Familja Karmelitana

Daħla Ġenerali



GĦAN U TAQSIM

Familja KarmelitanaIl-kelma familja tindika grupp ta' persuni magħmul minn missier, omm u wlied, li jgħixu u jaħdmu flimkien biex jilħqu l-istess skop. U l-istess ħaġa rridu nfissru, għalkemm f'sens spiritwali, meta nitkellmu mill-Ordni Karmelitan jew mill-Familja Karmelitana. Fiha nsibu l-profeta Elija bħala l-Missier, lil Marija bħala l-Omm, u l-ulied li huma l-membri kollha li b'xi mod jew iehor jiffurmaw parti minn din il-familja, minħabba li lkoll kemm huma qed jitħabtu biex jilħqu l-istess ideal, jużaw l-istess mezzi ta' qdusija u lkoll igawdu mill-istess frott spiritwali.

Nistgħu ngħidu li l-espressjoni Familja Karmelitana bdiet tintuża wara l-Konċilju Vatikan II, u dan l-aktar minħabba li jirrifletti aħjar l-ispirtu tar-Regula li ssejjaħ lill-membri kollha tal-Karmelu aħwa mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn wieħed u ieħor. Bħalma fil-familja hemm skop ewlieni li jgħaqqad il-membri kollha flimkien, għalkemm kull membru għandu l-individwalità tiegħu, hekk ukoll nistgħu ngħidu għall-Familja Karmelitana. Filwaqt li l-Karmelitani kollha jiffurmaw familja waħda, għax ilkoll għandhom l-istess kariżma kontemplativa u jimxu wara Kristu fuq l-istess tradizzjoni spiritwali ta' l-Ordni Karmelitan, jeżistu fi ħdan din il-familja bosta gruppi li l-ħajja u l-ħidma tagħhom huma differenti. Prinċipalment, dawn il-gruppi jinġabru f'ħames tipi: a) l-Ewwel Ordni - iffurmat minn religjużi rġiel; b) it-Tieni Ordni - magħmul mis-sorijiet tal-klawsura stretta; ċ) it-Tielet Ordni - li fih isibu posthom il-Kongregazzjonijiet Religjużi u t-Terzjarji Sekulari; d) l-Istituti Sekulari; u e) l-Affiljati, il-Konfratelli u l-Miktubin fil-Labtu tal-Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu.

Din il-Familja Karmelitana, li tinġabar madwar il-patrimonju spiritwali Karmelitan, tagħti ċ-ċans lil kull grupp jieħu sehem mill-istess kariżma ta' l-Ordni u fl-istess ħin igawdi awtonomija totali ta' ħajja, legiżlazzjoni u organiżazzjoni. B'dan kollu r-rabta ta' dawn il-gruppi ma' l-ewwel Ordni (tar-reliġjużi rġiel) mhijiex sempliċement ta' simpatija, imma ta' għaqda u parteċipazzjoni vera. - AC


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage