ArtikliIl-MadonnaALMA REDEMPTORIS MATERmill-Eċċ. Mons. Nikol Ġ. Cauchi Hija waħda mill-erba' antifoni marjani li jingħadu fi tmiem ir-reċita tal-brevjar; titkanta jew tiġi reċitata wara il-Kompjeta mill-għasar tas-Sibt, ta’ qabel l-ewwel ħadd ta’ l-Avvent sat-tieni għasar tal-festa tal-Purifikazzjoni tal-Imqaddsa Verġni Marija. L-awtur tagħha aktarx kien Hermanus Contractus, (1013-54) patri ta’ Reichenau, li hu maħsub li kiteb kemm il-mużika oriġinali kif ukoll il-kliem ta’ din l-antifona. Dwar dan il-poeta li kiteb bil-Latin, nafu ftit ħafna. Għalkemm illum tingħad fi tmiem ir-reċita tal-brevjar, fil-bidu l-Alma Redemptoris Mater kienet titkanta bħall-antifoni l-oħra qabel ma jibda u x’ħin jintemm xi salm jew xi kantiku. Barra mill-kant Gregorjan, din l-antifona ġiet ukoll mużikata minn diversi komposituri, bħal ma huma Jaquin Deprez u Palestrina li addattaw kant polifoniku għaliha. L-antifona ġiet tradotta b’ħafna ilsna. It-traduzzjoni bil-Malti, hija din li ġejja, u bit-tifsir tagħha:
“Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej” Permezz ta’ l-inkarnazzjoni ta’ l-Iben t’Alla, fil-ħdan ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, seħħet ġrajja unika fl-istorja: Alla sar bniedem biex jifdi l-bnedmin li kienu fil-jasar tad-dnub. Alla, Ħallieq u Sid ta’ l-univers, issa sar ukoll il-Feddej ta’ l-umanità. Saret tibdila ta’ l-għaġeb, il-bniedem minn għadu ta’ Alla, sar ħabib tiegħu u kiseb sehem minn natura divina (1 Pt 1,4). Marija kienet dik il-kreatura, magħżula minn Alla, sa mill-eternità, biex iġġib fid-dinja l-Feddej, mistenni mill-ġnus. Hija l-Omm ħelwa tiegħu u għalhekk jistħoqqilha kull ġieħ. “inti bieb illi jagħti għas-sema” Fil-Litanija, ‘l-Madonna nsejħulha ianua coeli “bieb tas-sema” għax il-ġenna kienet magħluqa minħabba dnubietna u ma konna nidħlu qatt fiha, kieku ma ġiex Kristu fid-dinja, u bil-passjoni u l-mewt tiegħu kisbilna l-grazzji meħtieġa biex insalvaw. Irridu nroddu ħajr lil Marija, immela, għaliex hija tatna ‘l-Kristu, dak li salvana u kisbilna l-jedd għall-ġenna. “Int kewkba tal-baħar, Marija” Fl-antik, dawk li kienu jbaħħru ‘l bogħod minn art twelidhom, biex ma jitilfux triqthom fuq il-baħar, kellhom il-kewkba li tmexxihom u twassalhom sal-port fejn riedu jaslu. Għalina l-insara, li qegħdin nivvjaġġaw fuq il-baħar imqalleb tad-dinja, hija l-Madonna li bit-talb tagħha, lill-Feddej, twassalna sal-port tas-salvazzjoni u ddaħħalna fis-sema, il-belt li tibqa' għal dejjem. “Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna għajnuna tal-poplu maħtur” Mill-ewwel waqgħa fil-ħtija ta’ Adam u
Eva sa l-aħħar taż-żminijiet, ix-xorti tal-bniedem tinbidel
kontinwament, il-bniedem jgħaddi mid-dlam għad-dawl imma
mill-ġdid jerġa' jippreferi li jgħix fid-dlam, jaqa' u jerġa'
jqum bil-periklu li jaqa' mill-ġdid. Il-bniedem jeħtieġ mela,
l-id setgħana sabiex tgħinu biex jintrefa' mill-miżerja
spiritwali tiegħu u ma jerġax jistabat ma' l-art. “Li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek” Il-ħolqien kollu stagħġeb, bir-rigal hekk kbir, meta Alla permezz tal-Verġni ta’ Nazaret tana lill-Ibnu biex ikun ħuna u Feddej tagħna: "Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16). Aħna nemmnu u nistqarru dan il-misteru iżda ma nistgħux naħbu l-istagħġib tagħna, u l-ewwel li stagħġbet kienet Marija għax fiha kien twettaq dak il-miraklu kbir. “fis-siegħa li lqajt it-tislima, li tak Gabriel” Dawn il-kelmiet jiġbru fihom l-ġrajja li jirrakkonta fil-Vanġelu tiegħu San Luqa, meta kiteb dwar it-twelid u t-tfulija ta’ Kristu, li aktarx kellu dan it-tagħrif minn għand il-Madonna stess: “L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek... Ara inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u semmieħ Ġesù...” Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” (Lq 1,26-38). Laqgħet it-tislima u aċċettat il-missjoni li tkun Omm Alla u Omm tagħna l-bniedmin. “bqajt xebba, kif qabel, hekk wara t-tnissil” Il-Knisja sallum lil Marija ssejħilha “Verġni u pura, qabel it-twelid, fit-twelid, u wara t-twelid.” Il-verġinità perfetta u perpetwa, ix-xbubija tagħha li ma tilfitha qatt, hija wieħed mill-privileġġi, li Alla ried jagħti lill-Imqaddsa Omm Tiegħu, biex issir dejjem iktar xierqa li jkollha l-Kristu, Iben t’Alla bħala Binha. “Ħenn, Omm, għal uliedek midinba” L-antifona Alma Redemptoris Mater tagħlaq bil-ħsieb li huwa mfisser bil-kliem li aħna ntennu tant drabi kuljum fit-talb tas-Sliema u l-Qaddisa: “Itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Kif stqarr San Pietru, li huwa midneb, hekk ukoll nistqarru aħna, fil-waqt li nagħrfu u nifhmu wkoll il-ħtieġa li Ommu Marija tindukrana kontinwament f’ħajjitna u fil-punt tal-mewt tagħna; għalhekk nitolbuha tħenn għalina u sseddaqna bit-talb setgħani tagħha. [Dan l-artiklu deher fir-rivista Madonna Ta' Pinu ta' Jannar-Marzu 2007, pp 23-25.] |