jaqbad dawn il-ħwejjeġ u jħaddimhom b’sinjal ta’ tama nisranija. Nitolbu minkom dak il-kuraġġ tal-fedeltà kreattiva lejn il-kariżma li għandna, ħalli l-Ispirtu tal-Mulej ikompli jaħdem ukoll f’dinja miġruħa u marida.

It-tama u s-saħħa ta’ l-Ispirtu li jmissu kemm il-persuna, kif ukoll il-ġrajja importanti ta’ l-Istorja, iħeġġu għal proġetti ġodda u jwasslu fit-tmiem il-pjan moħbi ta’ Alla għall-ġens tal-bnedmin. In-nisrani huwa msejjaħ għat-tama kemm għalih innifsu kif ukoll għall-ġens kollu tal-bnedmin. Huwa jieħu ħsieb il-ġustizzja fis-sewwa u qatt ma jħalli lilu nnifsu jitkaxkar mill-ideoloġiji, mill-propaganda jew mill-ħafna kliem vojt. In-nisrani jfittex li jaqra r-realtà ta’ żmienu bil-ħarsa ta’ Alla. Is-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla jittrasforma l-ħsibijiet, jgħin id-dixxerniment u jsaħħaħ il-konvinzjonijiet personali tiegħu. Ukoll fid-dlam tal-ħajja, in-nisrani huwa xhud, li l-aħħar kelma ta’ l-Istorja mhijiex dik tal-mewt, imma tal-grazzja ta’ Alla fil-milja ta’ l-Rxoxt.

9. Fit-toroq tad-dinja (RK 17)

Ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù Kristu timmarka mill-qiegħ il-ħajja spiritwali ta’ l-ikkonsagrati, u ta’ l-insara kollha. Għaldaqstant din tixhed għas-sejħa ta’ kulħadd għall-qdusija. Immarkata mill-intimità ma’ Alla, l-esperjenza Karmelitana tagħna min-naħa l-waħda tesprimi ħeġġa kbira għall-Knisja u min-naħa l-oħra turi attenzjoni ġeneruża lejn il-persuna. Il-qaddisin tagħna juruna din it-triq doppja bħala effett ta’ l-esperjenza mistika li taħji l-qalb u li twassal biex ix-xandir tal-Kelma jħalli l-frott.

Tereża ta’ Ġesù kienet lesta biex tagħti ħajjitha għal elf darba għal ruħ waħda. Hija tħeġġeġ lis-sorijiet biex jitolbu u tfittex li timlihom bil-ħeġġa għall-ġid ta’ l-erwieħ. Il-ħajja tagħhom fil-Karmelu hija għall-Knisja u għall-ġens tal-bnedmin.[10]

Għal Tereża tal-Bambin Ġesù, duttur tax-Scientia amoris u patruna tal-missjonijiet, is-sejħa għall-imħabba fil-Knisja-omm hija waħda minn dawk is-sejbiet ta’ l-għaġeb li ddeterminaw il-qdusija tagħha.

It-talb Karmelitan huwa appostoliku. Huwa jġegħlna nħossu għall-oħrajn u jixprunana biex nagħtu, l-aktar liċ-ċkejknin u l-foqra, l-għana li nkunu rċevejna fir-relazjoni tagħna ma’ Alla. Il-qsim tal-ġid ta’ l-Ispiritwalità Karmelitana jagħti s-sehem tiegħu fil-bini tad-dinja ta’ l-ulied ta’ Alla. Dak Alla li nkunu kkontemplajna huwa dak li jisma’ l-krib tal-fqir u li jaqbeż għalih (Eż 2,21; 3,7; Sal 113,7). Illum id-dinja teħtieġ it-tama u t-trasformazzjoni, u aħna nistgħu ngħinuha tinbena bil-qawwa ta’ l-Ispirtu.

Il-Papa jfakkarna li aħna nistgħu nħobbu f’Alla u ma’ Alla lill-persuna li ma togħġobnix u li lanqas biss nafha. Dan jista’ jseħħ biss mil-laqgħa tagħna ma’ Alla, laqgħa li ssir għaqda tar-rieda li tasal biex tmiss is-sentimenti. Għaldaqstant nibda’ nħares lejn il-persuna l-oħra mhux iktar b’għajnejja u bis-sentimenti tiegħi biss, imma skond kif iħares lejha Kristu.[11]

B’dan il-mod il-ħeġġa għal Kristu ssir bilfors ukoll ħeġġa għall-bniedem, għax Kristu ġie biex isalva lill-ġens kollu tal-bniedem li kien intilef, mingħajr ebda distinzjoni ta’ kultura, ġens u lsien. L-Ispirtu ta’ Ġesù, milqugħ fis-silenzju kontemplattiv, jagħtina l-ħelsien ta’ l-ispirtu u jimbuttana biex inħallu s-sigurtajiet tagħna ħalli mmorru niltaqgħu ma’ ħutna li jeħtieġu t-tama.

10. Wessa’ t-tinda tiegħek (Is 54,2): Il-ħajja ta’ l-aħwa (RK 4,5,7,9,12)

Il-Formula vitae hija ndirizzata lil B. u lill-eremiti l-oħra (RK 1). Ġesù Kristu huwa r-raġuni li għaliha huma joqgħodu flimkien. Huwa wkoll dak li jqanqal l-ubbidjenza tagħhom, milqugħa minn rajhom, lejn wieħed minn ħuthom li jilqgħuh bħala mexxej tal-proġett tagħhom tal-ħajja. Dan iħares ’il quddiem fiż-żmien, waqt li jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mill-imgħoddi: lejn il-Missirijiet tal-Knisja - sancti Patres – (RK 1), lejn il-Knisja ta’ Ġerusalemm permezz tal-Patrijarka tagħha, u minn din il-Knisja jħares lejn il-knejjes l-oħra kollha u lejn dawk li jiġu għandna (RK 9), sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi.

Aħna ma nimxux waħedna, imma nfittxu l-Wiċċ ta’ Alla l-ħaj flimkien ma’ ħutna. Dawn huma l-qaddisin il-kbar li jdawwlu l-Karmelu u l-Knisja, u dawk kollha li llum naqsmu magħhom ħajjitna, u li f’għaqda magħhom insibu l-qawwa u l-ferħ tal-kariżma tagħna.

11. Kull wieħed iħares mal-Profeta l-imġieba tiegħu (RK 21)

Flimkien mal-ħafna xhieda ta’ l-imgħoddi, li għalina huma għajn ta’ ispirazzjoni, l-Ispirtu, fi żminijietna qajjem figuri kbar ta’ profeti-martri, fil-kuntest tal-ġrajja drammatiċi li għaddew minn fuq il-ġens tal-bnedmin. Insibu fil-qasam tal-komunikazzjoni, tal-ħelsien, tas-sewwa u kontra r-razziżmu, lill-Beatu Titu Brandsma. Fejn tidħol id-dinjità tal-mara, it-tfittix intelliġenti tas-sewwa, ir-relazzjoni bejn Lhud u Insara, insibu lil Santa Tereża Beneditta tas-Salib. Insibu wkoll Karmelitani oħra martri, missjunarji u xhieda tal-fidi u l-imħabba ta’ Alla. L-atteġġjament kontemplattiv tal-Karmelu spiss wassal biex ħafna minn ħutna jaqsmu l-istess xorti iebsa ta’ ħutna l-bnedmin. Is-skiet teologali tal-Karmelu jagħmel tiegħu l-ferħ u t-tama, in-niket u l-biża’ (GS 1) tal-bnedmin ta’ kull żmien fit-taħbit għall-bini ta’ dinja iktar ġusta.

12. Għeluq

Il-Karmelu jiġbidna lejh bis-sbuħija u s-sebħ ta’ Marija, il-ktieb li fuqu hija miktuba r-Regula, għax fiha hemm miktub il-Verb.[12] Ir-Regula huwa Ġesù Kristu, il-Verb, il-Kelma waħdanija tal-Missier: f’Marija nsibu dik il-konformità l-aktar perfetta miegħu. Bħala dixxiplu ta’ Kristu, Marija taħdem ħalli l-Kelma ta’ Alla titlaħħam fina. Għal din kienet mixtieqa wkoll il-Beata Eliżabetta tat-Trinità, li f’ruħha sseħħ bħal inkarnazzjoni tal-Verb.

Il-konvinzjoni li r-Regula tagħna għandha tinqara f’Marija u f’ħajjitha, insibuha sa mill-ewwel kitbiet Karmelitani. Il-venerabbli Mikiel ta’ Santu Wistin jikteb li: Ir-Regula tagħna (jiġifieri l-istil ta’ ħajja tagħna) huwa Marjan, Marija hija bħall-parti l-oħra li fiha nintgħarfu.[13]

Tereża tal-Bambin Ġesù, li sabet mill-ġdid il-qalba ta’ l-Evanġelju, fl-istess ħin sabet li Marija hija aktar omm milli sultana. Skopriet li ħajjitha tixbaħ lil tagħna u għaldaqstant tiġbidna interjorment lejn Ġesù fil-fidi u l-qadi.[14]

Aħna u nħarsu lejn dawn it-800 sena tal-ġrajja Karmelitana, nuru r-radd ta’ ħajr tagħna lil Alla għal dak kollu li l-grazzja tiegħu għamlet magħna għall-ġid tal-ħajja Knisja.

Infaħħru lill-Mulej għall-qaddisin kollha tal-Familja tagħna, kemm dawk magħrufin kif ukoll dawk li mhumiex.

Aħna u nżommu quddiem għajnejna l-Missirijiet qaddisa tagħna, nitolbu li niġu mimlijin b'imħabba u ħeġġa għall-Mulej u li r-Regula tagħna tkompli tispira lil dawk li jfittxu li jimxu wara Ġesù Kristu, fit-tradizzjoni ħajja tal-Karmelu.

It-tifkira ta’ dawn it-tminn mitt sena hija għalina sejħa ta’ grazzja u fedeltà hienja fil-lum tal-Knisja u tal-ġens kollu tal-bnedmin.

Joseph Chalmers, O.Carm., Pirjol Ġenerali
Luís Arósteguí Gamboa, OCD., Prepostu Ġenerali

Ruma, 16 ta’ Lulju 2007
Tifkira Solenni ta’
Sidtna Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu


[1] Xtaqna nwasslu fit-tmiem ukoll din l-ittra miktuba ftit tas-snin ilu. Fiha hemm il-bidu tal-prospettivi ġodda ta’ dan il-kumment tagħna.
[2] Traditio kelma Latina mill-verb tradere li jfisser Għotja.
[3] Jean de Cheminot (1337), Speculum Fratrum Ordinis B. Mariae de Monte Carmelo
[4] Santa Tereża ta’ Ġesù, Il-Ktieb tal-Fundazzjonijiet 29,33.
[5] Santa Tereża ta’ Ġesù, Il-Kastell Ġewwieni 1,3.
[6] San Ġwann tas-Salib, Il-Kantiku Spiritwali 1, 6.
[7] San Ġwann tas-Salib, Il-Kantiku Spiritwali 14 u 15.
[8] San Ġwann tas-Salib, Kelmiet ta’ Dawl u Mħabba 99.
[9] San Ġwann tas-Salib, It-Telgħa ta’ l-Għolja Karmel II/22,3.
[10] Santa Tereża ta’ Ġesù, It-Triq tal-Perfezzjoni 1,5; 3,4; Il-Ktieb tal-Fundazzjonijiet 1, 6 u 7.
[11] Benedittu XVI, Papa, Alla huwa mħabba, 18.
[12] Kostituzzjonijiet tas-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, Firenze 1981, n. 22.
[13] De Regula Carmelitarum, in Introductio ad vitam internam at fruitiva praxis vitæ misticæ, Romæ 1926, 183.
[14] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù,  L-Aħħar Kelmiet, 20-21 ta’ Awissu.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage