EsperjenziĦajja ReliġjużaŻEWĠ NOVIZZI MALTIN FI SPANJA
Fuq livell spiritwali aħna qegħdin insiru nafu dejjem aktar il-kariżma ta’ l-Ordni tagħna, kif ukoll qegħdin insiru midħla tal-kitbiet ta’ xi qaddisin Karmelitani, bħalma huma Santa Tereża ta’ Ġesù, San Ġwann tas-Salib, Santa Marija Maddalena de’ Pazzi u oħrajn. Fil-preżent qegħdin nattendu kors għan-novizzi fl-Istitut Perfectae Caritatis, organizzat mid-Dumnikani. Dan iressaqna lejn diversi elementi li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja reliġjuża, bħall-voti, il-komunità u suġġetti oħra. Xi ħaġa interessanti ħafna hija li qegħdin inżuru wkoll postijiet li fihom twieldu u għexu żewġ figuri kbar tal-Karmelu, Tereża u Ġwanni, postijiet bħal Avila, Toledo u Fontiveros. Il-belt ta’ Salamnca hija simbolu tal-kultura, mimlija postijiet storiċi, bħal ngħidu aħna l-Katidral gotiku li għandha. Din l-esperjenza għenitna wkoll niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ kultura u lingwa differenti li tiftħilna orizzonti ġodda kemm għall-preżent u kemm għall-futur.
Novizzjat mingħajr komunità huwa wieħed li tonqsu xi ħaġa fundamentali, u hawnhekk vera rajna l-esperjenza komunitarja, kemm min-naħa tal-komunità tan-Novizzjat kif ukoll min-naħa tal-Provinċja Arago-Valentina li laqgħetna u kull komunità dejjem kienet miftuħa għalina meta żorniha. Iktar minn kollox, in-novizzjat huwa esperjenza li tinkludi kull aspett tal-persuna, fit-totalità tagħha. Sena, fiha nfisha, hi żmien qasir, imma fl-istess waqt huwa żmien biex b’mod sistematiku ħafna, nagħrblu lilna nfusna u l-vokazzjoni tagħna, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, f’relazzjoni komunitarja ma’ l-aħwa li ngħixu magħhom, u fil-waqt li nħarsu lejn d-doni li Alla għoġbu jżejjinna bihom u l-għemejjel sbieħ ta’ Alla f’ħajjitna, nfittxu, bl-għajnuna wkoll ta’ min imexxina, l-aħjar mod kif ngħixu. Dan ma jsirx darba għal dejjem, imma hu proċess kontinwu li jtul l-għomor kollu fil-ħajja reliġjuża. Madankollu, din is-sena, hi waħda importanti ħafna, għax barra li fiha nitgħallmu iżjed mill-qrib u nagħmlu esperjenza fil-fond ta’ x’inhi l-ħajja reliġjuża, huwa żmien li fih bil-Ħniena ta’ l-Imħabba ta’ Alla u bit-talb, inħejju rwieħna biex nagħżlu għal ħajjitna dan l-għajxien, waqt li nduqu minn issa dak kollu li toffri l-ħajja Karmelitana. Nistgħu ngħidu li hu żmien, mhux biss ta’ tħejjija, iżda wkoll ta’ deċiżjoni. Naraw xi tfisser li tkun reliġjuż, b’mod partikulari fl-Ordni Karmelitan, u wkoll naraw jekk hijiex tassew is-sejħa li Alla qiegħed jagħmlilna. Hu żmien ta’ tħejjija għall-offerta sħiħa tagħna nfusna lil Alla. Victor Paul Farrugia u Daniel Galea |