Familja Karmelitana

Fratelli tal-Madonna tal-Karmnu


REGULI PRATTIĊI GĦALL-FRATELLANZI

Fratelli tal-Karmnu1) Il-Konfraternita' tal-Labtu tal-Karmnu hija għaqda ta' lajċi li jippruvaw jgħixu l-perfezzjoni ta' l-imħabba fid-dinja skond l-ispirtu ta' l-Ordni Karmelitan. Huma jieħdu sehem mill-ħajja u l-grazzji spiritwali tiegħu f'għaqda sħiħa ta' ħsibijiet, ideali u opri, ma' Marija.

2) Id-dritt li titwaqqaf Konfraternita' jinsab f'idejn is-Superjur Ġenerali ta' l-Ordni Karmelitan. Jekk se titwaqqaf fi knisja ta' l-Ordni, il-kunsens mogħti mill-isqof djoċesan għat-twaqqif tad-dar reliġjuża, jiswa’ wkoll għat-twaqqif tal-Konfraternita'. Biex titwaqqaf fi knejjes u postijiet oħra huwa meħtieġ il-kunsens bil-miktub ta' l-isqof djoċesan.

3) Tista' tilqa' membri ġodda fil-Konfraternita' tal-Labtu tal-Karmnu persuna li għandha s-setgħa tagħmel dan f'isem l-Ordni.

4) Id-dħul fil-Konfraternita' jsir skond ir-rit proprju approvat mis-Santa Sede, bl-Għotja tal-Labtu. Dan huwa magħmul minn biċċtejn drapp ta' kulur kannella, magħqudin flimkien b'żewġ żigarelli. F'reġistru apposta għandhom jitniżżlu d-data tad-dħul fil-Konfraternita' u isem il-kandidat. Jista' jinħareġ ukoll ċertifikat bl-isem tal-Konfraternita' jew tal-knisja fejn tkun imwaqqfa.

5) Wara li jirċievi l-Labtu, il-kandidat, bil-liberta' kollha, jista' jilbes minfloku domna, li min-naħa l-waħda jkollha x-xbieha tal-Qalb ta' Ġesu' u min-naħa l-oħra tal-Madonna. Kemm id-domna kif ukoll il-Labtu jistgħu jinbidlu mingħajr il-ħtiega ta' tberik mill-ġdid.

6) Bħala sinjal estern ta' l-għotja tagħhom lil Marija fil-fraternita' tal-Karmelu, il-membri tal-Konfraternita' għandhom dejjem jilbsu b'devozzjoni l-Labtu jew id-domna.

7) Il-membri huma mitlubin li ta' kuljum jiddedikaw xi ħin biex jiltaqgħu ma' Alla fit-talb, biex jieħdu sehem ta' sikwit fl-Ewkaristija, biex ta' kuljum jgħidu xi parti mill-Liturġija tas-Sigħat, jew inkella xi Salmi, ir-rużarju jew xi talb ieħor.

8) Sakemm huwa possibbli, kull tant żmien, il-membri tal-Konfraternita' għandu jkollhom laqgħat sabiex jitħeġġu fil-fraternita', fl-għarfien ta' l-ispirtu tal-Karmelu u fl-għajnuna lill-aħwa li jinsabu fi bżonn partikulari. Dan kollu għandhom jagħmluh f'għaqda sħiħa ma' Marija.

9) Il-konfratelli jistgħu jaqilgħu l-indulġenza plenarja skond il-kundizzjonijiet tas-soltu fil-jum tad-dħul fil-Konfraternita' u fil-ġranet li gejjin: Festa ta' l-Imqaddsa Verġni Marija ta' l-Għolja tal-Karmelu (16 ta' Lulju), Il-Profeta Sant'Elija (20 ta' Lulju), San Xmun Stock (16 ta' Mejju), Santa Tereża tal-Bambin Ġesu' (1 ta' Ottubru), Santa Tereża ta' Ġesu' (15 ta' Ottubru), Il-Qaddisin kollha tal-Karmelu (14 ta' Novembru) u San Ġwann tas-Salib (14 ta' Dicembru).

10) Iċ-ċelebrazzjoni solenni tal-Konfraternita' hija t-Tifkira ta' l-Imqaddsa Verġni Marija ta' l-Għolja tal-Karmelu (16 ta' Lulju). Il-membri jiċċelebrawha b'sentimenti ta' mħabba u gratidutni intimi lejn Marija, filwaqt li f'dan il-jum iġeddu d-dedikazzjoni tagħhom lejha, il-fedelta' tagħhom lejn Ġesu' Kristu u lejn il-Knisja, u jafdaw il-Familja Karmelitana kollha lill-qalb ta' Ommna Marija.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage