Artikli

Il-Madonna


L-Imqaddsa Verġni Marija fl-Evanġelji

P. Jürgen Cucciardi O.Carm.

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, meta titkellem dwar il-Verġni Mqaddsa Marija, tgħid: Kemm kont hienja li nkun saċerdot sabiex nippriedka dwar il-Verġni Mbierka! Priedka waħda kienet tkun biż-żejjed sabiex ngħid dak kollu li nemmen dwar hekk. [...] M’għandniex ngħidu ħwejjeġ li aktarx ma jistgħux isiru jew ħwejjeġ li ma nafu xejn fuqhom! [...] Sabiex priedka dwar il-Verġni Mbierka tkun togħġobni u tagħmilli tajjeb, jeħtieġ li fiha nara l-ħajja li għexet tassew, u mhux dik li jistħajlu l-oħrajn. U biex tikkonferma dan kollu, fl-aħħar poeżija tagħha, bl-isem Għaliex inħobbok, o Marija, hija tpinġi lill-Verġni Marija kif murija lilna fl-Evanġelji. L-Evanġelji, fil-ħajja kollha ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, kienu tassew l-għajn li setgħet tixrob minnha.
Ħafna drabi nsibu diversi applikazzjonijiet għall-Verġni Marija fl-Iskrittura kollha, kemm fit-Testment il-Qadim, kif ukoll fit-Testment il-Ġdid. Se nitkellmu biss dwar il-Verġni Marija fl-Evanġelji minħabba r-referenza diretta għaliha.

Fl-Evanġelju ta’ San Mattew

L-ewwel darba li San Mattew jitkellem dwar il-Verġni Marija huwa meta jsemmi l-arblu tar-razza ta’ Ġesù (ara Mt 1,1-17). Huwa u jispiċċa dan ktieb in-nisel ta’ Ġesù, wara lista twila ta’ ismijiet, San Mattew jgħid li Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta' Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejjħulu l-Messija (Mt 1,16). Hawnhekk, Marija tidher fil-pjan ta’ salvazzjoni ta’ Alla. Jekk inħarsu sewwa lejn l-ismijiet li jissemmew, naraw li dawn m’humiex kollha qaddisin, anzi nies li huma wkoll b’xi mod jew ieħor naqsu lil Alla. F’dan it-test ta’ l-Evanġelju ma jissemmewx in-nisa li għamlu isem kbir fl-Antik Testment – Sara, Rebekka u Rakeli – imma n-nisa li jissemmew – Tamar, Raħab, Rut u l-mara ta’ Urija, juruna li dawn kollha ħarġu tqal b’xi ħaġa stramba. Anki l-Verġni Marija li Ġesù tnissel fiha bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu u mhux b’mod naturali. Imma Alla huwa kapaċi jikteb dritt fuq linji mgħawġin. Naraw għalhekk eżempju ta’ kif Alla jinqeda bl-affarijiet li m’humiex daqshekk tajbin jew pożittivi, sabiex idawwarhom b’mod favorevoli għall-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni. Għal San Mattew, Marija m’hijiex biss Omm Ġesù, imma hija wkoll il-Verġni li tnissel b’mod straordinarju lill-Emmanu-el, Alla magħna. Fil-waqt li Ġużeppi juri li Ġesù ġej min-nisel ta’ David, Marija tagħti garanzija ta’ l-oriġini divina ta’ Ġesù.
Bħal San Mark, San Mattew jitkellem ukoll dwar il-familja ta’ Ġesù, fejn huwa juri li l-familja ġdida tiegħu hija magħmula minn dawk li jagħmlu r-rieda ta’ Alla: kull min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi (Mt 12,49).

Fl-Evanġelju ta’ San Mark

Għall-Evanġelista San Mark, il-Verġni Marija tidher bħala membru fil-familja ta’ Ġesù: Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. “Ara,” qalulu, “ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk.” U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?” Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bil-qiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi” (Mk 3,31-35). F’din il-ġrajja, Ġesù ma jagħmilx referenza għall-familja naturali tiegħu, imma biex ngħidu hekk bħal jifforma idea ġdida ta’ familja, marbuta mal-fatt li dak li hu meħtieġ għall-membri ta’ din il-familja huwa li jagħmlu r-rieda ta’ Alla. Fl-istess ħin, imma, il-Verġni Marija f’din il-ġrajja tidher bħala dik li f’ħajjitha wettqet bil-fedeltà r-rieda ta’ Alla.
Darba oħra, kien hemm mill-ġdid kriżi dwar Ġesù u l-familja tiegħu! In-nies jibdew jistaqsu dwaru: Mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan m’huwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet m’humiex hawn magħna?” U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess.” U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom (Mk 6,1-6). M’hijiex ħaġa komuni li fid-dinja Lhudija tirreferi għal xi ħadd bħala l-iben ta’ ommu, imma aktar bħala t-tifel ta’ missieru. Għalhekk nistgħu naslu għall-konklużjoni li hemm dan l-użu jew minħabba li Ġużeppi kien diġà miet, jew inkella biex Ġesù jidher verament bħala l-iben naturali ta’ Marija, u mhux ta’ Ġużeppi, li tiegħu kien iben legali. Fl-istess ħin, għalkemm jissemmew l-aħwa ta’ Ġesù, dawn ma jissemmewx bħala wlied Marija, f’sens li dawn l-aħwa ma jagħmlux parti mill-familja stretta ta’ Ġesù, imma qraba tiegħu.

Fil-qosor, San Mark jurina lill-Verġni Marija bħala dik li qiegħda tagħmel mixja ta’ fidi. Biex tagħmel dan, Ġesù qiegħed jagħmel l-istedina biex, bħal ngħidu hekk, tbiddel id-direzzjoni tagħha: ma tħarisx lejn l-ideat umani tagħha fir-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù, imma tħares u timxi lejn dak li jorbot verament il-komunità ġdida li jrid iwaqqaf Ġesù.

L-Evanġelista S. Luqa "Il-pittur tal-Madonna"Fl-Evanġelju ta’ San Luqa

Jista’ jkun li l-Evanġelju ta’ San Luqa huwa l-aktar Evanġelju popolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-Verġni Marija, għaliex fih naraw aktar mill-qrib il-ġrajjiet tal-misteru tat-tnissil u t-twelid ta’ Ġesù.
Fil-ġrajja tat-tħabbira tal-Mulej lil Marija, naraw differenza kbira bejnha u t-tħabbira l-oħra, dik lil Żakkarija. Żakkarija ddubita dwar il-messaġġ li kien qiegħed jintbagħat lilu. Marija, min-naħa l-oħra, tilqa’ bil-fidi l-aħbar imwassla lilha. F’din il-ġrajja, Marija tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, u ssir tabernaklu ta’ Alla.
Fil-ġrajja li jmiss, dik taż-żjara tal-Verġni Marija lil Eliżabetta, naraw xebh kbir bejn din iż-żjara u t-trasport ta’ l-arka tal-patt kif murija fit-tieni ktieb ta’ Samwel (6,2-15). Il-Verġni Marija hija meqjusa bħala l-arka tal-patt il-ġdid, l-għamara ta’ Alla l-ħaj. F’din l-istess ġrajja, Marija, fid-dar ta’ Eliżabetta, tfaħħar il-kobor tal-Mulej, għal dak kollu li għamel magħha u permezz tagħha, qaddejja tiegħu.
Fit-tempju, imbagħad, insibu żewġ ġrajjiet: il-preżentazzjoni ta’ Ġesù u s-sejba ta’ Ġesù meta kellu tnax-il sena. Marija tagħmel dak li titlob il-liġi u tippreżenta lil Ġesù fit-tempju wara erbgħin jum, fil-waqt li naraw l-imħabba u l-għożża tagħha għal Binha meta ma sabitux.
F’dawn il-ġrajjiet kollha, naraw lill-Verġni Marija bħala dik imsejħa minn Alla biex tidħol b’missjoni partikolari fil-pjan ta’ Alla. Għal din is-sejħa, Marija twieġeb b’fidi kbira, fidi li mmarkatha tul ħajjitha kollha.

Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann

Fl-Evanġelju skond San Ġwann, Marija tidher f’żewġ mumenti partikolari: fit-tieġ li sar f’Kana tal-Galilija, u wieqfa taħt is-salib ta’ Binha. Dak li Marja tgħid lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, Agħmlu kull ma jgħidilkom hu (Ġw 2,5), isib eku fit-tweġiba tal-poplu Lhudi fil-muntanja Sinaj: Kull ma qal il-Mulej, aħna nagħmluh (Eż 19,8) u Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu (Eż 24,3.7). Il-Verġni Marija, għalhekk, tidher identifikata mal-poplu ta’ Israel. Ġesù jirreferi għal ommu bħala Mara, bħalma l-poplu Lhudi ħafna drabi huwa identifikat ma’ mara.
Meta l-Evanġelista jitkellem dwar il-mewt ta’ Ġesù, naraw lil Ġwanni jieħu lill-Verġni Marija fost l-egħżeż affarijiet tiegħu. Fuq is-salib naraw il-mument ċentrali tad-dixxipulat tal-Verġni Marija, li mxiet wara Kristu fil-ħajja kollha tagħha, u f’dak il-mument baqgħet soda fil-fidi tagħha, għaliex emmnet li dak il-mument m’huwiex it-tmiem ta’ kollox. Il-pass li tat fil-bidu nett tas-sejħa tagħha, Marija ppruvat tgħixu b’mod li f’ħajjitha dejjem afdat f’Alla u ħalliet lil Alla jmexxiha hu. Kien għalhekk li baqgħet soda fil-fidi tagħha.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage