Esperjenzi

Ħajja Reliġjuża



KORS INTERNAZZJONALI TA' FORMAZZJONI PERMANENTI 2007

Il-kors internazzjonali ta’ Formazzjoni Permanenti mniedi mill-Ordni Karmelitan għal din is-sena, li tfakkar l-400 sena mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, ittella’ fid-Domus Carmelitana (Ruma), bejn is-16 u s-27 ta’ Jannar 2007.

Dawk li ħadu sehem f’dan il-kors ġew minn dawn in-nazzjonijiet: Amerika, Awstralja, Brażil, Cameroon, Italja, Ingilterra, Irlanda, Malta, Polonja, Skozja, Spanja u Żimbabwe. Konna tlieta l-Karmelitani Maltin li ħadna sehem: Patri Leonard J. Mahoney, Patri Karm A. Ferrante, u Fra Josef Cutajar.

Il-kors, li kien impenjattiv ħafna, kien imqassam f’diskorsi, riflessjonijiet, diskussjonijiet, u naturalment talb. Kienet issir quddiesa konċelebrata kuljum li tmexxiet b’ilsna differenti u minn membri differenti.

Il-kelliema ewlenin kienu: P. Emanuel Boaga, O.Carm., Dr. Chiara Vasciaveo, P. Charlo` Camilleri, O.Carm., Sr. Paola Moschetti, u P. Pedro Bravo, O.Carm. Dawn kollha tkellmu dwar u fissru d-dimensjonijiet differenti fil-ħajja ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. Il-mentalità u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja fi żmienha li allura kienu jinfluwenzaw ħafna, flimkien ma’ l-ispiritwalità msejsa fuq ir-Regola Karmelitana, u l-ħeġġa għar-riforma tal-Knisja u tal-ħajja reliġjuża kienu s-sisien tat-taħdidied kollha.

Il-mawra ta’ ġurnata li għamilna fil-belt ta’ Firenze ġagħlitna nidħlu aħjar fl-ispirtu. Hemm żorna l-monasteru ta’ Careggi fejn jinsab espost il-ġisem inkorrott ta’ Santa M. Maddalena. Żorna wkoll il-monasteru li fih għexet il-qaddisa, u li llum huwa parti mis-seminarju djoċesan ta’ Firenze. Naturalment ma naqsitx żjara lill-kommunità Karmelitana tal-Carmine Maggiore ta’ l-istess belt.

Waqt il-konferenzi tal-kors 2007

Il-konferenzi

Il-kors dwar Santa Marija Maddalena de’ Pazzi kien mqassam f’taħdidied, riflessjonijiet u studji.

L-ewwel kelliem kien P. Emanuel Boaga, O.Carm. Huwa daħħal lil dawk preżenti fl-istorja u l-mentalità taż-żmien li fih kienet tgħix il-qaddisa Karmelitana. Fisser tajjeb ħafna r-riformi u l-kontra-riformi ta’ wara l-Konċilju ta’ Trentu. Xeħet dawl importanti fuq il-familja de’ Pazzi, kif ukoll dwar il-ħajja li sabet ruħha fiha Santa M. Maddalena meta ssieħbet mal-kommunità tal-monasteru Santa Maria degli Angeli. P. Boaga ma naqasx li jagħti wkoll dettalji dwar l-intriċċi tal-familja setgħana de’ Medici.

Dr. Chiara Vasciaveo, fid-diskorsi mqanqla tagħha, daħlet fil-fond dwar l-ispiritwalità ta’ M. Maddalena. Hija fissret fid-dettal kif il-qaddisa Karmelitana saret dak li hija minħabba l-formazzjoni teoloġika soda mnissla minn riflessjonijiet u meditazzjonijiet twal fuq il-Kelma ta’ Alla. Vasciaveo insistiet li M. Maddalena kienet għamlet il-Kelma ta’ Alla ċ-ċentru ta’ ħajjitha, proprju kif titlob ir-Regola Karmelitana. Għal din il-qaddisa, it-Trinità Mqaddsa hija l-kommunikazzjoni ntima li Alla sawwar mal-bniedem permezz ta’ l-Inkarnazzjoni tat-Tieni Persuna ta’ l-istess Mqaddsa Trinità, li għadu jsir ħaġa waħda mal-bniedem fl-Ewkaristija. Dr. Vasciaveo tkellmet ukoll dwar il-ħeġġa profetika ta’ Santa M. Maddalena għat-tiġdid tal-Knisja u tal-Ħajja Reliġjuża. Din il-ħeġġa ġagħlitha saħansitra tikteb ittri qawwija ta’ twissija lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi, fosthom ukoll lill-Papa stess.

