Familja Karmelitana
Affiljati, Fratelli u
Miktubin
fil-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu
DEVOTI TA' MARIJA
Il-Familja Karmelitana
tħaddan fiha wkoll dawk l-insara kollha
li huma affiljati ma' l-Ordni Karmelitan b'digriet tal-Pirjol Ġenerali,
il-membri tal-Konfraternitajiet u l-Miktubin fil-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu.
Dan minħabba li bl-għemil tagħhom huma juru li jridu jaqdu 'l Alla fuq l-ideal
karmelitan.
Meta wieħed jagħti ħarsa lejn id-diversi il-membri li jiffurmaw il-Familja
Karmelitana jintebaħ kif l-Ispirtu s-Santu, matul iż-żminijiet, mexxa diversi bnedmin
qaddisa biex jinkarnaw il-kariżma karmelitana f'ambjenti differenti. Ispirati
mir-Regula karmelitana huma waqqfu spiritwalment il-Familja Karmelitana fil-Knisja.
Dan il-fenomenu mhux xi ħaġa tal-passat. Illum ukoll eluf
ta' nsara madwar id-dinja jieħdu sehem mill-ħajja karmelitana billi jgħixu l-ideal, il-kariżma karmelitana
fil-mixja tagħhom lejn il-quċċata ta' l-Għolja tal-Karmelu. Jalla ħafna oħrajn, imsejħin mill-Ispirtu s-Santu jimxu wara Ġesù Kristu
bħala aħwa ta' l-Imqaddsa Verġni Marija,
jgħixu bħall-profeta Elija fil-preżenza ta'
Alla u jaqdu bl-imħabba kollha l-ħtigijiet tal-Knisja u ta' ħuthom il-bnedmin fi ħdan il-Familja Karmelitana. - AC
|