Artikli

Il-Madonna


L-Imqaddsa Verġni Marija ċċelebrata fil-Liturġija

P. Jürgen Cucciardi O.Carm.

Il-liturġija ddur kollha kemm hi ma’ Ġesù Kristu. Hija l-qima li l-Knisja tagħti lil Alla. Kif jgħallimna l-Konċilju Vatikan II, il-liturġija hija l-opra ta’ Kristu saċerdot u tal-ġisem tiegħu li hu l-Knisja, huwa azjoni qaddisa per eċċellenza (ara Sacrosanctum Concilium, 7). Nistgħu ngħidu wkoll li l-liturġija teħodna dawra ma’ l-istorja kollha tas-salvazzjoni, għaliex fiha niċċelebraw dak kollu li huwa marbut mas-salvazzjoni tagħna. Biż-żejjed insemmu l-vġili ta’ l-Għid il-Kbir. Fil-qari mill-Iskrittura ma nisimgħux biss dwar Ġesù li miet u qam mill-mewt, imma nisimgħu storja sħiħa li tibda mill-ħolqien.

Il-qalba tal-liturġija tal-Knisja hija l-misteru ta’ l-Għid tal-Mulej Ġesù. Ma’ dan il-misteru ddur il-ħajja kollha tal-Knisja. Imma l-Knisja, ma’ dan il-misteru, issieħeb lil dik li f’ħajjitha kollha kienet imsieħba ma’ Binha. Issieħbet miegħu fl-inkarnazzjoni u t-tfulija (ara Mt u Lq 1-2), fil-ħajja pubblika tiegħu (ara Ġw 2,1; Mk 3,31), taħt is-salib (ara Ġw 19,25) u f’Għid il-Ħamsin (ara Atti 1,14; 2,1-4). Għalhekk, Marija hija fil-qalba tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, u fil-qalba tas-siegħa ta’ Ġesù. Fl-istess ħin, il-Verġni Marija tissieħeb magħna, hekk kif aħna qegħdin nagħmlu l-mixja tagħna ta’ fidi f’Binha li sar bniedem, għex, miet u qam mill-mewt. Fuq din il-linja nistgħu ngħidu li l-Verġni Marija hija preżenti dejjem fil-liturġija tal-Knisja: “Marija hija preżenti fit-tifkira – l-azzjoni liturġika – għaliex kienet preżenti fil-ġrajja salvifika” (Ġwanni Pawlu II, Angelus, 12 ta’ Frar 1984). Fiċ-ċelebrazzjoni liturġika, il-quċċata u l-għajn tal-ħajja tagħha, il-Knisja hija magħquda u bħal identifikata ma’ Omm Ġesù. Hija mhux biss tqim it-tifkira tagħha, tiċċelebra t-tifkira tal-Mulej u tagħmel preżenti fil-qima l-misteri tas-salvazzjoni li ħadet sehem fihom, imma f’Marija tammira u tfaħħar il-frott tal-fidwa, u fiha tikkontempla bil-ferħ, bħal fi xbieha l-aktar safja, dak li hi tixtieq u tittama li tkun (ara Sacrosanctum Concilium, 103).

Kien il-Konċilju Vatikan II li għen biex il-qima u l-imħabba tal-poplu nisrani li ntweriet fl-istorja tal-Knisja, ġew mogħtijin aktar sens. Fil-fatt, il-Ġabra ta’ Quddies f’ġieħ il-Verġni Marija nistgħu ngħidu li tagħtina studju serju dwar il-Verġni Marija. L-istess Konċilju, u t-tagħlim tal-Knisja li ġie wara, speċjalment il-Marialis Cultus tal-Papa Pawlu VI, jgħidulna li l-qima lill-Verġni Marija ma tiħux post Ġesù fil-Knisja, imma hija xi ħaġa li għandha l-għeruq tagħha fil-Kelma ta’ Alla, li mal-Verġni Marija għamel ħwejjeġ kbar (ara Marialis Cultus, 56). L-istess Verġni Marija tgħid fil-Magnificat: “Minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja”.

Fi Żmien l-Avvent

Bla ebda dubju, l-iktar żminijiet fejn naraw rabta qawwija bejn il-Mulej Ġesù u ommu Marija huma ż-żminijiet ta’ l-Avvent u tal-Milied, fejn it-tifkira tal-Verġni Marija hija mfakkra l-ħin kollu. Imma l-liturġija turina lil Marija mhux biss bħala Omm Ġesù, imma fiha naraw ir-rabta ta’ Marija mal-poplu Lhudi, il-poplu ta’ Alla, il-mara li tingħaqad mal-poplu fl-istennija tal-Messija. Hija tidher bħala l-quċċata ta’ l-istorja tal-poplu l-magħżul u l-bidu tal-Knisja. Tidher ukoll bħala dik preżenti qalb l-umli u l-foqra ta’ Israel, Bint Sijon, u t-twettiq tal-wegħdiet magħmula lill-Patrijarki.

Fl-Avvent niċċelebraw is-solennità ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru, u wkoll il-jiem ferjali mis-17 sa l-24 ta’ Diċembru, fejn il-liturġija tfakkar b’mod frekwenti lill-Verġni Marija u ssemmgħalna mill-ġdid il-profeziji dwarha u dwar il-Messija, u nisimgħu wkoll espisodji mdawrin mal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla.

Fi Żmien il-Milied

Fi żmien il-Milied hemm żewġ kelmiet differenti u kuntarji, imma fl-istess ħin jingħaqdu f’Marija: verġni u omm. B’dan il-mod, Marija tidher bħala mara unika, imma aktar minn hekk dan huwa marbut ħafna mal-ministeru tas-salvazzjoni, l-Knisja tfaħħar lil Alla ta’ dan il-misteru. Marija hija dik li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, tħarisha f’qalba, tagħti xhieda ta’ Kristu l-kelma bil-kliem u bl-imġieba tagħha, u toffrih bħala vittma qaddisa.

Il-Verġni Marija għandha post qawwi fil-festi li niċċelebraw fi żmien il-Milied: il-Milied innifsu, il-festa tal-Familja Mqaddsa, fl-ewwel ta’ Jannar fejn niċċelebraw lill-Verġni Marija bħala Omm Alla, u l-Epifanija tal-Mulej, ġrajjiet bibliċi li nistgħu ngħidu li nafu biż-żejjed dwar ir-rabta tal-Verġni Marija magħhom.

Fi Żmien ir-Randan

Fi żmien ir-Randan, forsi aktar minn żminijiet oħrajn, naraw lil Marija bħala d-dixxiplu tal-Mulej, li f’ħajjitha dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda tiegħu bi mħabba sħiħa. Marija tidher bħala Eva l-ġdida, wieqfa mhux ħdejn is-siġra tat-tajjeb u l-ħażin, imma wieqfa ħdejn is-siġra tal-ħajja. Fi żmien ir-Randan, il-Knisja tfakkar ukoll lil Marija, li wieqfa ħdejn is-salib ta’ Binha ssir omm id-dixxipli. Għalhekk, il-liturġija tistedinna sabiex nieħdu tliet atteġġjamenti li huma marbutin ma’ Marija u r-Randan. Aħna msejħin sabiex ngħixu l-ħajja tagħna ta’ dixxipli ta’ Ġesù, imsejħin sabiex nissieħbu fin-niket tal-Verġni Addolorata u nagħrfu lil Kristu li jbati fl-aħwa kollha, u msejħin ukoll sabiex inġibu rwieħna bħala ulied veri ta’ Marija. Fil-liturġija ta’ żmien ir-Randan, Marija tidher bħala dik li tidħol għalina biex nagħmlu esperjenza ġdida ta’ l-imħabba ta’ Alla, u biex ta’ kuljum nerfgħu s-salib tagħna sakemm naslu għall-glorja tal-qawmien.

F’pajjiżna, żmien ir-Randan u l-Verġni Marija nistgħu ngħidu li jissarrfu partikularment fil-festa ta’ Marija Addolorata li niċċelebraw ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira, fejn naraw lill-Verġni Marija wieqfa taħt is-salib ta’ Binha. F’din il-festa naraw lill-Verġni Marija msieħba bis-sħiħ mal-misteru ta’ Binha.

F’dan iż-żmien, niċċelebraw ġrajja importanti ħafna fil-ħajja ta’ Marija, fejn fil-25 ta’ Marzu niċċelebraw it-tħabbira tal-Mulej.

Fi Żmien l-Għid

Il-Kelma ta’ Alla ma ssemmielna xejn dwar il-Veġni Marija wara l-mewt u d-difna ta’ Ġesù, sakemm nerġgħu niltaqgħu magħha fil-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin, fejn id-dixxipli, flimkien magħha, kienu miġburin flimkien fit-talb. F’dan iż-żmien ta’ l-Għid il-Kbir, il-Verġni Marija tidher bħala dik li qiegħda tieħu sehem fil-ferħ tad-dixxipli, liema ferħ jinxtered fil-Knisja u fid-dinja kollha.

Barra minn hekk, kif Marija nisslet lil Ġesù bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-waqt li emmnet fil-Kelma ta’ Alla, hekk ukoll il-Knisja, twelled fl-ilma tal-magħmudija l-ulied li nisslet bil-fidi u bl-Ispirtu.

Fiż-Żmien Matul is-Sena

Iż-żmien ta’ matul is-sena ma jfakkarniex xi misteru partikulari tal-ħajja ta’ Kristu, imma l-misteru kollu kemm hu. Huwa għalhekk li f’dan iż-żmien naraw lil Marija bħala dik li tkompli tissieħeb fil-missjoni ta’ Binha.

Fiż-żmien matul is-sena l-Knisja tfakkarna fis-sehem ta’ Marija billi tqegħdilna quddiemna diversi festi u tifkiriet tagħha. Dawn huma:
• il-Madonna ta’ Lourdes (11 ta’ Frar), li tista’ tiġi wkoll fi żmien ir-Randan
• l-Qalb Immakulata ta’ Marija (l-għada tas-solennità tal-Qalb ta’ Ġesù)
• il-Madonna tal-Karmnu (16 ta’ Lulju)
• id-Dedikazzjoni tal-Bażilka ta’ Santa Marija Maggiore (5 ta’ Awissu)
• it-tlugħ ta’ Marija fis-sema (15 ta’ Awissu)
• Marija Reġina (22 ta’ Awissu)
• Marija Addolorata (15 ta’ Settembru)
• it-Twelid tal-Verġni Marija (8 ta’ Settembru)
• il-Madonna tar-Rużarju (7 ta’ Ottubru)
• il-Preżentazzjoni ta’ Marija fit-tempju (21 ta’ Novembru)


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage