Familja Karmelitana

Istituti Sekulari



FID-DINJA IMMA MHUX TAGĦHA

Istituti SekulariDin l-għamla ta' ħajja ma tidħol fl-ebda waħda mit-taqsimiet ta' l-Ordni Karmelitan li semmejna qabel. L-Istituti Sekulari bdew fil-Knisja fl-1947 b'Digriet Uffiċċjali tal-Papa Piju XII. L-Istitut Sekulari huwa għamla ta' ħajja kkonsagrata li permezz tagħha, filwaqt li jibqgħu fid-dinja, il-membri ta' l-Istitut ifittxu li jgħixu l-imħabba perfetta billi jaħdmu għall-qdusija tad-dinja fi ħdanha stess. Fl-Ordni għandna Istitut Sekulari wieħed The Leaven, li fih madwar 30 membru u kien imwaqqaf fl-Ingilterra fl-1949.

Il-Ħajja Konsagrata tiġbor fiha l-Ħajja Reliġjuża u l-Istituti Sekolari. Jeżistu ġuvintur u xebbiet ikkonsagrati fil-ħajja sekolari. Dawn m'humiex reliġjuzi u ma jgħixux fil-kunvent u ma jilbsux b'mod li jingħarfu bħall-patrijiet u s-sorijiet. B'dankollu, dawn is-sekulari m'humiex inqas ikkonsagrati mir-reliġjużi u lanqas m'huma kkonsagrati tat-tieni klassi, imma għandhom konsagrazzjoni sħiħa f'sekolarità sħiħa.

Huma l-Kunsilli Evangeliċi, il-voti tal-kastità, faqar u ubbidjenza li jagħmlu persuna konsagrata minn Alla ghal Alla. Fiż-żminijiet tagħna m'humiex ir-reliġjużi biss li jagħmlu dawn il-voti. Għandna nies, anke f'Malta, li jgħixu fis-seklu, jagħmlu dawn il-voti u saħansitra jagħżlu li ma jiżżewġux, għas-Saltna ta' Alla. Dawn huma l-membri ta' l-Istituti Sekolari, kemm ġuvintur kif ukoll xebbiet.

Dawn in-nies iħarsu lejn il-vokazzjoni tagħhom bħala waħda ta' sekolarità konsagrata li twieġeb għas-sekolariżmu u s-sekolarizzazjoni tal-bniedem ta’ llum. Huma jibqgħu fid-dinja bla ma jkunu tagħha għax huma ta' Kristu. Jibqgħu fiha biex itejbuha minn ġo fiha stess bil-preżenza, bix-xogħol u bil-professjoni tagħhom hekk li jgħixu spiritwalità sekulari. Din hija vokazzjoni ta' konsagrazzjoni ġdida, kontemporanja u attwali. - AC


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage