Familja Karmelitana

L-Ewwel Ordni



PATRIJIET U FRAJIET

Patrijiet u FrajietF'dan il-grupp insibu l-membri rġiel, li msejħin minn Alla, jagħmlu l-professjoni solenni tal-kastità konsagrata, tal-faqar u ta' l-ubbidjenza. Bis-saħħa ta' din il-professjoni l-aħwa kollha huma fundamentalment indaqs, bl-istess jeddijiet u dmirijiet. Minħabba l-ħtiġijiet pastorali ħafna minnhom jirċievu s-sagrament ta’ l-Ordni Sagri (il-patrijiet). L-ewwel Karmelitani kienu frajiet, jiġifieri ma rċevewx l-Ordni Sagri.  Il-klerikalizzazzjoni ta' l-Ordni Karmelitan seħħet fil-Kapitlu Ġenerali ta' l-1291 minħabba diversi raġunijiet, fosthom: l-istil ta' ħajja ġdida fl-ibliet, il-ħidma pastorali, id-dħul ta' ħafna presbiteri fl-Ordni, kif ukoll il-fatt li bosta żgħażagħ li ħaddnu l-ħajja karmelitana bdew jitolbu li jirċievu l-ordinazzjoni, ma dan insemmu l-fatt taż-żieda kontinwa ta' membri li riedu jkomplu l-istudji tagħhom. Minkejja dan il-proċess ta' klerikalizzazjoni li, ta' min ifakkar li l-karizma ta' l-Ordni tibqa' "lajkali" u mhux "klerikali" u għaldaqstant jistgħu jgħixuha dawk l-insara kollha li jridu jagħmlu parti mill-Familja Karmelitana. Intant, kemm il-patrijiet kif ukoll il-frajiet jgħixu flimkien fuq l-istess Regula u josservaw l-istess Kostituzzjonijiet.

Bħalissa, f'dik li hi tmexxija ġuridika, ir-reliġjuzi rġiel huma mqassma fi dsatax-il Provinċja, tliet Kummissarjati, tliet Delegazzjonijiet, żewġ komunitajiet ta' eremiti u komunità affiljata. Dawn il-gruppi huma kbar jew zgħar skond in-numru tar-religjużi li għandhom. Hekk, ngħidu aħna, filwaqt li l-Provinċja ta' Malta għandha madwar 60 religjuż, dik Indonezjana għandha madwar 350 membru. Bejn wieħed u ieħor l-Ordni jwassal għan-numru ta’ 2,100 religjuż fi 350 kunvent jew dar imxerrdin mal-ħames kontinenti.

Il-ħajja tar-reliġjużi rġiel hija mżewqa bejn ħajja ta’ talb, ħajja komunitarja u ħajja ta’ servizz lill-Knisja skond ma jitolbu l-post u ċ-ċirkustanzi li jgħixu fihom. Fost l-attivitajiet pastorali l-aktar komuni nsibu s-santwarji marjani, il-parroċċi, l-iskejjel u d-djar ta' l-irtiri. - AC


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage