Artikli

Il-Madonna


Kwadri u Statwi Inkurunati f’Malta u Għawdex
IL-MADONNA TAL-KARMNU
Santwarju tal-Karmelitani – Valletta 1881

kitba ta' P. Alexander Bonnici, OFM.Conv.

Il-Labtu tal-Karmnu

Ġrajjiet l-inkoronazzjoni tax-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu li qiegħda fil-knisja bl-istess isem fil-belt Valletta, il-kapitali ta’ Malta, huma importanti għal aktar minn raġuni waħda. Qegħdin fi żmien meta digriet ta’ inkoronazzjoni kien għadu konċessjoni rari ħafna. F’Malta, din kienet l-ewwel xbieha li ġiet inkurunata. Hi knisja li, sa minn dejjem, kienet f’idejn il-patrijiet Karmelitani; imma qabilha dawn il-patrijiet kellhom komunità oħra. It-titlu ta’ din il-Madonna inkurunata hu marbut ħafna ma’ qalb il-poplu għaliex id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu, flimkien ma’ dik tal-Madonna tar-Rużarju, hi marbuta ħafna ma’ qalb il-poplu Malti. Kif naraw f’idejn kull nisrani prattikanti, hekk ukoll, anki jekk ma jidhirx, il-Maltin ixiddu fuqhom il-Labtu tal-Karmnu, u jaraw fih garanzija ta’ salvazzjoni eterna.

L-ewwel Karmelitani

F’xaqliba, li sal-lum għandha tissejjaħ Il-Lunzjata, fid-daħla tar-Rabat għal min ikun ġej minn Ħad-Dingli, il-Karmelitani ffurmaw l-ewwel komunità ċkejkna. Dan jidher li kien fl-1418. Il-knisja ċkejkna li kien hemm kienet tħalliet lilhom min-nobbli Margerita D’Aragona. Il-knisja jidher li kienet ilha mibnija mis-seklu ħdax. Il-Karmelitani damu fil-knisja u il-kunvent tal-Lunzjata sa l-1659. L-isqof Mikiel Balaguer tahom il-permess li jkollhom knisja u kunvent fl-Imdina. Il-knisja tal-Lunzjata ntelqet. Kellhom jgħaddu fuq tliet mitt sena biex huma reġgħu bdew jieħdu ħsiebha. Fl-Imdina, bdew billi daħlu fi knisja msemmija Santa Marija della Rocca. Din twaqqgħet u nbniet f’post ieħor fil-knisja li tlestiet fl-1675. Ġiet iddedikata għall-Annunzjata. Imma, qabel ma daħlu fl-Imdina, il-Karmelitani daħlu fil-belt Valletta. Huma ħasbu biex jakkwistaw biċċa art biex jibnu knisja u kunvent. L-art ġiet mogħtija lilhom fl-1570 mill-Gran Mastru Pietro Del Monte. Għal xi żmien, il-knisja serviet ta’ parroċċa. Kienet l-ewwel knisja pubblika tal-Belt. Kien hemm qabilha l-knisja tal-Vitorja; imma din kienet privata għax kienu jiffrekwentawha membri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann biss u ma kinietx sagramentali għax is-sagrament ma kienx jiżamm fiha kuljum.

Fi żmien qasir, id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu bdiet tinħass dejjem iżjed qawwija. Fil-Belt kienet qawwija iżjed milli f’postijiet oħrajn. Għall-Belt, il-ħsieb kien mill-bidunett li jiddedikawha lill-Madonna tal-Karmnu, għalkemm għall-ewwel kien hemm titlu ieħor. Il-permess tal-bini tal-knisja ħareġ fl-1574. Il-bini tal-knisja, fuq pjanta tal-magħruf Ġlormu Cassar, fl-1591 kien tlesta.

Deskizzjoni tal-kwadru

Il-kwadru titulari tal-Madonna tal-KarmnuĠie akwistat kwadru li kien hemm bżonn li jiġi rranġat. Juri fih lill-Madonna waqt li qed tagħti l-Iskapular lil San Xmun Stock, flimkien ma’ persuni oħra. Ma nafux minn min tpitter, għalkemm xi studjużi ta’ l-arti (bħal Rafel Bonnici Calì) jgħidu li aktarx li hu ta’ Filippo Paladini. Il-kwadru kien tpitter fil-bidunett tal-knisja, għalkemm ma jidhirx li kien tlesta għal kollox. Il-kwadru, hu x’inhu l-preġju artistiku tiegħu, iqanqal għad-devozjoni. L-ewwel deskrizzjoni tal-kwadru, insibuha ġo viżta appostolika li għamel f’Ġunju 1755 mons. Gregorio Salviati, inkwiżitur ġenerali ta’ Malta. Fir-rapport tal-viżita, insibu miktub hekk: “L-altar maġġur hu ddedikat lill-Imqaddsa Verġni ta’ l-għolja tal-Karmelu. Il-kwadru titulari hu għoli qama u sitt ixbar u wiesa’ madwar disat ixbar. Jirrappreżenta prinċipalment lill-Madonna li għandha fi driegħha tax-xellug lill-Bambin Ġesù. Bi driegħha tal-lemin, hi qed tagħti l-Labtu mqaddes lil San Xmun Stock. Fuq ix-xellug, jinstabu l-qddisin Sant’Agata u Santa Luċija. (Illum Santa Luċija ma tidhirx. Tissemma l-aħħar darba f’inventarju ta’ l-1836). Fin-naħa ta’ isfel tal-kwadru, jidhru l-erwieħ tal-purgatorju”.

Deskrizzjonijiet oħra tal-kwadru jagħtuna dettalji iżjed. Indaħħlu, għalhekk, dak li hu essenzjali minn dawn il-kitbiet. Il-Madonna tidher fin-nofs bilqiegħda fuq is-sħab b’libsa ħamra u mant vjola li, minn fuq spallejha, jibqa’ nieżel s’isfel u jgħattilha riġlejha wkoll. Rasha hi mgħottija bi drapp abjad, fin u trasparenti. Żewġ anġli jittajru fil-għoli qed iżommu kuruna ħalli jpoġġuhielha fuq rasha. Fuq driegħha x-xellugi, hi qiegħda terfa’ lill-Bambin Ġesù, waqt li idu x-xellugija hi fuq l-id ix-xellugija wkoll tal-Madonna; b’idu l-leminija qed imiss sider il-Madonna, li minnu ħiereġ il-ħalib: li hu simbolu tal-grazzji li jtaffu t-tbatijiet ta’ l-erwieħ fil-purgatorju. Felli ta’ qamar ta’ daqs kbir jgħaddi minn taħt il-Madonna. L-erwieħ fil-purgatorju qed jitolbuha tħenn għalihom. Il-Verġni Mqaddsa f’idha l-leminija qiegħda tnewwel l-Iskapular. Fuq il-lemin, bil-wieqfa hemm San Xmun Stock b’idejh ma’ xulxin fuq sidru, f’qagħda ta’ qima kbira. Il-Madonna qiegħdha tnewwillu l-Iskapular. Fuq ix-xellug hemm Sant'Agata, bi speċi ta’ dixx tal-fidda f’idha x-xellugija, li fih jinstab sidirha: bħala xhieda tal-martirju li sofriet; b’għajnejha, hi tħares lejn Ġesù u lejn Marija. Il-ħarsa tal-Madonna hi ta’ ħlewwa kbira. Għalkemm il-kwadru ġie akkwistat mill-bidunett u żgur li kien akbar milli hu, jidher li ma tpoġġiex mill-ewwel f’postu għax ma kienx lest għal kollox.

Kollox juri li lill-kwadru qatgħulu minnu. Minbarra li x-xbieha ta’ Santa Luċija m’għadhiex hemm, iż-żewġ anġli huma bla riġlejn u hemm biċċa maqtugħa fil-ġwienaħ ukoll. San Xmun u Sant’Agata għandhom daharhom u riġlejhom maqtugħin. Id-daqs hu inqas minn dak li jissemma fl-ewwel deskizzjoni. Jidher li l-qtugħ fih sar lejn is-sena 1856 minn Pawlu Cuschieri, li kien ħadu fid-dar tiegħu f’Ħal Tarxien.

Inventarju b’konferma ta’ devozzjoni

Inventarju jurina li d-devozzjoni lejn il-kwadru kienet kbira sa minn żminijiet antiki. Kbar u numerużi huma l-grazzji li bl-interċessjoni tal-Madonna għaliex ħafna kienu jitolbu quddiem dak il-kwadru. Żewġ kuruni tad-deheb ezistew sa minn ħafna żmien qabel l-inkoronazzjoni. Imma dawn biż-żmien tneħħew biex inbiegħu, u mbagħad saru tal-fidda. Il-kwadru kien imżejjen ukoll b’għadd ta’ ġiżirani, imsielet, u ċrieket. Iż-żewġ anġli li hemm fih kienu b’busti tal-fidda. It-tliet qaddisin kellhom ma’ rashom dijadema tal-fidda. Kien hemm ukoll barbazzal tad-deheb b’ajkla tad-deheb u l-ismalt bil-ġawhar f’għonq Santa Luċija u barbazzal f’għonq Sant'Agata. Il-kvallieri ta’ San Ġwann waqqfu bosta fundazzjonijiet u legati f’din il-knisja. Il kavallieri tal-Lingwa tal-Ġermanja, billi ma kellhomx knisja proprja tagħhom, kienu jagħmlu s-servizzi reliġjużi tagħhom f’din il-knisja.

Qabel dan il-kwadru, kien hemm ieħor li kien tal-Lunzjata. Għalhekk, il-knisja proviżorja kienet magħrufa bħala tal-Lunzjata. Fil-viżta ta’ mons. Dusina fl-1575 insibu dwarha “Il-viżitatur appostoliku mar fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ l-għolja tal-Karmelu, li hi mibnija fil-belt Valletta. Magħha hemm komunità tar-reliġjużi Karmelitani. Din il-knisja bdiet tenbena mill-ġdid. Fiha jamministraw is-sagramenti tal-knisja... Fiha hemm l-Ewkaristija, il-fonti tal-magħmudija, u ż-żjut”. Il-knisja, kif kienet tlestiet, ġiet iddedikata lill-Madonna tal-Grazzja. Il-kwadru tagħha, f’dak iż-żmien, kien imqiegħed fuq l-altar maġġur. Dan il-kwadru li kien jirrappreżenta lill-Madonna qed turi l-Iskapular imqaddes lil San Xmun Stock u, fuq ix-xellug tal-Madonna kien hemm Sant’Agata u Santa Luċija. Dan juri li l-knisja kienet diġà ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Iżda tard, dan ukoll ġie mibdul, imma baqa’ tal-Madonna tal-Karmnu.

Erba’ statwi

It-tieni statwa tal-KarmnuL-ewwel statwa li kien hemm fil-knisja tal-Karmnu tal-Belt kienet saret minn ċertu Passalacqua, li kien fundatur tal-fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu. Imbagħad saret statwa oħra; imma lanqas din ma baqgħet tintuża għall-festa; b’xorti tajba, din it-tieni statwa ma ntilfitx għax għadha tista’ titgawda fl-oratorju ta’ l-istess knisja tal-Belt.

It-tielet statwa saret f’Napli fl-1780 minn Gennaro Reale. Waslet Malta fis-17 ta’ Settembru, 1780, fuq xini ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Imma kienet injam biss bla żebgħa u bla indoratura. Ix-xogħol taż-żebgħa sar fuqha mill-pittur J.Antonio Grech. L-induratura saret minn Mikiel Galdes. Il-vara ħarġet għall-ewwel darba f’purċissjoni l-Ħadd fl-ottava tal-Madonna tal-Karmnu ta’ l-1782. Imbagħad, fl-1786, din l-istatwa sabiħa ġiet mogħtija lill-knisja Karmelitana tal-Balluta. L-ewwel statwi kienu propjetà tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt. Għalhekk, il-komunità ħasbet għal statwa qabel ma ġiet rigalata l-istatwa li kien hemm qabel. Ir-raba’ statwa, li hi dik tal-lum u li tixbaħ ħafna lit-tnejn ta’ qabilha, saret għall-knisja tal-Belt f’Napli fl-1781. Kien ħaseb għall-ispejjeż tagħha l-patri Karmelitan Mikilanġ Chircop, minn dak li kien jaqla’ bil-predikazzjoni tiegħu. Imma hawn il-ħsieb tagħna jmur fuq il-kwadru li kien se jiġi inkurunat.

Ix-xewqa ta’ l-ewwel inkoronazzjoni

Kien qed joqrob l-aħħar żmien tas-seklu dsatax. Għal inħawi oħrajn tad-dinja, ġie li kien qed joħroġ xi digriet ta’ inkoronazzjoni għal xbiehat li lejhom kien hemm devozzjoni kbira. Imma l-ebda digriet ma kien ħareġ għal xi xbieha ta’ Malta, għalkemm kien hawn x’uħud li lejhom kien hawn devozzjoni kbira. Il-kuruna għal inkoronazzjoni kienet tkun ta’ deheb mastizz. Il-kuruni jkunu tnejn jekk, bħal fil-każ tal-Madonna tal-Karmnu, kien ikun hemm il-Bambin ukoll.

Fis-sena 1630, il-konti Alessandro Sforza Pallavicini minn Piacenza ħalla legat lill-kapitlu tal-Vatikan b’rabta ma’ xi digriet ta’ inkoronazzjoni ta’ xi xbieha qadima u meqjuma tal-Madonna. Mir-renta ta’ dak il-legat, setgħet titħallas kuruna tad-deheb għall-Madonna li tkun se tiġi inkurunata uffiċjalment. Imma ma setgħetx tingħata iżjed minn kuruna waħda kull sena. Il-patrijiet Karmelitani ta’ Malta kitbu lill-Ġeneral tagħhom li kien patri Angelo Savini, u fissrulu d-devozzjoni li kien hawn f’Malta għal dik ix-xbieha tal-Belt. Talbuh ukoll jgħinhom biex xewqithom tinqata’. Fl-1874, patri Savini kien Malta, u ra b’għajnejh il-qima tal-Maltin lejn dik ix-xbieha. Hu nnifsu ressaq it-talba tagħhom quddiem il-Kapitlu tal-Vatikan. Kellhom l-appoġġ ta’ l-isqof ta’ Malta mons. Carmelo Scicluna.

Fix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu, kien hemm dak li kienet titlob il-Knisja biex jinħareġ digriet ta’ inkoronazzjoni. Kienet xbieha antika ħafna għax kienet ilha mpittra mill-anqas 350 sena; il-poplu nisrani kien iħoss li l-Madonna, li lilha jitlobha quddiem dik ix-xbieha, kienet qed taqlagħlu ħafna grazzji; il-qima lejha kienet infirxet ħafna. Ta’ dawn, kienu xhieda l-ħafna ex-voto mdendlin mal-ħitan u l-kwantità kbira ta’ xemgħa li kien ikollha mixgħula quddiemha. Madankollu, f’dak iż-żmien, digriet ta’ inkoronazzjoni ma kienx joħroġ malajr.

L-ewwel diffikultà kienet li l-Kapitlu tal-Vatikan, waqt li wera ruħu favorevoli għall-inkoronazzjoni, kien f’pożizzjoni li ma satax jagħti l-kuruni tad-deheb imsemmija fil-legat. Il-kuruni kienu se jqumu 322 lira taljana ta’ dak iż-żmien. Kien żmien ta’ faqar. Imma, providenzjalment, inqalgħu tliet nisa ġenerużi li ofrew li jħallsu bejniethom is-somma meħieġa. Isimhom ma wrewħx. Għalkemm f’deskrizzjoni ta’ l-imgħoddi ssemmew kuruni tad-deheb, fil-fatt dawk kienu nbiegħu. Fiż-żmien ta’ qabel l-inkoronazzjoni, iż-żewġ kuruni kienu tal-fidda. Għalhekk, kien meħtieġ li jsiru tnejn tad-deheb.

Id-digriet ta’ l-inkoronazzjoni

Kienu l-ewwel snin tal-Papa Leone XIII. Il-Kapitlu tal-Vatikan, fid-19 ta’ Ġunju 1880, approva li d-digriet joħroġ f’isem il-Papa. L-arċisqof Carmelo Scicluna ġie delegat għall-inkoronazzjoni. Il-kelmiet tad-digriet li qed jinqalbu mil-Latin, huma dawn:

Il-Kardinal Dwardu Borromeo, arċipriet tal-bażilika ta’  San Pietru, f’Ruma, flimkien mal-kapitlu u l-kanonċi, lill-illustrissmu u reverendissmu mons. Carmelo Scicluna, arċisqof ta’ Malta, saħħa f’dak li hu tassew is-saħħa ta’ kulħadd.
Il-Pirjol tal-patrijiet Karmelitani ta’ l-Osservanza Antika tal-belt Valletta, fil-gżira ta’ Malta, fisser ix-xewqa tiegħu, irrikmandata minnek, li x-xbieha antika u għażiża ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija tal-Karmelu bil-Bambin, li hi magħrufa għall-abbundanza tal-grazzji u mirakli u meqjuma b’devozzjoni kbira fil-knisja tal-kunvent tagħhom, tiġi minna mżejna b’kuruna tad-deheb.
Aħna, mela, li għandna d-dritt u l-unur li nikkonċedu l-inkoronazzjoni lix-xbiehat tal-Verġmi Mqaddsa Marija Omm Alla, meqjuma mill-fidili sa mill-qedem u magħrufa għall-għeġubijiet imwettqa, wara li studjajna l-affarijiet, speċjalment ir-rikmandazzjoni tiegħek li biha kkonfermajt il-verità ta’ dan kollu, fil-laqgħa tal-kapitlu, li saret fil-15 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, sabiex l-insara jitħeġġu aktar ħalli jirrikorru għall-patroċinju tal-Verġni Omm Alla, u jkollhom esperjenza personali tal-qawwa tagħha, ilqajna bil-qalb ix-xewqa tal-Pirjol, u ddeċidejna b’vot unanimu lix-xbieha msemmija ta’ l-imqaddsa Marija Verġni tal-Karmelu, flimkien max-xbieha tal-Bambin, jiġu mżejna b’kuruna tad-deheb.
Biex l-inkoronazzjoni solenni tkun tista’ ssir u jkollha l-valur tagħha, id-dritt tagħna li nagħmluha nagħtuh lilek, illustrissmu u reverendissmu sinjur. Permezz ta’ dan id-digriet niddelegawk biex inti, tpoġġi, fuq ras ix-xbieha mqaddsa msemmija u fuq ras il-Bambin, il-kuruna tad-deheb, u tmexxi ċ-ċerimonja ta’ l-inkoronazzjoni solenni. Din tkun skond ir-rit użat fil-bażilika tagħna u li tiegħu qed nibagħtulek kopja. Fl-istess waqt, inti, fil-Mulej, tista’ tagħti l-privileġġi li aħna soltu nagħtu f’dawn l-okkazjonijiet. Dawn jinstabu fl-istess rit.
Fil-każ li, minħabba l-mard inkella għal xi raġuni oħra, ma tkunx tista’ tmexxi ċ-ċerimonja, allura nagħtuk il-permess li tiddelega lill-illustrismu u reverendissmu monsinjur Pietru Pace. isqof ta’ Għawdex, biex imexxi minflokok u f’isimna ċ-ċerimonja.
Bħala xhieda ta’ dan, nibagħtulek dan id-digriet iffirmat mill-illustrissmu u reverendissmu kollega tagħna, il-kanonku a secretis u bit-timbru tal-kapitlu permezz tal-kanonku kanċillier tagħna.
Maħruġ minn Ruma, mill-Awla Kapitulari, fis-sena 1880, fid-19 ta’ Ġunju, il-ħames indizjoni, fir-raba’ sena tal-pontifikat tal-Papa Leone XIII.
(iffirmat) Franciscus Mercurelli
Segretarju tal-Kapitlu

Mill-Vatikan, billi dik kienet l-ewwel inkoronazzjoni ta’ Malta, saru ħafna rakkomandazzjonijiet dwar dak li kellu jsir. Minn Ruma, kienet se tiġi ffissata d-data ta’ l-inkoronazzjoni. Iż-żewġ kuruni tad-deheb kienu se jiġu eżaminati biex ikun hemm iċ-ċertezza li kienu jixirqu għal kwadru inkurunat. Kienet sejra tinqala’ l-indulġenza plenarja lil dawk li, fil-ġurnata ta’ l-inkoronazzjoni, wara li jkunu qerru u tqarbnu, iżuru l-knisja tal-Madonna li tkun ġiet inkurunata. Fit-tlitt ijiem ta’ qabel l-inkoronazzjoni, tingħata l-aħbar tagħha bid-daqq tal-qniepen tal-knejjes kollha u b’sinjali ta’ ferħ. Il-knisja kellha tkun imżejna bħal fl-okkazjonijiet l-iżjed solenni. Issir purtiera prezzjuża mal-kwadru. Lejliet l-inkoronazzjoni, kellu jsir kant ta’ innijiet tal-Madonna.

Solennità ta’ l-okkażjoni

Il-kwadru tal-Madonna tal-KarmnuIl-patrijiet Karmelitani stiednu bosta nies li jifhmu fit-tiżjin ħalli l-knisja tkun kif tixraq lill-Madonna. Il-ħitan kollha kienu bid-damask ta’ ħarir aħmar. Mazzi ta’ ward artifiċjali kienu jidhru mdendlin. Twaħħlu bosta skrizzjonijiet ta’ ġieħ lill-Madonna. Kien hemm bosta ornamenti oħrajn. Ħafna tiżjin u skrizzjonijiet tqiegħdu fuq barra wkoll.

Il-kwadru nqala’ minn postu. Il-festi ta’ tħejjija bdew fit-12 ta’ Lulju. Fil-11 ta’ Lulju, wara li spiċċat in-novena, wasal Malta l-Pirjol Ġenerali padre Angelo Savini. Kulħadd taħ merbħa kbira. Fit-12 ta’ Lulju, beda tridu solenni. Il-mużika u s-surmastrjiet Pawlu u Antonju Nani kompliet tkabbar il-festi. Skond it-tradizzjoni taż-żmien, saru pritki bit-Taljan u bil-Malti. Mexxew pontifikali l-isqof ta’ Għawdex Pietru Pace u l-Isqof Karmelitan ta’ Galtelli u Nuoro (f'Sardegna) Salvatore Angelo Demartis.

Il-ġurnata ta’ l-akbar solennità kienet il-15 ta’ Lulju: jum l-inkoronazzjoni. Iċ-cerimonja u l-pontifikal tmexxew mill-arċisqof Carmelo Scicluna. Inqara d-digriet tal-Vatikan u tbierku ż-żewġ kuruni prezzjużi. Il-paniġirku ta’ l-okkażjoni nisġu l-Ġiżwita patri Pietru Fontana. Malli spiċċa l-pontifikal, tkantat l-antifona Regina Coeli. Imbagħad, l-arċisqof Scicluna tala’ fuq il-palk imħejji u qiegħed iż-żewġ kuruni: l-ewwel fuq ras il-Bambin u mbagħad fuq ras il-Madonna. Kellu jassisti miegħu ż-żewġ isfqijiet Pace u Demartis. Dak il-ħin, il-knejjes kollha ta’ Malta taw l-aħbar ta’ ferħ bid-daqq ta’ qnipen. Ġew sparati wkoll murtali minn fuq il-fortizzi. L-isfqijiet u l-Pirjol Generali kellhom dimostazzjonijiet mat-toroq tal-Belt, malli spiċċat il-funzjoni. Tqiegħdet ukoll skrizzjoni biex tfakkar għal dejjem dak li kien sar.

L-għada, 16 ta’ Lulju 1881 kienet l-ewwel festa tal-Madonna inkurunata. Kienet solenni wisq iżjed mis-soltu. Billi, fil-15 ta’ Lulju, l-inkurunazzjoni kienet filgħodu, wara nofs in-nhar, saru bħas-soltu t-traslazzjoni tar-relikwa tal-Madonna u għasar pontifikali li tmexxew minn mons. Demartis, l-isqof Karmelitan li kien mistieden għal dawk il-festi. Kien mistieden ukoll padre Angelo Savini, il-Pirjol Ġenerali tal-Karmelitani. Bħas-soltu, għall-purċissjoni nħarġet l-istatwa. L-istess isqof Demartis, fis-16 ta’ Lulju, mexxa l-pontifikal tal-festa. Padre Luigi Galli, segretarju ġenerali tal-Karmelitani, niseġ il-paniġierku bit-Taljan. Wara nofs in-nhar, paniġierku ieħor, din id-darba bil-Malti, sar mill-kanonku ta’ Bormla Dun Luigi Caruana. Il-purċissjoni solenni ġibdet lejn il-Belt folol kbar ta’ nies. Ipparteċipaw tnax il fratellanza minn parroċċi oħrajn ta’ Malta. Ħadu sehem anki xi ordnijiet reliġjużi oħrajn. Il-baned li kienu mistiedna daqqew bosta innijiet tal-Madonna. Instemgħu bla ma qatgħu bosta murtali minn fuq is-swar tal-Belt u mill-gżira Manoel. Fl-aħħar parti, fi-triq it-tijatru, ħafna żgħażagħ imxew mal-Madonna u quddiemha b’ torċa mixgħula.

Il-ġurnali ta’ dak iż-żmien taw importanza lill-inkoranazzjoni. L-Amico del Popolo isemmiha sa minn sena qabel. Imbagħad, tissemma ħafna fil-kronaka ta’ żmien il-festi. Fost dawk li semmewha, hemm L’Ordine, Fede e Azione, il Portafoglio Maltese, Il Risorgimento, u ta’ sikwit L’Amico del Popolo.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu baqgħet sejra tul iż-żmien. Il-knisja tal-Belt saret santwarju. Fis-6 ta’ April 1886, l-Isqof Kapuċċin Mons. Antonio Buhagiar, amministrtur appostoliku ta’ Malta, ikkonsagra l-knisja. Fit-13 ta’ Mejju 1895, il-Papa Leone XIII ħareġ id-digriet li biħ din il-knisja tal-Karmelitani tal-Belt ġiet mgħollija għall-ġieħ ta’ Bażilika minuri, bid-dritt li tgawdi l-privileġġi li għandhom il-bażiliki minuri ta’ Ruma.

Fl-1924, il-kwadru nkurunat ġie maqlugħ minn postu biex jiġi restawrat minn Vincenzo Bonello. Kienet sorpriza li, propju warajh, instab ieħor jixbħu ħafna. Id-differenza hi li l-Bambin fil-kwadru li hemm illum qiegħed fuq id-driegħ xellugi tal-Madonna, filwaqt li fil-kwadru li nstab il-Bambin qiegħed fuq id-driegħ lemini tal-Madonna. Matul iż-żmienijiet il-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu nqala’ diversi drabi minn postu.

Iżjed tard sar restawr fuq il-kwadru minn Samuel Bugeja. Waqt ir-restawr, wara l-figura ta’ Sant’Agata deher imnieħer. Dan jikkonferma li fl-oriġinal kien hemm persuna oħra; ma tistax tkun ħlief dik ta’ Santa Lucija.

Wara mitt sena

Matul it-tieni gwerra dinjija l-knisja tal-Belt intlaqtet mill-bombi ta’ l-għadu u n-naħa ta’ wara tagħha ġġarraf. Kien żmien meta l-patrijiet xtaqu li jkollhom santwarju akbar u isbaħ. Għalhekk, inħatfet din l-okkażjoni. Saritilhom pjanta mill-perit Ġużè Damato. Fit-30 t’April 1958, il-Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni, Patri Kilian Lynch, bierek l-ewwel ġebla. Bil-mod il-mod il-knisja l-ġdida telgħet.

Wara mitt sena, l-inkoronazzjoni tfakkret b’solennitajiet kbar. F’dik l-okkażjoni, li kienet fl-1981, patri Manwel Gatt, Provinċjal tal-Karmelitani, talab il-barka tal-Papa Ġwanni Pawlu II fuq il-Karmelitani Maltin kollha. Il-Karmelitan patri Edward Bugeja fakkar bil-versi l-imħabba tal-Maltin lejn il-Madonna f’dan is-santwarju. Silta mill-poeżija tiegħu hi t-tislima tiegħu lill-Madonna:

                   Bħax-xemx ħanina li naraw filgħodu
                   Mix-xefaq tiela’ qisha ġamra nar,
                   Issaħħan l-art u b’dawk ir-raġġi tagħha
                   tħarrab id-dlam tal-lejl li għoddu mar.

                             Hekk int Marija, fjur sabiħ tal-Karmelu,
                             isbaħ mix-xemx li tiddi fis-smewwiet:
                             Ixxerred grazzji fuq id-dinja kollha;
                             Fil-qlub imnikkta tnissel it-tamiet.

                   Kemm nies salvaw mill-għarqa kiefra tagħhom
                   Matul dawn il-mitt sena li għaddew!
                   Ilkoll libsin il-labtu mqaddes tiegħek,
                   Imtellgħin fl-art x’ħin għoddhom kienu nfnew.

Poeta Karmelitan, li kien patri Feliċjan Bezzina, kiteb l-innu taċ-ċentinarju. Dan ġie mmużikat minn Karmelitan ieħor li kien patri Danjel Sammut. Tqanqalna ħafna l-poeżija li, żmien qabel, kien kiteb il-poeta magħruf patri Anastasju Cuschieri, u li sejħiha Fis-Santwarju tal-Madonna. Nagħlqu din il-ġabra storika b’silta minn din il-poeżija:

                   “Kif mir-rqad jistrieħ il-ġisem,
                   nerġa jien niftaħ għajnejja,
                   Lilek, ja sbejħa,
                   l-ewwel sejħa,
                   l-ewwel kelma ta’ xoffteja;
                   Meta l-leħen tal-qanpiena
                   donnu jitlob ix-xemx bil-ħniena
                   biex ittik l-aħħar tislima,
                   lejk minn fommi,
                   ja Ommi,
                   Lejk minn qalbi
                   ma’ talbi
                   jitla’ l-bews ta’ l-akbar qima”.

Xi bibljografija

ABELA Serafin, “Il-Kwadru”, Mitt sena mill-Inkurunazzjoni 1881- 1981, 12-16.
BEZZINA Feliċjan, “L-Inkurunazzjoni fil-ġurnali 100 sena ilu”, Ibd., 23-28.
GALEA Michael, “Is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu Valletta”; Knejjes u Kappelli Marjani f’Malta u Għawdex, 1984, 90-93.
RONCI Anastasio M., Brevi cenni sul santuario e sull’Augusta Icona della Prodigiosa Vergine sotto il titolo del Carmelo venerata nella città Valletta e Ricordi storici intorno alla solenne Incoronazione di Lei, 74p.
SAMMUT Lawrenz M., Is-Santwarju tal-Karmnu, 1952, 280p.
ID., Storia della devozione di Maria SS. Del Carmine nell’isola di Malta.

Estratt mill-ktieb: Kwadri u Statwi Inkurunati f’Malta u Għawdex, Ed. PEG, Malta 2003, pp.25-34.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage