Il-Kostituzzjonijiet ta’ l-Ordni
Karmelitan huma u jfissru d-devozzjoni tal-Labtu, jgħidu bil-miftuh li l-Labtu
hu “sinjal ta’ konsagrazzjoni” lejn il-Verġni Marija. L-istess kienu qalu
l-Papa Piju XII u Luċija, waħda mit-tlett itfal li raw lill-Madonna
f’Fatima, u xi awtoritajiet ekkleżjastiċi oħra. Hawnhekk,
filwaqt li nniżżlu l-istqarrijiet tagħhom, naraw x’toffri
t-tradizzjoni Karmelitana dwar il-konsagrazzjoni marjana, u t-teoloġija
ta’ żmienna dwar l-istess suġġett.
1. Il-Labtu u l-Konsagrazzjoni Marjana: Stqarijiet
L-aqwa awtorità fil-knisja huwa l-Papa. Piju
XII, fl-ittra tiegħu Neminem profecto latet, jikteb:
“Il-Karmelitani kollha, reliġjużi, terzjarji, u dawk miktubin fi
Fratellanzi Karmelitani, fil-libsa (=Labtu) li jġibu fuqhom għandhom
xhieda ta’ dik il-konsagrazzjoni lill-Qalb Imqaddsa tal-Verġni Immakulata,
li aħna m’ilux irrikmandajna bl-akbar ħeġġa.”[1]
Kliem dan il-Papa nsibuh mill-ġdid
fuq fomm Luċija. F’intervista li għamlilha Fr. Howard E.
Rafferty, fil-15 ta’ Awissu 1950, hija qaltlu: “M’hemm l-ebda dubju, u stqarru
wkoll il-Papa, li l-Labtu tal-Karmnu huwa sinjal ta’ konsagrazzjoni lill-Madonna”.[2]
Awtorità oħra li tixhed li l-Labtu
tal-Karmnu huwa sinjal ta’ konsagrazzjoni marjana, hi dik ta’ l-Isqfijiet
tal-Olanda. Fl-okkażjoni tas-Seba’ Ċentinarju tal-Labtu, huma
jiktbu: “L-Iskapular huwa abitu, magħżul minn Marija, bħala
libsa li tixraq lil uliedha. Min jagħżel li jġib fuqu dan
il-Labtu, ikun magħdud mal-qaddejja tal-Verġni Mqaddsa. Nistqarru li
dawn il-qaddejja huma kkonsagrati lilha”.[3] Fil-fehma mbagħad ta’ Mons. Lemmens, Isqof ta’ Roermond (Olanda),
“il-Labtu huwa simbolu l-aktar adatt biex wieħed iżomm ħajja
t-tifkira tal-konsagrazzjoni tiegħu lill-Madonna u biex isaħħaħ
it-tifsira tagħha”.[4]
Il-funzjoni tal-Labtu fil-konsagrazzjoni
lill-Verġni Marija, hija hekk imfissra mill-Arċisqof ta’ Valladolid, D.
Antonio García y García: “Tikkonsagra lilek innifsek lill-Qalb
tal-Verġni Mqaddsa, ifisser li tqiegħed fiha fiduċja
sħiħa u mħabba. Id-devozzjoni tal-Labtu mqaddes tal-Karmnu hija
impuls ta’ qawwa singulari, li jħarriklek qalbek biex tagħti kollha
kemm hi mħabbtek u l-fiduċja tiegħek lill-Qalb materna
tal-Verġni Marija”.[5]
Min-naħa tiegħu l-Kardinal
Ascalesi ta’ Napli jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq il-ħtieġa
li l-Labtu jintlibes lejl u nhar. Jikteb fl-1950: “Il-Papa qal, li l-Iskapular
huwa distintiv adatt ħafna biex iżommlok quddiem għajnejk
il-konsagrazzjoni tiegħek lil Marija”. U hekk hu: “fil-fatt, biex
il-konsagrazzjoni jkollha ċerta espressjoni sensibbli, hu
meħtieġ sinjal ta’ devozzjoni permanenti. U l-iskapular, billi huwa
oġġett sensibbli, u jrid jintlibes kuljum lejl u nhar, huwa dejjem
magħna biex javżana li aħna nappartienu lil Marija. Mhuwiex biss
sinjal estern, imma fuq kollox simbolu tal-ħajja interjuri”.[6]
Bħala l-aħħar
eżempju, inniżżlu test tal-famuż Kardinal ta’ Milan, il-Benedittin
Ildefonso Schuster, kemm għall-pathos tiegħu u kemm
għax jitkellem mill-għożża kbira li għandha Marija
lejn dawk li jilbsu l-Labtu bħala sinjal ta’ konsagrazzjoni lejha. Iqabbel
l-imġieba ta’ Marija ta’ dawn it-talin u ma’ drawwa antika ta’
l-imperaturi Rumani. Dawn, meta kienu jridu jipproteġu xi proprjetà,
bħalma hu edifizzju, kienu jgħattuh sempliċiment bil-porpra.
Jidher, li l-istess tagħmel il-kbira Imperatriċi tas-sema meta
wieħed, permezz ta’ l-Iskapular, jingħata kollu kemm hu lilha. Tgħid
lill-anġli u lill-bnedmin: “Min rajtuh mgħotti bil-libsa tiegħi
(= il-Labtu), dak huwa ibni, ħaġa wisq għażiża
għalija, għax jappartieni lili biss. Oqogħdu attenti li ma
tmissuħx”.[7]
2. It-Tradizzjoni Karmelitana dwar il-Konsagrazzjoni
lill-Madonna
Karatteristika ta’ l-Ordni Karmelitan
hija l-konsagrazzjoni lill-Madonna, dutrina pproponuta f’varjazzjonijiet vitali
mal-medda taż-żmien. It-terminoloġija wżata l-aktar, hi dik
ta’ “konsagrazzjoni” u “dedikazzjoni”. Ġeneralment din ta’
l-aħħar kienet tintuża għal xi ħaġa sagra,
l-oħra għal persuni. B’danakollu l-istess kelma li ntużat
għal persuna, ġieli wkoll intużat għal ħaġa sagra
u viceversa.[8] Ġieli wkoll intużaw termini jew kelmiet oħra, bħal
“affidament”, “offerta”, “esproprjazzjoni”, “appartinenza totali”,
“oblazzjoni”, “konsenja”...[9] Fi
żmienna xi wħud minn dawn it-termini m’għadhomx jintużaw.[10]
L-ewwel xhieda tat-tradizzjoni
Karmelitana dwar il-konsagrazzjoni lill-Madonna tmur lura għall-ewwel
tliet għexur tas-seklu XIII. Kien żmien il-Fewdaliżmu, sistema
politiko-soċjali li nfiltra mhux ftit fil-Knisja. Mir-Regula tagħhom,
mogħtija bejn is-snin 1206 u 1214, l-irħieb tal-Għolja
tal-Karmelu kienu obligati jibnu oratorju f’nofs iċ-ċelel.
F’qasir żmien huma wettqu dan l-obbligu, għaliex itinerarju
tal-pellegrini: La citez de Jerusalem, kompost bejn is-snin 1220-1229,
diġà jsemmi dan l-oratorju. Jgħid li kien tal-Karmelitani u li kien
iddedikat lill-Madonna: “li hermitain latin que l’en apele Frères du Carme,
où il a una petite eglise de Notre Dame”.[11] L-isem
mogħti lil dan l-oratorju huwa ta’ importanza kbira, għaliex
skond il-mentalità ta’ dak iż-żmien, il-Qaddis/a li għalih/a
kienet imsemmija l-knisja kien meqjus/a b’sid/t dik il-knisja, u dawk
mogħtijin għas-servizz tagħha, meqjusin b’nies mogħtijin
għal kollox għas-servizz ta’ dak il-Qaddis/a. Il-kelma “servizz”
kienet tfisser it-“tradito personae”, jiġifieri l-għotja
sħiħa tal-persuna, konsagrazzjoni personali, irratifikata
b’ġurament. Għaliex, fis-sistema Fewdali, is-sudditi kienu jintrabtu
b’ġurament ta’ fedeltà li jagħtu lil sidhom servizz militari u li
jifduh kemm-il darba jaqa’ f’idejn il-għadu tiegħu.
Fiċ-ċerimonja ta’ din ir-rabta s-sid kien jagħti libsa,
bħal speċi ta’ uniformi, lis-sudditi tiegħu, biex b’hekk
jingħażlu minn oħrajn u juru ta’ liema sid jappartienu.[12]
Għalhekk il-Karmelitani,
bid-dedikazzjoni ta’ l-ewwel oratorju (knisja) lill-Madonna, kienu jitqiesu
b’reliġjużi kkonsagrati lill-Verġni Marija, u bil-Labtu Mqaddes
jingħazlu minn Reliġjużi oħra u juru fil-beraħ li huma
jappartienu għal kollox lil Sidthom il-Madonna. Skond il-Konċilju
Vatikan II, “il-libsa tar-reliġjuż hi sinjal tal-konsagrazzjoni”,[13] fażi li daħlet fil-Kodiċi attwali tad-Drittu Kanoniku.
Jgħid (kan. 669): “Ir-reliġjużi għandhom jilbsu l-libsa ta’
l-istitut tagħhom... bħala sinjal ta’ konsagrazzjoni”. Imbagħad,
fil-professjoni reliġjuża, il-Karmelitani kienu jikkonfermaw
il-konsagrazzjoni tagħhom lill-Madonna, meta jwiegħdu ubbidjenza
lejha.[14]
Bil-mod il-mod il-figura ta’ Marija
bħala sidt il-Karmelu bdiet titlef il-karattru ġuridiku-fewdali u
titqies bħala Omm u Oħt il-Karmelitani. It-titlu ta’ Omm insibuh
l-ewwel darba fil-Kapitlu Provinċjali tal-Lombardija, fl-1333.[15] Lil din l-Omm, skond frażi għażiża tal-Ġeneral ta’
l-Ordni Karmelitan Giovanni Grossi (+1434), “il-Karmelitani ngħataw
għas-servizz ta’ Marija b’mod kontemplattiv”.[16] Imma t-terminu “servizz” ekwivalenti għall-ieħor ta’
“konsagrazzjoni”, diġà nsibuh f’fomm San Andrea Corsini, O.Carm. (+
1374). Jgħid: “La darba jiena tiegħek, Verġni Marija, irrid
inservik b’attenzjoni kbira lejl u nhar... Biex inservik bla heda,
għall-imħabba ta’ Ibnek, jiena ntrabatt fl-Ordni Mqaddes tiegħek
li nkun bħal ħaruf mans, mhejji bħala sagrifiċċju ta’
tifħir”.[17]
Fil-kultura ta’ żmienna,
ikkaratterizzata minn sens qawwi ta’ libertà, it-terminu “servitù/servizz”
b’riferenza għall-Madonna, xejn ma jdoqq tajjeb fil-widnejn.[18] Terminu ieħor ta’ “offerta” huwa aħjar.[19] Użah ukoll il-Papa preżenti, Ġwanni Pawlu II.[20] Sewwa sew din l-espressjoni ta’ “offerta”, f’sens ta’ appartinenza totali u
disponibbilità lil Marija, insibuha f’Arnoldus Bostius, O.Carm, fil-ktieb
tiegħu De patronatu et patrocinio, mitbugħ fl-1479. Jgħid
għal kull membru ta’ l-Ordni Karmelitan: “Dak kollu li inti ħejjejt
biex tofri lil Alla, iddumx ma tqiegħdu f’idejn Marija”.[21]
Fis-sekli li ġew wara, kemm il-kelma
u kemm il-kunċett tal-konsagrazzjoni Marjana huma midħla ma’ l-awturi
Karmelitani, għalkemm mhux neqsin termini oħrajn. Mark tat-Twelid
ta’ Marija huwa tal-fehma li kien Alla li għażel il-Karmelitani
biex joffru lilhom infushom lil Ommhom tas-sema. Għalhekk
ir-Reliġjużi kollha ta’ l-Ordni u kull wieħed minnhom,
mit-twaqqif stess ta’ l-Ordni u mill-professjoni solenni, huma kkonsagrati
b’mod speċjali lill-Imqaddsa Verġni Marija.[22] Band’oħra, fl-istess ktieb Directoire des novices, insibu dan l-att
ta’ konsagrazzjoni:
“(Marija),
min-naħa tiegħi nilqgħek u nagħżlek minn issa u
għal dejjem b’Sultana tiegħi, b’Ommi.... Irrid inkun niddependi
minnek sa l-aħħar nifs ta’ ħajti. Nikkonsagra ruħi lilek
matul il-jiem kollha ta’ ħajti, niddedika lili nnifsi għas-servizz
tiegħek, fik inqiegħed it-tama tiegħi. Minn issa irrid
nagħtik ġieħ f’kollox, b’kull azzjoni tiegħi....
Ilqagħni b’qaddej tiegħek għal dejjem”.[23]
Jasal biex joffri lil Marija sa l-istess
merti tiegħu, għaliex jikteb: “Ir-reliġjuż Karmelitan
jagħti b’donazzjoni lil Marija dak kollu li jista’ jagħtiha”.[24]
L-atti ta’ konsagrazzjoni lill-Madonna
minn individwi Karmelitani, niltaqgħu magħhom fil-kotba kollha li
jitkellmu mid-devozzjoni Marjana.[25] Għalhekk ma jidhrilniex li hemm għalfejn insaħħu kliemna
b’eżempji oħra. Ta’ siwi għat-tradizzjoni li qegħdin
nistħarrġu, hija l-fehma ta’ diversi awturi, li l-istess professjoni
religjuża tal-Karmelitan/a hija konsagrazzjoni lill-Madonna.
Ir-raġuni hija waħda, għaliex skond ir-rittwal Karmelitan
il-voti jsiru “lil Alla u lill-Verġni Marija”.[26] Insemmu eżempju wieħed marbut ma’ episodju ħelu. Marija
Perpetwa de Luz, O.Carm., kienet bejn ħaltejn jekk setgħetx
twiegħed l-ubbidjenza tagħha lill-Verġni Marija, imma wara li
din ikkonfermatilha li tista’, għaliex bil-professjoni hija twiegħed
ubbidjenza lil Alla u lilha (skond ir-rit Karmelitan), għamlet l-att ta’
konsagrazzjoni totali.[27] Mhux
biss, imma ddedikat lilha nnifisha bi skjava lill-Madonna: “sese in mancipium
dedicavit “.[28]
Fi żmienna, it-terminu ta’
“mancipju/skjavitù” għall-konsagrazzjoni Marjana mhuwiex
aċċettat. Imma, minn tmiem is-seklu XVI sa tul is-seklu XVII kien
popolari ħafna fl-Ewropa. Użawh teologi magħrufa, bħal De
Royas, De los Rios, De Alvarado (Spanja), Berulle, H. Boudon, Jobert (Franza),
Montfort (Belġju), Stanislas Fenicki (Polonja), it-Teatini (Italja).
Berulle saħansitra ppropona lis-Sorijiet Karmelitani l-vot doppju ta’
servitù perpetwu lill-Verġni Marija u lil Ġesù Kristu.[29]
Ljun ta’ San Ġwann, O.Carm, meqjus
bħala wieħed mill-Franċiżi li bid-dritt kollu jixirqilhom
kull ġieħ, iħaddan kemm it-teorija ta’ skjavitù Marjana u kemm
l-oħra tal-konsagrazzjoni bħala kuntratt ta’ alleanza ma’ Marija.
Fil-fatt, fil-ktieb tiegħu Jesus Christ en ses throne, insibu
mniżżel dan it-test: “Il-qima l-aktar perfetta u l-isbaħ
olokawstu li ruħ devota tista’ tagħmel, hu li tikkonsagra lilha
nnifisha lil Alla, lil Ġesù, lil Marija, u lil kollha kemm hi l-familja
mbierka tagħhom. U dan b’mod perpetwu ta’ dipendenza attwali, ta’
filjazzjoni kordjali, ta’ servitù ta’ mħabba, u ta’ skjavitù eterna”.[30] Imbagħad, fi ktieb ieħor: Alliance spirituelle, jgħid li,
il-Labtu tal-Karmnu huwa sinjal estern ta’ kuntratt spiritwali bejn
il-Karmelitani u Marija. Taħt l-istandard ta’ l-Iskapular huma jistqarru
bil-miftuħ u fil-beraħ il-qima u l-kult speċjali tagħhom
lill-Madonna, u din minn naħa tagħha tagħti protezzjoni
speċjali lill-Ordni Karmelitam u lil membri kollha tiegħu.[31]
Fost il-Karmelitani, kien hemm xi
wħud li għamlu użu mit-terminu sejċentesk ta’
“esproprijazzjoni” minflok konsagrazzjoni. Waħda minnhom kienet Swor
Maria Minima Strozzi, O.Carm. Hija tħeġġeġ lis-Sorijiet
tal-kunvent tagħha biex jikkonsagraw lilhom infushom lil Marija b’dan
il-kliem: “Nagħmlu offerta lill-Verġni Mqaddsa ta’ esproprijazzjoni
tagħna nfusna, ta’ qlubna, ġudizzji, rieda, intellett, libru
arbitrju, sentimenti, affetti, u fl-aħħarnet ta’ l-esseri kollu
tagħna intern u estern”.[32] Imqanqlin minn dan il-kliem, ilkoll ħarġu dak kollu li kellhom
fiċ-ċelel, minbarra s-sodda, u qegħduh f’post fejn kienet indikatilhom
hi, il-Pirjola.[33]
Iżjed magħrufa hija t-Terzjarja
Karmelitana Marja tereża Petyt; hi tuża kemm il-kelma
“esproprijazzjoni” u kemm l-oħra ta’ “konsagrazzjoni”. Tistqarr li
dehrilha li l-Madonna riditha tagħmel oblazzjoni sħiħa
tagħha nnifisha u tingħata lilha b’ruħha u ġisimha, u
bil-forzi kollha tagħhom. Hi hekk għamlet u esproprjat għal
kollox lilha nnifisha u kkonsagrat ruħha lill-Madonna. Saret proprjetà
tagħha, hekk li ma riditx li jkollha jew jibqagħlha xi dritt fuqha
nnifisha, imma tkun kollha kemm hi tagħha.[34]
Irridu naħsbu li l-Petyt
għamlet din l-esproprijazzjoni u konsagrazzjoni tagħha nnifisha fuq
il-parir tad-direttur spiritwali tagħha l-Ven. Mikiel ta’ Santu Wistin,
O.Carm. Hu hekk jissuġġerixxi: “Wara li tagħmel l-oblazzjoni
tiegħek innifsek lit-Trinità Qaddisa, kif ukoll ta’ kull ħaġa u
ħidma tiegħek, dejjem kif irid Kristu u f’għaqda mal-merti
tiegħu, imbagħad idra offri kull ħaġa u għemil
tiegħek b’mod speċjali lil Ommok l-aktar għażiża,
Marija”.[35]
Fl-aħħarnett, Stiefnu ta’
San Franġisk Saverju, O.Carm., għandu din it-twiddiba u lment
dwar il-Labtu: “L-Iskapular imqaddes li aħna nġibu fuq sidirna, huwa
sinjal tal-konsagrazzjoni tagħna lil Marija. Bih nuru li aħna
ngħatajna kollna kemm aħna lilha, li nfittxu li nqimuha u
ninxteħtu taħt il-ħarsin tagħha. Matul ħajjitna
l-Iskapular jaħdem fuq qlubna bħallikieku sagrament. Huwa sinjal
qaddis li jimliena bi grazzji l-aktar kbar biex ngħixu ħajja qaddisa.
Imma, kbira kemm hi kbira l-virtù tal-Labtu mqaddes li nġibu fuqna u
qawwija kemm huma qawwija l-grazzji li l-Verġni Marija rabtet miegħu,
jiddependi minna li nagħmluhom effikaċi jew bla siwi. Jekk il-fidi
mingħajr l-opri hija mejta, m’għandniex għax naħsbu li
l-Iskapular se jagħtina l-ħajja ta’ dejjem, jekk aħna
m’aħniex mistoħbijin u mirfudin b’virtujiet interni. B’danakollu,
hija ħaġa ċerta li ordinarjament inġibuh fuqna bi drawwa,
mingħajr riflessjoni, mingħajr ma nagħżluh minn ilbies
ieħor. Biex aħna jkollna sehem mill-wegħdiet tal-Verġni
Mqaddsa, mhux biżżejjed li nġibuh esternament. Jeħtieġ
li nilbsu dejjem żewġ labtijiet, wieħed estern u materjali, u
ieħor intern u spiritwali; wieħed fuq sidirna u ieħor fuq
qalbna”.[36]
3. It-Teoloġija ta’ Żmienna
dwar il-Konsagrazzjoni Marjana
Fi żmienna t-terminu l-aktar
użat għall-konsagrazzjoni Marjana huwa dak ta’ “konsagrazzjoni”.
Mingħajr dubju huwa t-terminu ppreferit mit-tradizzjoni spiritwali u
adottat mill-Magisteru tal-Knisja. B’danakollu mhux ħieles minn kull
ambigwità. Għandu bżonn ta’ tisfija, għax “tikkonsagra” jfisser
li tagħmel ħaġa jew persuna qaddisa, billi tagħtiha jew
tirriservaha lil Alla.[37]
Il-konsagrazzjoni ssir ‘l Alla biss,
għax hu waħdu s-sid assolut ta’ kollox. Tagħmel sehem mill-kult
jew qima ta’ adorazzjoni; hija sinjal jew espressjoni tagħha.
Għalhekk, billi l-adorazzjoni tista’ tingħata biss ‘l Alla,
il-konsagrazzjoni tista’ ssir biss lilu. Minħabba f’hekk xi wħud
joġġezzjonaw għall-konsagrazzjoni Marjana. Lill-Madonna tista’
tingħatalha biss qima ta’ iperdulija.[38]
Minn hawn hu ġej li xi wħud
fittxew termini iżjed adatti. Il-Fokolarini huma favur l-espressjoni
“tgħix ‘il Marija”. Oħrajn minn semma ħaġa u min semma
oħra, bħal “opzjoni fundamentali” għal Kristu ma’ Marija,
“imħabba oblativa”, “għaqda interpersonali mal-Verġni Marija u
permezz tagħha mal-Mulej”, “dikjarazzjoni vitali permezz ta’ Kristu u ta’
Marija”, “għotja tiegħek innifsek bħala rigal lil Marija”. De
Fiores issuġġerixxa l-espresjoni “akkoljenza marjana”, għax
jidhirlu li hi iżjed biblika, fil-waqt li Ġwanni Pawlu II jidher li
jippreferi t-terminu “affidament” (mill-verb tafda). B. Lewandowski jiddefendi
dan l-aħħar terminu, għax jesprimi aħjar mill-kelma
konsagrazzjoni n-natura stess tal-konsagrazzjoni. Ġesù stess minn fuq
is-salib ried jafda l-knisja f’idejn Ommu stess, u l-bniedem min-naħa
tiegħu, jafda, joffri lil Alla lilu nnifsu u ħwejġu biex ikunu
kkonsagrati mill-Ispirtu s-Santu.[39]
Fit-tiftix tagħna dwar x’jgħidu
awturi Karmelitani ta’ żmienna, sibna li lkoll jużaw it-terminu
“konsagrazzjoni”, minħabba li Piju XII kien qal li l-Labtu huwa sinjal ta’
konsagrazzjoni lill-Madonna. Nagħtu xi eżempji. Ludovico Saggi għandu diskors sħiħ fuq “Lo Scapolare e la consacrazione”. Mhux biss juża l-kelma “konsagrazzjoni” biex jurina xi tfisser din
il-kelma, imma wkoll jistaqsi jekk hijiex leċita l-konsagrazzjoni lil
Marija. It-tweġiba tiegħu hija pożittiva. “Bla dubju”,
jwiegħġeb, “mill-waqt li Alla ried isir bniedem permezz tagħha,
aħna wkoll nistgħu nofru lilna nfusna lil Alla permezz ta’ Marija”.[40] L-istess López-Melús. Jikteb: “Il-konsagrazzjoni lil Marija hija
ekwivalenti għal donazzjoni, totali perenni, ta’ l-essri kollu tagħna
lis-Sinjura tas-sema, Ommna”, “L-Iskapular hu simbolu jew sinjal ta’ din
il-konsagrazzjoni lill-Verġni Mqaddsa, jiġifieri konsagrazzjoni lil
Ġesù permezz ta’ Marija...”.[41] Ta’
din il-fehma huwa wkoll l-awtur tal-ktieb: “Il Carmelo a Maria”. Hu jidhirlu li d-dedikazzjoni ta’ l-Ordni Karmelitan lill-Madonna sa mill-bidu
tat-twaqqif tiegħu (s.XIII), u l-għajxien tiegħu skond
il-virtujiet mitlubin mit-teoloġija Marjana, illum jikkorispondu għall-essenza
tal-konsagrazzjoni lil Marija, u li t-terminu “konsagrazzjoni” huwa aħjar
minn dak ta’ “dedikazzjoni”. Għalhekk il-Labtu tal-Karmnu huwa
fundamentalment sinjal “ta’ konsagrazzjoni lil Marija skond l-ispirtu
tal-Karmelu”.[42]
Bħal Saggi, l-awtur ta’ dan il-ktieb
jidhirlu li l-konsagrazzjoni Marjana tista’ ssir, għalkemm it-terminu
“konsagrazzjoni” huwa espressjoni ta’ att ta’ adorazzjoni, li minnha nnifisha
tista’ tingħata biss lil Alla[43] Imma
r-raġuni ta’ dan hija differenti minn ta’ l-ieħor. Hija possibbli,
għaliex “Marija hija kollha kemm hi fid-dawl/dija ta’ Alla, u kull
ħaġa li tiġi attribwita lilha, l-iskop tagħha huwa Alla”.[44] Għalhekk li wieħed jikkonsagra ruħu lilha, ifisser li huwa
kkonsagra lilu nnifsu lil Alla permezz tagħha.[45]
López Melús jesponi wkoll id-diffikultà
serja li semmejna, imma fil-fehma tiegħu l-Knisja tinkuraġġiha,
għaliex il-Verġni Marija kienet ikkonsagrzata u ddedikata għal
Alla f’kollox. Hija teħodna għand binha Ġesù u tgħidilna
bħal ma qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Għamlu kull ma
jgħidilkom hu”.[46] Dan
l-awtur Spanjol jipprova jsolvi diffikultà oħra serja dwar
il-konsagrazzjoni marjana. Hi dik tal-magħmudija.
Xi wħud ma’ tinżlilhomx
il-konsagrazzjoni lill-Madonna għax jidhrilhom li hi bla siwi,
ħaġa żejda li m’hemmx bżonna. U mhux biss il-konsagrazzjoni
marjana, imma wkoll dik lil Alla. Jgħidu n-nisrani mhux diġa' huwa
kkonsagrat ‘l Alla bil-magħmudija?[47] It-tweġiba ta’ López Melús hija, il-konsagrazzjoni hi “tiġdid perfett
tal-wegħdiet tal-magħmudija”.[48] Hawnhekk ta’ min isemmi x'jgħidu Ġwanni Pawlu II u Stefano
De Fiores. Fid-diskors tiegħu ta’ l-ewwel ta’ Ġunju 1980, il-Papa
wera l-fehma tiegħu, li wieħed ma jistax jgħix
il-magħmudija tiegħu mingħajr ma jikkontempla ‘l Marija,
l-imbierka fost in-nisa.[49] Huwa
mertu ta’ San Lwiġi M. De Montfort li l-konsagrazzjoni marjana hija
meqjusa bħala tiġdid perfett tal-voti u tal-wegħdiet
tal-magħmudija.[50] Din
it-teorija ġiet mħaddna mill-Vatikan II, għaliex jagħmilha
ċara li l-konsagrazzjoni “għandha għeruqha ‘l ġewwa
fil-konsagrazzjoni battiżimali”.[51] De
Fiores jagħmel pass ieħor ‘l quddiem. Jissuġġerixxi li
tissemma wkoll Marija fit-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħmudija li
jsiru kull sena fil-vġili tal-Għid.[52]
L-aqwa diffikultà kontra l-konsagrazzjoni
hija ġejja minn dik kollettiva: parroċċi, nazzjonijiet,
il-dinja. X’sinifikat jista’ jkollha din il-konsagrazzjoni, jekk ma timpenjax
il-libertà personali ta’ min jagħmilha jew hija kuntrarja għal din
il-libertà? Xi ngħidu għal dawk li huma atei jew indifferenti, kif
tista’ l-Knisja tinkludihom fil-konsagrazzjoni? Saggi ma setax ma jarax nuqqas
f’konsagrazzjonijiet bħal dawn. Għalhekk jikteb: “Meta
l-konsagrazzjoni tkun ta’ xi persuna, mogħnija bid-dehen u r-rieda,
jinħtieġ li jkun hemm il-fehma interna u r-rieda li żżomm u
twettaq dak kollu li ġġib magħha l-konsagrazzjoni”.[53] Imma la hu u l-anqas ħadd mill-awturi Karmelitani li semmejna ma
jagħti tweġiba konvinċenti.
Saġġi jibbaża
t-tweġiba tiegħu fuq ir-rikmandazzjonijiet u l-aġir tal-Papiet:
jikteb “Il-konsagrazzjoni lill-Madonna hija għamla ta’ devozzjoni
mogħtija lil Marija u rrikmandata ferm mill-Papiet”. Isemmi mbagħad
lil Piju XII, li fl-1942, ikkonsagra d-dinja lill-Qalb bla Tebgħa ta’
Marija; il-konsagrazzjoni ta’ l-Italja lil Marija (1959), imġedda fil-Kungress
Ewkaristiku ta’ Catania; u l-konsagrazzjoni ta’ Malta lill-Qalb ta’ Ġesù u
‘l-Qalb ta’ Marija.[54] Seta’ semma ħafna iżjed eżempji. Lista tagħhom
jagħtiha De Fiores, fl-artiklu tiegħu fuq il-konsagrazzjoni.[55]
Dan l-awtur (De Fiores) għandu din
it-tweġiba għad-diffikultà tal-konsagrazzjoni kollettiva. Jgħid:
“ma ninsewx li din l-għamla ta’ konsagrazzjoni (kollettiva) mhix att
ġuridiku, imma ssir taħt forma ta’ talba... is-sinifikat tagħha
huwa ta’ interċessjoni”.[56] Mela,
l-awtorità ekkleżjastika li tagħmel din il-konsagrazzjoni kollettiva
tkun qiegħda titlob lil Marija, Omm il-bnedmin, biex tidħol għal
uliedha quddiem Alla, biex jekk huma tajbin ikomplu jitqaddsu u jekk huma
ħżiena (atei, indifferenti, eċċ.) jagħrfu
l-iżball tagħhom, jindmu minnu, u jagħtu lil dan Missierhom,
is-Sid tas-sema u l-art, l-adorazzjoni li tistħoqqlu.
Noti
[1] Għall-awtografu ta’ l-Ittra tal-Papa, ara Lo
Scapolare, 2, Roma, pp.52-53 (Latin), 69 (Taljan).
[2] Fatima and the Scapular, Carmelite Third Order Press, Chicago,
1950, p.14.
[3] It-test hu meħud mill-Ispanjol ta’ Rafael López Melús, O.Carm., El
Escapulario del Carmen, Onda (Castellòn) Espana, 1989, p.110s.
[4] Lo Scapolare del Carnine, (s.n.t.), Roma, (s.d.), p.27; Il
dono della Madonna, (s.n.t.), p.27.
[5] López Melús, o.c., p.111.
[6] López Melús, o.c., p.111.
[7] Lòpez Melùs, o.c., p.110; ara Lo Scapolare del Carmine, p.28.
[8] Ara Valerius Hoppenbrouwers, O.Carm., Devotio mariana in Ordine
fratrum B.M.V. de Monte Carmelo a medio saeculo XVI. usque ad finem saeculi XIX, Romae, 1960, pp.182-183.
[9] Ara Stefano de Fiores, Consacrazione, in Nuovo dizionario
di Mariologia, Ed Paoline, Cinisello Balsamo
(Milano), 1986, p.403.
[10] Ara Id., a.c., in o.c., p.412.
[11] Clemens Kopp, Elias und Christentum auf dem
Carmel, Paderborn, 1929, in Ludovico Saggi, O.Carm., Santi del Carmelo, Roma, 1972, p.110.
[12] Ara Saggi, o.c., p.111; Novena del
Carmine, in Antologia dello Scapolare, Roma, (s.d.), sez. 4, fasc.
1, pp.11-12; De Fiores, o.c., p.402.
[13] Perfectae caritatis (28.10.1965), n.17.
[14] Ara Saggi, Santi Carm., p.111;
għas-sinifikat u l-implikazzjonijiet ta’ karattru fewdali tal-Professjoni
reliġjuż, u tat-titlu tal-knisja, ara A.H. Thomas O.P., La
profession religieuse des Dominicains; formule, cèrèmonies, histoire, in Archivum Fratrum Praedicatorum, XXXIX
(1969), Speċjalment pp.30s.
[15] Ara Saggi, Santi Carm., p.117.
[16] Ara López Melús, o.c., pp.107-108.
[17] Lòpez Melùs, o.c., p.108.
[18] De Fiores, o.c., p.412: "Adoperare i
termini ‘schiavitu/servizio’ spiegando come essi siano compatibili
con la libertà è impresa pedagogicamente ardua e pastoralmente sconsigliabile”.
[19] Id., ibid., p.413.
[20] Ibid., p.406.
[21] Ibid., pp.402-403.
[22] Ara Hoppenbrouwers, Devotio mariana, p.179.
[23] Ara Hoppenbrouwers, o.c., pp.179-180;
Henricus M. Esteve, De valore spirituali devotionis S. Scapularis, Romae,
1953. F’dan il-ktieb, l-att tal-konsagrazzjoni lill-Madonna hu
bil-Franċiż.
[24] G.M. Fornari, O.Carm., Anno memorabile de
Carmelitani, II, Milano, 1690, p.92; De Fiores, o.c., p.403.
[25] Ara Hoppenbrouwers, o.c., p.181.
[26] Ibid., p.181.
[27] Ibid., p.183.
[28] Ibid., p.291.
[29] Ara De Fiores, pp.403-404.
[30] Id., p.403; Hoppenbrouwers iġib it-test
bil-Franċiż, kif inhu fl-oriġinal.
[31] Esteve, o.c., p.441.
[32] Ara Hoppenbrouwers, o.c., p.183; De Fiores, o.c., p.412.
[33] Ara Hoppenbrouwers, o.c., p.183.
[34] Dan it-test hu meħud mill-manuskritt
bil-Latin li qiegħed fl-Arkivju Ġenarali ta’ l-Ordni Karmelitan,
bl-enumerazzjoni III, post., 118; ara Hoppenbrouwers, o.c., p.412.
[35] Ara De Fiores, a.c., in o.c., p.403.
[36] Ara Lòpez Melùs, o.c., pp.108-109.
[37] Ara De Fiores, p.413; Saggi, Novena del Carm.,
p.13.
[38] Ara Ph. Roqueplo, Esperienza del mondo
esperienza di Dio?, LDC, Torino-Leumann, 1972, pp. 62s; De Fiores, pp.394-395,415, fejn jagħti l-ismijiet ta’ l-awturi F. Hollbock, A. Marranzini, S. De
Fiores, li jġibu l-oġġezzjonijiet kontra l-konsagrazzjoni,
speċjalment dik marjana.
[39] Ara De Fiores, pp.412-413.
[40] Saggi, Novena del Carm., p.13s.
[41] López Melús, p.106.
[42] Il-Carmelo a Maria, Roma, 1976, p.12.
[43] Ibid.: "Non fa difficoltà che la
consacrazione, espressione di adorazione, di per se’ è possibile farla solo a
Dio”.
[44] Ibid.: “Maria infatti è tutta nella luce di
Dio, e qualsiasi cosa le si tributi, ha per fino Dio”.
[45] Ibid.: “Percio consacrarsi a lei significa
consacrarsi a Dio per mezzo di lei”.
[46] O.c., p.110.
[47] Ara De Fiores, o.c., pp.395,415 n.2.
[48] López Melús , p.106: “El Escapulario... esto es,
consagración a Jesús por María de todo lo que uno es
y tiene, o sea, renovación perfecta de las promesas del bautismo”.
[49] Angelus a le bourget: ara De Fiores,
pp.409,416 n.44.
[50] Ara Trattato della vera devozione a Maria, Centro
Mariano monfortano, Roma, 1981, n. 120.
[51] Perfectae caritatis, n.5.
[52] De Fiores, p.414.
[53] Saggi, Nova Carm., p.13.
[54] Ibid., p.13; Ewġenju Tonna qaleb
bil-Malti n-Novena del Carmine ta' Saggi, u żied eżempju
ieħor ta’ konsagrazzjoni kollettiva, dik ta’ Malta lill-Qalb ta’ Ġesù u
‘l-Qalb ta’ Marija (ara V. Borg Gusman - E. Tonna, L-Erbgħat ta’ l-Udjenza, Malta, 1979, p.83).
[55] Ara Consacrazioni nazionali e del mondo, in o.c., pp.405-406.
[56] Ibid.
(Dan l-artiklu kien pubblikat fil-Programm tal-Festa tal-Madonna
tal-Karmnu, Vattetta – 2000, pp.11-27.)