Artikli

Il-Madonna


L-Imqaddsa Verġni Marija fil-Ħajja tal-Knisja Llum

P. Jürgen Cucciardi O.Carm.

Qabel ma nidħlu fid-dettall dwar il-Verġni Marija, tkun ħaġa tajba jekk nippruvaw nidħlu fil-kuntest ta’ dak li hi l-Verġni Marija. Għalhekk, lill-Verġni Marija rridu nqegħduha fil-kuntest li qegħdin nitkellmu fih illum. Dan ifisser li rridu nwieġbu għall-mistoqsijiet li tqajjem id-dinja tagħna. Mistoqsijiet li għandhom x’jaqsmu mhux biss mal-Verġni Mqaddsa Marija, imma wkoll dwar il-figura tal-mara u l-figura ta’ l-omm fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha.

1.1      Il-Figura tal-Mara u ta’ l-Omm

Qegħdin ngħixu f’dinja ta’ kuntrasti. Fuq naħa nsibu l-promozzjoni tal-persuna umana, u fuq in-naħa l-oħra nsibu lil min lill-bniedem jirredikolah, iqiegħdu fil-periklu, min jarah biss bħala oġġett ta’ użu u esperimentazzjoni, ma jara xejn ħażin f’li joqtlu, min iqiegħdu fl-istess livell ta’ l-annimali.

L-istess dwar il-figura tal-mara. Fuq naħa naraw il-promozzjoni għall-ugwaljanza tal-mara – u rridu niftakru li l-mara ġiet maħluqa biex tkun mara u mhux biex tkun bħar-raġel! – u fuq in-naħa l-oħra naraw lil min ikasbar id-drittijiet tal-mara, ikasbar il-persuna tal-mara, u jagħmilha sempliċi oġġett.

F’pajjiżna, il-mara minn dejjem kellha sehem importanti fis-soċjetà tagħna. Nistedinkom sabiex immorru lura fi żmien il-preistorja – żmien ilu mhux ħażin! – u naraw lil min kienu jaduraw ħutna l-Maltin. Kienu jaduraw lill-mara l-ħoxna. Żgur li din it-tip ta’ alla ma kinitx se tkun xi mudella għal ħafna nisa tal-lum. Imma din il-mara kienet ta’ ispirazzjoni. Ħarsu lejha u din il-femminilità fis-soċjetà u fil-Knisja baqgħet ħajja.

Minn hawn ngħaddu għall-punt li d-dinja tal-lum tistaqsi diversi mistoqsijiet jekk Alla huwiex raġel jew mara. Dejjem tkellimna dwaru mill-aspett maskili, imma ħafna jagħtu lil Alla l-attributi ta’ mara. Forsi l-figura tal-mara u ta’ l-omm turina b’mod aktar ċar il-bidu ta’ ħajja ġdida.

1.2      Min hi Marija?

Kieku kellna nwieġbu fil-qosor ħafna għall-mistoqsija min hi Marija? ikollna ngħidu li hija Omm il-Mulej. Hija dik li tat il-ħajja fil-ġisem lill-Iben ta’ Alla.

Għalina l-bnedmin, faċli nassoċjaw irwieħna mal-Verġni Marija. M’inix ngħid affarijiet ta’ barra minn hawn. Ftakru fil-festa tad-Duluri li niċċelebraw kull sena ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Hemm xi jum ieħor fis-sena, li fih il-knejjes tagħna jaraw daqshekk nies daqs dakinhar? Għax f’Marija wieqfa taħt is-salib ta’ Binha naraw lil dik li bħalna għaddiet mis-sabiħ u mill-ikrah tal-ħajja.

Quddiem ħafna problemi fid-dinja, quddiem taħwid kbir, il-bniedem jistaqsi fejn hu Alla. U quddiem xi sitwazzjonijiet il-bniedem jistaqsi u jgħid: Kif? Possibbli? “Tista’ omm tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ħdanha? Ukoll jekk din tinsa, jien ma ninsik qatt”.

It-tweġiba jagħtihielna Alla nnifsu fil-kelma tiegħu. Alla huwa mħabba u ma jista’ jagħmel xejn aktar ħlief iħobb. Alla, li huwa kapaċi jikteb dritt fuq linji mgħawwġin, iwassal lill-bniedem il-messaġġ ta’ l-imħabba tiegħu, u jsolvi l-problema hu! Mill-ħajja tagħna, nistgħu nintebħu tassew kif dak li aħna ma nkunux nistgħu nagħmluh, Alla jinqeda b’sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħna, biex jurina li hu ma jinsina qatt, jurina li hu jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna, jurina li ħajjitna qiegħda f’idejh.

Imma jista’ jkun, li ħafna drabi, dan Alla li jħobb jidher bħala xi ħadd ‘il-bogħod ħafna minna. Jista’ jkun ukoll, li minħabba l-limitazzjonijiet tagħna bħala bnedmin, inħossuna skomdi ħdejn u quddiem il-kobor ta’ Alla. Imma mill-ġdid, Alla ma jridx li l-bniedem iħoss ruħu ‘l-bogħod minnu, u jqiegħed bejnna u bejnu lil min jista’ jgħinna, lil min jista’ jurina t-triq, għaliex mexa qabilna diġà.

Għalkemm Kristu Ġesù huwa l-medjatur waħdieni bejn Alla u l-bniedem, għandna wkoll quddiem għajnejna persuna li tgħinna biex nagħmlu dan kollu, fost l-oħrajn, biex nersqu aktar qrib ta’ Kristu nnifsu! Għandna quddiem għajnejna lill-Verġni Marija, il-mara li Alla għażel biex tkun l-omm għażiża tiegħu, sabiex hija timxi quddiema fil-ħajja tagħna. Għażilha sabiex fil-waqt li nħarsu lejha, naraw fiha lil xi ħadd bħalna, xi ħadd li qabilna, għadda mis-sabiħ u mill-ikrah tal-ħajja. Għax ngħiduha kif inhi, il-Verġni Marija ma kellhiex għażla faċli quddiemha meta laqgħet is-sejħa ta’ Alla biex issir Ommu. Biż-żejjed niftakru li Ġużeppi kien se jibgħatha baxx baxx meta ma setax jifhem il-misteru. Niftakru wkoll fit-tbatija li kellha tgħaddi minnha minħabba f’Binha Ġesù. Ma kinitx qiegħda tagħżel ir-rieda ta’ Alla biex taħrab minn responsabbiltajiet oħrajn. Kienet qiegħda tagħmel bħal pass fid-dlam, imma mhux b’nuqqas ta’ ċertazza, anzi, konvinta, li dak li qiegħda tagħmel kien ifisser li l-ħajja tagħha qiegħda tħalliha f’idejn Alla. Kienet konvinta li l-ħajja tagħha kienet qiegħda titmexxa minn Alla. Ħalliet lil Alla jmexxi t-tmun ta’ ħajjitha. Fl-istess storja ta’ ħajjitha, rat li hija mhijiex importanti. Għarfet li hi kellha tiċkien, titwarrab, biex tħalli post għal Alla. L-għażliet li kellha tagħmel fil-ħajja tagħha, kellhom ikunu mmexxijin mill-imħabba kbira li Alla żera’ fil-qalb tagħha, u li hi min-naħa tagħha, aċċettat li tilqa’.

1.3      X’post u x’sehem għandha Marija fil-ħajja tal-Knisja llum?

Fil-Knisja, Marija qatt ma tista’ tieħu post Ġesù! Anzi, hija dik li permezz tagħha aħna rridu nersqu lejn Ġesù. Għax fil-Knisja, Marija tidher bħala dik li turina t-triq. M’hijiex persuna li ddur magħha nnifisha, imma hija stess iddur ma’ Ġesù, u tistedinna nagħmlu bħalha.

Fil-waqt li Marija għandha post importanti ħafna fil-Knisja, hija stess hija mqabbla mal-Knisja. Fil-Verġni Marija, aħna naraw dak li nittamaw u nixtiequ li nkunu.[1] Raniero Cantalamessa, fil-ktieb Mary Mirror of the Church, jitkellem dwar l-Omm ta’ Alla bħala dik li hija preżenti fil-misteru kollu tas-salvazzjoni u fil-Knisja ta’ Binha. Aktar minn hekk, huwa jitkellem dwar Marija bħala mera tal-Knisja b’dan il-mod. L-ewwel mod huwa billi tirrifletti d-dawl li hija stess tirċievi, bħalma tagħmel il-mera bid-dawl tax-xemx, u għaliex hija hekk, il-Knisja tirrifletti lilha nfisha f’Marija, biex tkun bħalha, sabiħa, lesta għall-Għarus tas-Sema.[2]

Marija hija ikona tal-Knisja, għaliex nistgħu nidħlu fil-qalba tal-Knisja min-naħa ta’ Marija. Ikona hija xbieha qaddisa li tiġbidna lejn il-misteru ta’ Alla u l-imħabba tiegħu. Huwa sewwa sew għalhekk li Marija tressaqna lejn il-Knisja ta’ Binha, u lejn Binha nnifsu! U jekk inħarsu lejn Marija, nistgħu nifhmu aħjar is-sens veru tal-Knisja, li narawha sabiħa, mingħajr dnub, mingħajr tebgħa, mingħajr nuqqas u mingħajr infedeltà. F’Marija għalhekk, naraw lill-Knisja. Marija hija dik li tmexxina lejn l-esperjenza sħiħa ta’ l-imħabba ta’ Alla li għoġbu jxerred fuq id-dinja.[3]

Imma f’Marija, bla tebgħa, naraw il-pjan ta’ Alla kieku l-bniedem ma gerfixlux kollox! Naraw il-ħolqien ġdid. Dan kollu, imma, ma jfissirx li aħna rridu nħossuna ‘l-bogħod jew qalbna maqtugħa, imma nagħmlu l-qalb u nħarsu lejn il-Verġni Marija, hija li tgħallimna kif nistgħu ngħixu ħajja li bħalha, tagħmilna bnedmin ġodda, ħolqien ġdid.


[1] Ara SC 103.
[2] Ara Raniero Cantalamessa, Mary Mirror of the Church, maqlub għall-Ingliż minn Frances Lonergan Villa, Bangalore 1998, 12.
[3] Ara Christopher O’Donnell, Mary Icon of the Church, f’Carmel in the World 37/2 (1999), 82, 100.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage