ArtikliIl-MadonnaId-Dommi MarjaniP. Jürgen Cucciardi O.Carm. Il-Knisja, sabiex tgħinna nifhmu aħjar il-misteru ta’ Ġesù u l-misteru tas-salvazzjoni tiegħu, tqegħdilna quddiemna lill-Verġni Marija, li nistgħu nifhmuha b’mod tajjeb fid-dawl ta’ l-istorja tas-salvazzjoni tagħna.
Marija Omm Alla – Theotokos Il-Konċilju ta’ Efesu, fis-sena 431 iddikkjara lill-Verġni Marija bħala Omm Alla. Fl-istess Konċilju kien ġie dikjarat li Kristu għandu natura umana u natura divina, fil-waqt li waħda hija l-persuna tiegħu. Id-dikjarazzjoni tal-Konċilju ta’ Efesu li Marija hija Omm Alla ġejja mill-fatt li Marija tat il-ħajja fil-ġisem lill-Iben ta’ Alla. Il-Konċilju ta’ Kalċedonja fis-sena 451, ikkonferma dan. Nistgħu ngħidu għalhekk li din id-domma m’hijiex iċċentrata fuq il-Verġni Marija, imma aktar minn hekk fuq il-persuna u n-natura ta’ Kristu. Biex ngħidu hekk, din id-domma Marjana hija effett tat-tagħlim dwar Kristu. Marija dejjem Verġni Il-Verġinità ta’ Marija għandha referenza għat-tnissil u t-twelid ta’ Ġesù Kristu. Formula antika tal-magħmudija titkellem dwar il-verġinità ta’ Marija, imma ma tagħtix wisq dettall fuqha. Il-Konċilju tal-Lateran fis-sena 649 jgħid li fit-tnissil ta’ Ġesù, hija kienet verġni, u baqgħet hekk anki wara t-twelid tiegħu. Huwa l-misteru ta’ l-inkarnazzjoni, il-misteru li fih naraw li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir. F’din id-domma, naraw is-sehem u l-missjoni ta’ Marija fl-istess misteru. Il-Konċilju Vatikan II, fil-Lumen Gentium (57) jgħid li t-twelid ta’ Kristu ma naqqasx u ma neħħiex l-integrità verġinali ta’ Marija, imma qaddisha. It-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija Fil-waqt li d-dommi ta’ Marija Omm Alla u tal-Verġinità ta’ Marija ġew proklamati bħala parti mid-duttrina fuq Ġesù Kristu, id-definizzjoni solenni tat-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija ġiet dikjarata bħala domma għaliha, domma dikjarata mill-Papa Piju IV fit-8 ta’ Diċembru 1854 permezz tal-kostituzzjoni Ineffabilis Deus. F’din id-domma naraw li l-bażi tagħha huwa l-fatt li Marija kienet preparata minn qabel minn Alla sabiex tkun ommu; tkun kollha kemm hi sabiħa u kollha kemm hi qaddisa. Din id-domma tgħidilna li “l-Verġni Mqaddsa Marija, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, bi grazzja waħdanija u privileġġ minn Alla li jista’ kollox, u bis-saħħa tal-merti ta’ Ġesù Kristu, hija kienet imħarsa minn kull tebgħa tad-dnub oriġinali”. Biex ngħidu hekk, konferma ta’ dan, 150 sena ilu, f’Lourdes, il-Verġni Marija qalet lil Bernardina li hi l-Immakulata Kunċizzjoni. Din id-domma kienet frott ta’ ħafna snin, għaliex mhux kulħadd kien jaqbel dwar dan. Fost l-ordnijiet reliġjużi li ddefendew dan il-ħsieb insibu lill-Franġiskani u lill-Karmelitani li ddefendew it-tagħlim dwar it-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija. F’din id-domma naraw li Marija kienet ħielsa mid-dnub tan-nisel grazzi għall-grazzja tal-fidwa ta’ Kristu, li hija ħadet minn qabel, u għalhekk narawha kollha kemm hi qaddisa. Naraw ukoll li Marija, fl-ebda mument tal-ħajja tagħha, ma kienet imċappsa bid-dnub, lanqas bid-dnub tan-nisel. Għalhekk, il-ħajja tagħha tidher f’relazzjoni kontinwa ma’ Alla. Għalkemm hija ħaġa diffiċli li nispjegawha, id-dnub tan-nisel iġib id-diżordni fil-ħsieb u fl-imġieba tal-bniedem, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna. Permezz tat-tagħlim tal-Knisja dwar it-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija, il-Knisja tara f’Marija dik il-persuna li qatt ma ċaħdet lil Alla l-inqas sinjal ta’ mħabba. It-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema Il-Papa Piju XII, fil-kostituzzjoni Munificentissimus Deus, jgħid li l-Verġni Marija, wara li temmet il-kors ta’ ħajjitha fid-dinja, kienet imtella’ bir-ruħ u bil-ġisem fil-glorja tas-sema. Din id-domma kienet frott tat-twemmin ferventi ta’ l-insara, għaliex dan kien emmnut, u kien jifforma parti mit-tagħlim tal-knisja u fil-liturġija. Din id-domma tista’ titqies bħala l-konsegwenza tas-sejħa u l-missjoni ta’ Marija fid-dinja, għaliex hi li kienet ma’ Binha u għalih fid-dinja, kien xieraq li wara t-tmiem ta’ ħajjitha fid-dinja, tkun miegħu. Imtellgħa fis-sema, Marija ma waqfitx milli tkompli l-ħidma tagħha mal-bniedem, anzi, hija tieħu ħsieb l-aħwa kollha ta’ Binha li għadhom fid-dinja. Il-Knisja tara f’Marija dak li tixtieq u tittama li tkun fil-glorja tas-sema. Ħafna drabi nistaqsu: il-Madonna mietet jew ma mititx (raqdet) qabel telgħet is-sema? Il-mistoqsija tibqa’ bla tweġiba, għaliex fil-proklamazzjoni tad-domma, il-Knisja tgħid biss “meta temmet il-kors ta’ ħajjitha fuq l-art”. L-importanti għalina mhux hekk mititx jew le, imma l-importanti hu li nħarsu lejha sabiex għada pitgħada jkollna l-istess sehem magħha u ma’ Binha, meta nkunu bħalha. Tifsir għalina Id-dommi
Marjani għandhom tifsir importanti għalina li aħna maħluqin
fuq ix-xbieha ta’ Alla: |