P. Valentin
Borg Gusman, O.Carm.
Piju
XII, fl-Enċiklika “Le Pelerinage de Lourdes” (2/7/57), igħid
li, kull art nisranija hija wkoll marjana, u li m’hemmx gens mifdi b’demm
Kristu li m’għażilx lill-Madonna b’Patruna tiegħu.[1] Għalhekk kull fejn id-dawl tal-fidi
nisranija firex ir-raġġi tiegħu, hemmhekk nibtet u warrdet ukoll
id-devozzjoni lejn il-Verġni Marija. Għaliex? Fost raġunijiet oħra,
għaliex l-insara jemmnu li hi tħarishom fit-tiġrib tagħhom.
1.
Sisien dan it-twemmin
Dan
it-twemmin huwa msejjes fuq tagħlim il-Knisja. Biżżejjed
wieħed jiftakar fiż-żewġ talbiet magħrufa tal-Qaddisa u tas-Salve Regina rrikmandati mill-Knisja matul iż-żminijiet.
Fl-ewwel waħda, nitolbu l-Madonna tidħol għalina midinbin issa u f’sigħet mewtna. Fl-oħra,
imbagħad, nitolbuha biex, wara dan it-turufnament, turina
l’Ġesù, frott imbierek ta’ ġufha.
Għalhekk,
nitolbu l’Marija l-għajnuna tagħha matul ħajjitna, waqt
il-mogħdija tagħna minn din il-ħajja, u wara mewtna tiksbilna
mill-aktar fis l-hena ta’ dejjem fil-Ġenna,
2.
It-teorija Karmelitana
Fl-fehma
tal-Karmelitani, din it-tliet xorta ta’ għajnuna Marjana tista' tinkiseb
billi wieħed iġib fuqu bid-devozzjoni l-Labtu, l-Iskapular, skond
il-wegħdiet li l-Madonna għamlet lil San Xmun Stock u lill-Papa
Ġwanni XXII. Fil-fatt, il-motto Karmelitan hu: “In vita protego, in
morte iuvo, et post mortem salvo”,[2] jiġifieri li Marija wiegħdet lid-devoti tal-Labtu tal-Karmnu, li
tipproteġihom matul ħajjithom, tgħinhom biex jagħmlu mewta
tajba u ma jmorrux l-Infern, u wara mewthom tiksbilhom is-salvazzjoni
mill-aktar fis jekk imorru l-Purgatorji.
It-teorija
Karmelitana ma żżommx li l-Labtu tal-Karmnu biss jikseb lid-devoti
l-għajnuna msemmija ta’ Marija. Tant hu hekk li l-motto ta’ l-Ordni
Karmelitana jidher b’xi mod in-fluwenzat minn sentenza ta’ Ludolfu tas-Sassonja
(magħruf bħala ċ-Ċertosin), li tgħodd għal kull
devozzjoni Marjana partikulari jew ġenerali.
Ludolfu
jgħid: “Marija tgħin lil uliedha li jagħrfuha bħala Ommhom
fit-tliet stati (ta’ l-eżistenzà tagħhom), jiġifieri
f’ħajjithom, f’mewthom u wara mewthom”: “In triplici statu, scilicet in
vita, in morte et post mortem, adiuvat Maria filios suos qui eam habent in
Matrem.”[3]
3.
Il-Konċilju Vatikan II
Li
t-teorija Karmelitana ma tmurx kontra t-tagħlim awtentiku tal-Knisja, anzi
taqbel mat-tagħlim tagħha ta’ żmienna, tixhdu indirettament il-Kostituzzjoni Dommatika fuq il-Knisja: Lumen Gentium.
Il-Konċilju Vatikan II, f’dan id-dokument, igħid li “Marija,
bl-imħabba tagħha ta’ Omm, tieħu ħsieb ta’ l-aħwa ta’
Binha Ġesù fil-perikli u f’kull tiġrib ieħor tagħhom
fil-pellegrinaġġ ta’ din il-ħajja, sakemm twassalhom hienja
fil-patrija tagħhom tas-sema”.[4]
L-istess
Konċilju jagħmel ukoll riferenza għall-antifona “Sub tuum praesidium”, li skond l-arkeoloġi ta’ żmienna hija tat-tielet
jew tar-raba' seklu.[5] Fiha
nsibu xhieda ħajja tat-twemmin sħiħ ta’ l-insara fil-protezzjoni
ta’ Marija, għaliex jirrikorru lejha fil-perikli u fil-ħtiġijiet
tagħhom kollha[6].
Min-naħa l-oħra, il-Vatikan II iħeġġeġ
lill-insara biex ikollhom stima kbira lejn id-devozzjonijiet marjani li
l-Maġisteru tal-Knisja rrikmanda matul iż-żminijiet.[7] Waħda minn dawn id-devozzjonijiet
hija sewwa sew dik tal-Labtu tal-Karmnu.
4.
Rakkomandazzjonijiet tal-maġisteru tal-Knisja
Wieħed
mill-Papiet li rrakkomanda d-devozzjoni tal-Labti tal-Karmnu bħala
għelm ta’ għajnuna Marjana, huwa Benedittu XV. Fid-disksrs
tiegħu tat-18 ta’ Lulju 1917, qal hekk lill-istudenti tas-Seminarju
Pontifiċju ta’ Ruma: “Ilkoll kemm intom nixtieq inħallilkom
żewġ ħwejjeġ in komuni: kelma u arma. Il-kelma hija Kelmet
il-Mulej misjub fil-Vanġelu; l-arma, imbagħad, hija l-Labtu
tal-Madonna tal-Karmnu li lkoll kemm intom għandkom tilbsu, għax bih
il-Madonna tissokta tħariskom sa wara mewtkom”.[8]
Għaxart
ijiem wara (28 ta’ Lulju 1917), f’diskors lit-Terzjarji Karmelitani, Benedittu
XV tkellem fit-tul fuq il-qawwa tal-Labtu tal-Karmnu kemm fl-ordni fiżiku
kif ukoll f’dak morali. Fakkar fuq kollox fl-għajnuna kbira
tal-Verġni Marija lil dawk li jġibu fuqhom kif jixraq il-Labtu
mqaddes.[9]
Min-naħa
tiegħu Pawlu VI, fl-okkażjoni tal-Kungress Marjoloġiku
Internazzjonali ta’ S. Domingo (1965), igħid li fost id-devozzjonijiet
partikulari lejn il-Madonna rrikmandati mill-Maġisteru tal-Knisja, ta’ min
isemmi b’isimhom ir-Rużarju u l-Labtu tal-Karmnu.[10]
Fl-aħħarnett,
insemmu l-Papa Ġwann Pawlu II. Fis-16 ta’ Lulju 1988, fi Pian di
Neve, huwa qaddes quddiesa quddiem eluf ta’ alpinisti u suldati li nġabru
flimkien biex jiċċelebraw is-70 anniversarju minn tmiem l-ewwel
gwerra dinjija u l-ġublew tal-fidda tal-pellegrinaġġ annwali li
jsir mis-suldati alpinisti. Fl-Omelija, il-Papa tkellem mill-ħtieġa
tad-devozzjoni lejn il-Madonna u s-siwi tad-devozzjonijiet partikulari lejha.
Fost dawn id-devozzjonijiet, fi kliem il-Papa, “tiġi fl-ewwel post
id-devozzjoni tal-Labtu tal-Karmnu li minħabba s-sempliċità
tagħha, hija adattata għal kull persuna u, għalhekk, hija
mxerrda ferm fost l-insara bi frott spiritwali kotran”. Wara mbagħad
fakkar lill-miġemgħa li l-għan ewlieni ta’ ħajjitna huwa li
niksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem, li tfakkarna fiha b’mod speċjali l-festa
tas-16 ta’ Lulju. Fl-aħħar, temm id-diskors tiegħu bil-kliem:
“Il-Madonna tiżgurana li tinterċedi għalina biex nibqgħu
sħaħ fil-fidi u fil-grazzja sa tmiem il-pellegrinaġġ
tagħna f’din l-art”.[11]
Is-sena
ta’ wara (15 ta’ Jannar 1989), fiż-żjara pastorali tiegħu
lill-Parroċċa Karmelitana ta’ Mostacciano, qal li d-devozzjoni
tal-Karmnu hija marbuta ma’ libsa Marjana, il-Labtu mqaddes. Bl-għotja ta’
din il-libsa, il-Madonna riedet turina l-preokkupazzjoni materna tagħha li
tlibbisna bil-grazzja ta’ Alla, u ma tonqosx li tgħinna biex din il-libsa
nżommuha dejjem bajda. Għalhekk,
liż-żgħażagħ qalilhom: “Ilbsu bil-fiduċja l-libsa
tal-grazzja ta’ Alla u aħdmu flimkien ma’ l-Omm twajba tagħkom li
tieħu ħsiebkom biex ma tħammġux din il-libsa”.[12]
Noti:
[1] Atti ediscorsi di Pio XII, V. 19 (1957).
[2] Cfr. Henricus M.
Esteve, O.Carm., Devalore spiritualidevotionis S. Scapularis, Romae,
1953, p.263.
[3] Cfr. Simon M.
Besalduch, O.Carm., Enciclopedia del Escapulatio del Carmen, Barcelona,
1931, p.156.
[4] LG., n.62.
[5] Cfr. Renè Laurentin, La Madonna del VaticanoII, Vicenza, 1965, p.158s.
[6] Cfr. LG., n.66.
[7] Cfr. LG., n.67.
[8] L’Osservatore
Romano, Allocuzione agli
alunni del pontificio Seminario romano, 18 luglio 1917.
[9] Cfr. L’Osservatore
Romano, Allocuzione ai Terziari Carmelitani, 28 luglio 1917.
[10] Cfr. Epistula ad
Emin. Mum Cardinalem Legatum ad Congressum Mariologicum Internationalem, in Analecta
Ordinis Carmelitarum, 24 (1965), 187.
[11] L’Osservatore
Romano, 24-7-1988, p.2
(edi. Castellana).
[12] Cfr. Flllppo Mari. Fate
quello che Lei vi dirà, in La Madonna del Carmine, Roma, 3-4: Marzo Aprile
1989, p.23; Mario Ponti, Lo Scapolare, luminosa testimonianza cristiana,
ibid., p.22.