Familja KarmelitanaIt-Tieni Ordni
SORIJIET TAL-KLAWSURA
Nistgħu ngħidu li t-Tieni u t-Tielet Ordni
Karmelitan twieldu kważi mat-twaqqif ta' l-Ewwel Ordni, ukoll jekk huma ħadu ż-żmien biex żviluppaw
għall-mod ta’ kif nafuhom illum. Wara li l-eremiti ħallew
l-Għolja tal-Karmelu
u rritornaw fl-Ewropa, bosta nisa u rġiel, miżżewġa
u le, talbu li jiġu affiljati ma' l-Ordni. Kienu nsara mogħtija għall-ħajja qaddisa permezz ta' penitenzi,
talb u ħajja sempliċi.
Filwaqt li xi wħud
baqgħu jgħixu fis-socjetà, oħrajn kienu jgħixu mal-patrijiet jew fi djar
apposta. Kienu gruppi li mhux la kemm tgħid eżatt f'liema kategorija ta' ħajja jidħlu. Bil-mod il-mod żviluppaw fit-Tieni u t-Tielet
Ordni. Fit-tieni nofs tas-seklu tlettax fl-Ordni Karmelitan insibu bosta nisa (xebbiet
u romol) li daħlu għall-ħajja qaddisa bil-professjoni tal-voti
(verġinità konsagrata, faqar u ubbidjenza). Ma kenux jissejħu sorijiet bħalma nafuhom illum imma begini, pinzokeri,
beati, konversi jew mantellati. L-ismijiet ivarjaw skond il-pajjiżi
li kienu fihom. Dawn in-nisa kienu jinqasmu f'żewg gruppi: dawk
religjużi b'voti solenni u dawk ta' bla voti jew inkella b'voti
sempliċi. Nafu fiċ-ċert li f'nofs is-seklu ħmistax, f'Firenze (Italja), ġiet
imwaqqfa dar li fiha kienu jgħixu flimkien dawn ir-reliġjużi nisa
bil-professjoni tal-voti solenni. U nistgħu ngħidu li kien bis-saħħa tagħhom li fis-7 ta' Ottubru 1452 il-Karmelitani
qalgħu l-approvazjoni tal-Papa Nikola V, bil-bolla Cum nulla, għat-twaqqif tat-Tieni u t-Tielet Ordni. Mal-promulgazzjoni tal-bolla dawn il-gruppi ta' sorijiet karmelitani komplew
tferrxu ma' l-Ewropa kollha. Skond il-bolla papali, is-sorijiet tat-Tieni
Ordni, flimkien mal-professjoni solenni tal-voti, kienu obbligati għall-ħajja komunitarja fil-kunvent taħt l-ubbidjenza tas-superjura tagħhom, għat-talb ta' kuljum tal-Liturġija
tas-Sigħat u għall-ħajja klawstrali. Biex saret din il-bidla mill-ħajja ta’ begini, pinzokeri, beati, konversi jew mantellati għal ħajja ta’ sorijiet
klawstrali ħadet iż-żmien. Xi wħud minn dawn il-komunitajiet ta’ nisa,
l-aktar fl-Italja u Spanja, li kienu jagħmlu parti mit-Tieni Ordni, ma kienux iħaddnu la l-klawsura u lanqas il-ħajja komunitarja sħiħa. Fost dawn insibu dak ta' Avila (Spanja)
fejn daħlet Santa Tereża ta' Ġesù u minn fejn bdiet taħseb biex tmexxi 'l quddiem ir-riforma
tal-ħajja reliġjuza
karmelitana. Illum, f'dik li hi għajnuna spiritwali, barra l-interess kontinwu tal-Pirjol Ġenerali,
hemm inkarigati minn dawn is-sorijiet, Delegat Ġenerali u ieħor Provinċjali (nazzjonali jew federali
skond il-każ). It-Tieni Ordni Karmelitan jikkonsisti f'madwar 1,000 religjuża
ta' ħajja klawstrali li jghixu stil ta’ ħajja contemplativa f'77
monasteru mxerrdin mad-dinja. L-Ordni Karmelitan m'għandu ebda komunità ta' sorijiet
tal-klawsura f'Malta. B'danakollu għandu erba' sorijiet Maltin li jinsabu
f'żewġ monasteri taljani. Tlieta qegħdin Vetralla (Viterbo) u waħda S. Giovanni la Punta (Katanja).
|