Kelliem ieħor kien P. Charlo` Camilleri, O.Carm. Huwa daħal fid-dettal dwar il-proċess ta’ relazzjoni ma’ Alla fl-esperjenza ta’ Santa M. Maddalena. Min-naħa għandna l-penetrazzjoni ta’ l-imħabba ta’ Alla fir-ruħ. Huwa jidħol f’ħajjitna bħala ħajra jew ġibda qawwija; kultant ukoll jista’ jagħti l-każ li huwa juri fir-ruħ s-setgħa qawwija tiegħu, li fil-mistika tissejjaħ “sakra” u ġibda kbira għal Alla. Imbagħad ir-ruħ tista’ tasal li twieġeb billi tintilef għal kollox, billi toħroġ minnha nfisha lejn Alla; din fil-mistika tissejjaħ “estasi”. Din il-qaddisa hija xhieda siewja ta’ kif Alla jfittex li jibdel lill-bniedem f’divinità mata huwa jibqa’ uman. Hekk allura, M. Maddalena tfakkarna li sa minn din id-dinja stess aħna msejħin biex ningħaqdu ma’ Alla u nħobbuħ għax hu Alla.

Fit-taħdidiet tagħha, Sr. Paola Moschetti, eremita Karmelitana, fittxet li tfiehem dwar it-tbatijiet partikolari li Santa M. Maddalena de’ Pazzi għaddiet minnhom matul is-snin ta’ prova u nixfa spiritwali li hija ssejjaħ “l-arena ta’ l-iljuni”. Dan kien żmien li matulu r-ruħ għaddiet minn tisfija qawwija biex tkun imbagħad iżjed lesta li tingħaqad intimament ma’ Alla. Din l-għaqda ma’ Alla tasal biss minn fidi għamja fih. Fil-waqt li r-ruħ tintreħa għal kollox f’idejn Alla, huwa jinqeda biha bħala strument biex iwassal il-messaġġi tiegħu kif, fejn, u meta jinħtieġ.

Kien imiss lil P. Pedro Bravo, O.Carm., li jagħti l-aħħar taħdidiet tal-kors. Il-kelma mqanqla tiegħu u b’ħeġġa liema bħalha, P. Bravo tkellem dwar il-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija fil-ħajja tal-qaddisa Karmelitana. Kemm l-Ewkaristija kif ukoll il-Kelma ta’ Alla, għal M. Maddalena, kienu magħqudin ħaġa waħda u evidenti fil-perspettiva tat-Trinità Qaddisa. Dan jgħodd ukoll fil-kuntest ta’ l-istorja tal-Fidwa li bħala ċentru għandha l-Inkarnazzjoni tat-Tieni Persuna tat-Trinità Mqaddsa. Il-kelliem ma naqasx li jagħti importanza lill-ħidma ta’ l-Ispirtu Santu fil-ħajja spiritwali ta’ Santa M. Maddalena. Hija ħasset il-qawwa u l-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu bħala qawwa li tmexxi, tbiddel u twassal lir-ruħ li tħallih jaħdem fiha, għal għaqda sħiħa ma’ Alla fl-imħabba u l-għarfien tiegħu.

Il-membri li ħadu sehem fil-kors tal-formazzjoni permanenti 2007

B’taħdida qasira, il-WR Pirjol Ġeneral, P. Joseph Chalmers, O.Carm., għalaq il-kors ta’ Formazzjoni Permanenti ta’ din is-sena. Huwa ħeġġeġ lil dawk kollha li ħadu sehem biex ifittxu f’dak li tgħallmu dak li jista’ jkun ta’ ġid kemm individwali kif ukoll kollettiv.

P. Leonard J. Mahoney, P. Karm A. Ferrante, u Fra Josef Cutajar


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage